Rikors ippreżentat fl-4 ta' April 2011 - Aeroporia Aigaiou Aeroporiki u Marfin Investment Group Symmetochon vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-202/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aeroporia Aigaiou Aeroporiki AE (Ateni, il-Greċja) u Marfin Investment Group Symmetochon AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: A. Ryan, Solicitor, G. Bushell, Solicitor, P. Stamou u I. Dryllerakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2011) 316 tas-26 ta' Jannar 2011 fil-Każ COMP/M.5830 relatat mal-merger propost bejn Aegean Airlines S.A. u Olympic Air S.A., Olympic Handling S.A. u Olympic Engineering S.A. taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 1; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi:

1.    L-ewwel motiv jallega ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u/jew żball manifest ta' evalwazzjoni fid-definizzjoni ta' suq għal passiġġieri bl-ajru sensittivi għall-fattur tal-ħin biss, peress li:

-    Il-Kummissjoni tuża l-amminstrazzjoni tal-qliegħ jew tad-dħul bħala bażi sabiex tiddefinixxi suq għal passiġġieri bl-ajru sensittivi għall-fattur tal-ħin li qatt ma ġiet diskussa fil-proċedura amministrattiva; u

-    Id-deċiżjoni ma tistax tkun ibbażata fuq suq li jinkludi passiġġieri bl-ajru sensittivi għall-fattur tal-ħin biss, peress li dan ma jistax ikun appoġġjat mix-xjenza ekonomika aċċettata u huwa kontradett mill-fajl tal-Kummissjoni stess.

2.    It-tieni motiv jallega żball manifest ta' evalwazzjoni meta ġie konkluż li l-laneċ għall-ġarr tal-passiġġieri jeżerċitaw biss "impediment għall-kompetizzjoni limitat" fuq servizzi tal-ajru fuq tmien rotot, peress li:

-    Il-provi ċċitati mill-Kummissjoni insostenn tal-konklużjonijiet tagħha huma selettivi ħafna, jiksru r-regoli kollha tal-provi u ma jinkludu l-ebda xogħol empiriku jew ta' studju. Barra minn hekk, dawn il-provi, meta mifhuma b'mod oġġettiv, fil-fatt jappoġġjaw il-konklużjoni kuntrarja, jiġifieri li l-laneċ għall-ġarr tal-passiġġieri jeżerċitaw impediment reali għall-kompetizzjoni għall-passiġġieri bl-ajru sensittivi għall-fattur tal-ħin u/jew għall-passiġġieri kollha fuq dawn it-tmien rotot.

3.    It-tielet motiv jallega nuqqas ta' motivazzjoni u/jew żball ta' liġi u/jew żball manifest ta' evalwazzjoni meta ġie konkluż li ser ikun hemm impediment sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva minħabba l-eliminazzjoni tar-relazzjoni kompetittiva mill-qrib bejn Aegean u Olympic, peress li:

-    Id-deċiżjoni tonqos milli tiddikjara x'inhi eżattament it-teorija tal-ksur; u

-    Il-Kummissjoni tonqos milli tipprovdi provi konsistenti u konvinċenti sabiex turi li passiġġieri ta' wieħed mir-rikorrenti ma jibdewx jużaw il-laneċ għall-ġarr tal-passiġġieri f'każ ta' żieda ta' 5 - 10 % fil-biljetti tal-ajru, li hija l-mistoqsija rilevanti.

4.    Ir-raba' motiv jallega żball manifest ta' evalwazzjoni u/jew żball ta' liġi meta ġie konkluż li jeżistu ostakoli għad-dħul li jirrendu mhux probabbli d-dħul wara l-merger, peress li:

-    Il-Kummissjoni applikat il-prova legali żbaljata, li tirrikjedi pjanijiet tad-dħul qabel il-merger li jkunu definiti u sostanzjati, li hija prova impossibbli li tiġi sodisfatta; u

-    L-evalwazzjoni fattwali tal-Kummissjoni hija vvizzjata, ibbażata fuq provi selettivi ħafna u tonqos kompletament milli twettaq investigazzjoni diliġenti.

5.    Il-ħames motiv jallega ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u/jew żball manifest tal-evalwazzjoni fl-analiżi tal-kontrafattwali, peress li:

-    Fir-rigward tal-kontrafattwali ta' Aegean, il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni jibbażaw ruħhom interament fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Minkejja osservazzjonijiet estensivi mir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tiddiskuti l-kontrafattwali ta' Aegean matul il-proċedura amministrattiva u ssostanzjat l-opinjonijiet tagħha għall-ewwel darba fid-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija żbaljata peress li hija bbażata biss fuq analiżi ex post facto; u

-    Fir-rigward tal-kontrafattwali ta' Olympic, l-analiżi tal-Kummissjoni tillimita ruħha għall-kritika tal-mudell suġġerit minn Marfin u tonqos milli twettaq evalwazzjoni ex ante xierqa b'mod prinċipali peress li ma tmurx lil hinn mill-istaġun tas-sajf tal-2011 tal-IATA. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tagħha huma biss dikjarazzjonijiet u ma huma bbażati fuq l-ebda data.

6.    Is-sitt motiv jallega ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, peress li:

-    Il-proċedura amministrattiva qabel ma l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-istandards tal-ġustizzja amministrattiva kif riflessi fid-dritt għal smigħ xieraq stabbilit mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-obbligu ta' amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligu tagħha ta' investigazzjoni diliġenti, u għalhekk qalbet l-oneru tal-prova fuq ir-rikorrenti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta' Jannar 2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40)