Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 2 de Valladolid (Spanja) fil-5 ta’ Novembru 2020 – BFF Finance Iberia S.A.U. vs Gerencia Regional de Salud de la Junta de Castilla y León

(Kawża C-585/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 2 de Valladolid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BFF Finance Iberia S.A.U.

Konvenut: Gerencia Regional de Salud de la Junta de Castilla y León

Domandi preliminari

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li jipprovdu l-Artikoli 4(1), 6 u 7 [(2) u (3)] tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali 1

L-Artikolu 6 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li fi kwalunkwe każ l-ammont ta’ EUR 40 japplika għal kull fattura[,] dejjem u meta l-kreditur ikun individwalizza l-fatturi fit-talbiet tiegħu quddiem l-awtoritajiet amministrattivi u l-qrati amministrattivi[,] jew l-ammont ta’ EUR 40 japplika għal kull fattura fi kwalunkew każ, anki jekk ikunu tressqu talbiet magħquda u ġeneriċi?

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 198(4) tal-Liġi 9/2017 [li jistabbilixxi] perijodu ta’ ħlas ta’ 60 jum f’kull każ u għall-kuntratti kollha, b’perijodu inizjali ta’ 30 jum għall-approvazzjoni u ta’ 30 jum addizzjonali għall-ħlas[,] sa fejn il-[premessa] 23 tad-Direttiva tistabbilixxi kif ġej:

“Il-perjodi twal għall-ħlas u l-ħlas tard mill-awtoritajiet pubbliċi għall-prodotti u s-servizzi jwasslu għal spejjeż mhux ġustifikati għall-intrapriżi. Huwa għalhekk xieraq li jiġu introdotti regoli speċifiċi fir-rigward tat-transazzjonijiet kummerċjali għall-provvista ta’ prodotti jew servizzi minn intrapriżi lill-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom jipprevedu b’mod partikolari perjodi għall-ħlas li normalment ma jaqbżux it-30 jum kalendarju, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor espliċitament fil-kuntratt u sakemm ikun oġġettivament iġġustifkat meta jitqiesu n-natura jew il-karatteristiki partikulari tal-kuntratt u fl-ebda każ ma għandhom jaqbżu s-60 jum kalendarju.”

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 2 tad-Direttiva? L-interpretazzjoni tad-Direttiva, tippermetti li jitqies li[,] fil-bażi ta’ kalkolu tal-interessi moratorji li l-istess direttiva tirrikonoxxi, tkun inkluża l-VAT dovuta fuq is-servizz ipprovdut u li l-ammont tagħha jkun inkluż fil-fattura stess? Jew huwa neċessarju li jiġi identifikat u ddeterminat f’liema mument il-fornitur iwettaq il-ħlas tat-taxxa lill-amministrazzjoni tat-taxxa?

____________

1 ĠU 2011, L 48, p. 1.