SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolamenti (KE) Nri 40/94 u 44/2001 — Trade mark Komunitarja — Artikolu 93(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam tal-vjolazzjoni — Determinazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż — Parteċipazzjoni transkonfinali ta’ diversi persuni fl-istess att illegali”

Fil-Kawża C‑360/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

Coty Germany GmbH, li kienet Coty Prestige Lancaster Group GmbH,

vs

First Note Perfumes NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan (Relatur), J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Coty Germany GmbH, li kienet Coty Prestige Lancaster Group GmbH, minn K. Schmidt-Hern u U. Hildebrandt, avukat,

–        għal First Note Perfumes NV, minn M. Dinnes, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn F. Wannek u J. Kemper kif ukoll minn T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn A. Robinson, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), u tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Coty Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Coty Germany”), li kienet Coty Prestige Lancaster Group GmbH, u First Note Perfumes NV (iktar ’il quddiem “First Note”) dwar allegazzjoni ta’ dannu fuq trade mark Komunitarja miżmuma minn Coty Germany u ta’ ksur tal-liġi dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb), minħabba l-fatt tal-bejgħ, fil-Belġju, ta’ prodotti ffalsifikati lil imprenditur Ġermaniż li reġa’ biegħhom fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 40/94

3        Il-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 40/94 tipprovdi li:

“Billi d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandu jkollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, billi dan huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u ta’ l-Uffiċċju [għall-armonizzazzjoni fis-suq intern (trade marks u disinni) (UASI)], u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks Komunitarji ma jiġix imxejjen; billi r-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ [tas-27 ta’ Settembru 1968] dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar tad-Deċiżjonijiet Ċivili u Kummerċjali [ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”] għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skond il-liġi li tirrigwarda trade marks Komunitarji, ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli.”

4        L-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu jipprovdi:

“1.      It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)      kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

b)      kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

c)      kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

[...]

3.      Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja għandhom jipprevalu kontra terzi persuni mid-data ta’ pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark. Madanakollu, jista’ jintalab kumpens raġonevoli fir-rigward ta’ atti li jiġru wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jekk dawn ikunu atti li, wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, jkunu projbiti bis-saħħa tal-istess pubblikazzjoni. Il-qorti li quddiemha jiġi l-każ ma tistax tiddeċiedi fuq il-merti tal-każ qabel ma tiġi ppubblikata r-reġistrazzjoni. Madanakollu, jista’ jintalab kumpens raġonevoli fir-rigward ta’ atti li jiġru wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, jekk dawn ikunu atti li, wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, jkunu projbiti bis-saħħa tal-istess pubblikazzjoni.”

5        L-Artikolu 14(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi.

“Dan ir-Regolament m’għandux jipprevjeni li jinfetħu kawżi dwar trade mark Komunitarja taħt il-liġi tal-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tal-obbligazzjonijiet ċivili u l-kompetizzjoni inġusta [żleali].”

6        L-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “L-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sakemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, il-[Konvenzjoni ta’ Brussell], kif emendata mill-Konvenzjonijiet ta’ Adeżjoni għal dik il-Konvenzjoni ta’ l-Istati li jaċċedu għall-Komunitajiet Ewropej, li flimkien jissejjħu il-‘Kovenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar’ hawnhekk iżjed ’il quddiem, japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw it-trade marks Komunitarji u l-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji, kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks Komunitarji u trade marks nazzjonali.

2.      F’każ ta’ proċedimenti li jirrigwardaw il-kawżi u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 92:

a)      L-Artikoli 2, 4, 5(1), (3), (4) u (5) u l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ma japplikawx;

[...]”

7        L-Artikolu 91(1) tal-imsemmi regolament.

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza, minn issa msejjħa ‘Il-qrati tat-trade marks Komunitarji’, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.”

8        Skont l-Artikolu 92 tal-istess regolament, intitlolat “Il-ġurisdizzjoni fuq vjolazzjoni u validità”:

“Il-qrati tat-trade mark Komunitarja għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

a)      kull kawża ta’ vjolazzjoni u – jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali – kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji;

b)      kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni, jekk dawn huma permissibli taħt il-liġi nazzjonali;

c)      kull kawża li tinfetaħ bħala konsegwenza tal-atti msemmija fl-Artikolu 9(3), it-tieni sentenza;

d)      kull kontrotalba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja skont l-Artikolu 96.”

9        L-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Il-ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u kull dispożizzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar applikabbli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 90, il-proċeduri rigward il-kawżi u t-talbiet riferiti fl-Artikolu 92, għandhom jinġiebu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut jew, jekk ma jkunx iddomiċiljat f’wieħed mill-Istati Membri, f’kull Stat Membru li fih ikollu stabbiliment.

