Kawżi magħquda C‑226/13, C‑245/13, C‑247/13 u C‑578/13

Stefan Fahnenbrock et

vs

Hellenische Republik

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Wiesbaden u mil-Landgericht Kiel)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 1(1) — Kunċett ta’ ‘kwistjonijiet [materji] ċivili jew kummerċjali’ — Responsabbiltà tal-Istat għall-‘acta iure imperii’”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2015

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Stabbiliment u evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima — Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Domandi preliminari — Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja — Neċessità, għall-qorti nazzjonali, ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tagħti s-sentenza tagħha — Kunċett — Interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli — Inklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament Nru 1393/2007 — Kamp ta’ applikazzjoni — Materji ċivili u kummerċjali — Kunċett — Interpretazzjoni awtonoma

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007, Artikolu 1(1))

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament Nru 1393/2007 — Għanijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007)

5.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament Nru 1393/2007 — Kamp ta’ applikazzjoni — Materji ċivili u kummerċjali — Kunċett — Kawżi għad-danni ppreżentati minn persuni privati, detenturi ta’ bonds tal-Istat, kontra l-Istat li ħariġhom — Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007, Artikolu 1(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25‑29)

2.        Il-kunċett ta’ “jagħtu s-sentenza” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, sabiex jiġi evitat li diversi domandi proċedurali jitqiesu li huma inammissibbli u ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi l-proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika sabiex tagħti s-sentenza tagħha.

(ara l-punt 30)

3.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament Nru 1348/2000, jipprovdi li dan ir-regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali. Madankollu, dan ir-regolament la jiddefinixxi l-kontenut u lanqas il-portata tal-kunċetti ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali” u ta’ “acta iure imperii” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili u kummerċjali” għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu, li għandu jiġi interpretat billi jsir riferiment, b’mod partikolari, għall-għanijiet u għas-sistema ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 37‑39)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 40)

5.        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet [f’materji] ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjonijiet ġudizzjarji għal kumpens għal molestja fil-pussess jew fil-proprjetà, għal eżekuzzjoni kuntrattwali u għad-danni, ippreżentati minn persuni privati, detenturi ta’ bonds tal-Istat, kontra l-Istat li ħariġhom, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament peress li ma jidhirx li ma jaqgħux manifestament taħt materji ċivili jew kummerċjali.

Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 huwiex applikabbli, huwa biżżejjed li l-qorti adita tikkonkludi li ma huwiex manifest li l-kawża ppreżentata quddiemha ma taqax taħt materji ċivili jew kummerċjali. Il-kwistjoni jekk att promotur jirrigwardax materji ċivili u kummerċjali fis-sens ta’ dan ir-regolament għandha neċessarjament tiġi riżolta saħansitra qabel ma l-partijiet fil-proċedura ħlief għar-rikorrent ikunu rċevew in-notifika tal-imsemmi att, peress li huwa preċiżament mis-soluzzjoni għall-imsemmija kwistjoni li jiddependu l-modalitajiet ta’ notifika tal-istess att. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti kkonċernata għandha tillimita ruħha għal eżami inizjali tal-elementi neċessarjament parzjali li għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkunsidra jekk din il-kawża taqax taħt materji ċivili jew kummerċjali jew inkella taħt materji li ma humiex koperti minn dan ir-regolament, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, filwaqt li r-riżultat ta’ dan l-eżami naturalment ma jistax jiddetermina minn qabel id-deċiżjonijiet sussegwenti li l-qorti adita ser ikollha tieħu f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni tagħha stess u l-mertu tal-kawża inkwistjoni.

F’dak li jirrigwarda kawżi għad-danni ppreżentati minn persuni privati, detenturi ta’ bonds tal-Istat, kontra l-Istat li ħariġhom, għandu jiġi vverifikat jekk ir-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet hijiex ikkaratterizzata manifestament minn espressjoni ta’ awtorità pubblika min-naħa tal-Istat debitur, sa fejn tikkorrispondi għall-eżerċizzju ta’ setgħat li jaqgħu ’l barra mill-portata tar-regoli tad-dritt komuni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Madankollu, il-ħruġ ta’ bonds ma jippreżupponix neċessarjament l-eżerċizzju ta’ setgħat li jaqgħu ’l barra mill-portata tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ skambju ta’ bonds tal-Istat, minn naħa, il-fatt li din il-possibbiltà ġiet introdotta permezz ta’ liġi ma huwiex determinanti fih innifsu sabiex jiġi konkluż li l-Istat eżerċita l-awtorità pubblika tiegħu u, min-naħa l-oħra, ma jidhirx b’mod manifest li l-adozzjoni ta’ din il-liġi wasslet b’mod dirett u immedjat għal modifiki fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji tal-bonds inkwistjoni u għalhekk ikkawżat id-dannu allegat mill-persuni kkonċernati.

(ara l-punti 44‑46, 49, 51, 53, 55‑57, 59 u d-dispożittiv)