2.      Jekk il-konvenut ma jkollu la domiċilju u lanqas stabbiliment f’ebda wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-attur għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk m’għandu domiċilju f’ebda wieħed mill-Istati Membri, fejn huwa għandu stabbiliment.

3.      Jekk la l-konvenut u l-anqas l-attur mhuma hekk domiċiljati u lanqas m’għandhom tali stabbiliment, dawn il-proċedimenti għandhom jinġiebu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-Uffiċċju għandu s-sede tiegħu.

[...]

5.      Il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 92, bl-eċċezzjoni tal-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida, jew fejn jitwettaq att li jaqa’ taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3).”

10      L-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-Iskop tal-effetti”, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi:

“Qorti ta’ trade marks Komunitarji li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 93(5) għandha ġurisdizzjoni biss fir-rigward ta’ atti mwettqa jew mhedda fit-territorju tal-Istat Membru fejn tinsab dik il-Qorti.”

 Ir-Regolament Nru 44/2001

11      Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, biex jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament […]”.

12      Il-premessi 11, 12 u 15 tal-imsemmi regolament jipprovdu:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[...]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. [...]”

13      Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, fl-Artikoli 2 sa 31 tiegħu.

14      L-istess Kapitolu II Sezzjoni 1, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikolu 2, li l-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

15      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fl-istess sezzjoni, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

16      L-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu 2 ta’ dan, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali” jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[...]

3)      f’materji relatati ma’ responsabbiltà għal danni, delitti ċivili jew kważi-delitti ċivili, fil-qrati tal-post fejn l-inċident dannuż seħħ jew jista’ jseħħ.”

17      l-Artikolu 68(2) tal-istess regolament,

“Sakemm dan ir-Regolament jieħu post id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussel bejn Stati Membri, xi referenzi għal Konvenzjoni għandhom jinfthiemu bħala referenza għal dan ir-Regolament.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Coty Germany, stabbilita f’Mainz (il-Ġermanja) tipproduċi u tiddistribwixxi, fwejjaħ u prodotti kosmetiċi. Hija d-detentriċi tad-drittijiet fuq it-trade mark Komunitarja tridimensjali (sewda/bajda) Nru 003788767 li tirrappreżenta flixkun, rreġistrata għal prodotti ta’ fwieħa.

19      Coty Germany tikkummerċjalizza l-fwieħa msejħa “Davidoff Cool Water Woman” fi flixkun ikkulurit li fih kitba li tirriproduċi l-imsemmija trade mark Komunitarja.

20      First Note, li hija kumpannija stabbilita f’Oelegem (il-Belġju), għandha bħala attività l-bejgħ tal-fwieħa bl-ingrossa. Matul ix-xahar ta’ Jannar tal-2007, hija biegħet il-fwieħa msejħa “Blue Safe for Women” lil Stefan P. Warenhandel (iktar ’il quddiem “Stefan P.”), li l-istabbiliment kummerċjali tiegħu jinsab fil-Ġermanja. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan tal-aħħar ħa kunsinna ta’ prodotti mingħand First Note fil-Belġju u reġa’ biegħhom, sussegwentement, fit-territorju Ġermaniż.

21      Coty Germany ippreżentat rikors kontra First Note, li fih sostniet li d-distribuzzjoni, minn din tal-aħħar, tal-imsemmija fwieħa fi flixkun analogu għal dak li jidher fir-rappreżentazzjoni tat-trade mark imsemmija iktar ’il fuq, tikkostitwixxi vjolazzjoni tat-trade mark, pubbliċità komparattiva illegali u imitazzjoni żleali.

22      Dan ir-rikors ġie miċħud kemm fl-ewwel istanza u kif ukoll fl-appell. Is-sentenza mogħtija fl-appell ikkonkludiet li l-qrati Ġermaniżi ma kellhomx ġurisdizzjoni internazzjonali. Coty Germany ippreżentat rikors ta’ reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat it-trade mark Komunitarja Nru 003788767 kif ukoll il-fatt li, fil-Liġi dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali, tali prattiki kummerċjali huma pprojbiti u, sussidjarjament, hija bbażat ruħha, fil-każ fejn dan il-kumulu ta’ pretensjonijiet ikun eskluż, l-ewwel nett, fuq it-trade mark Komunitarja, u t-tieni nett, fuq il-Liġi Ġermaniża dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 93(5) tar-Regolament [...] Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens [skont l-imsemmija dispożizzjoni] li fatt ta’ vjolazzjoni ikun twettaq fi Stat Membru (Stat Membru A) fis-sens tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 f’każ ta’ parteċipazzjoni, permezz ta’ att li seħħ fi Stat Membru ieħor (Stat Membru B), fil-ksur tad-drittijiet għal trade mark li jseħħ fl-ewwel Stat Membru (Stat Membru A)?

2)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [...] Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt dannuż seħħ fi Stat Membru (Stat Membru A) meta d-delitt li huwa s-suġġett tal-proċedura jew fl-oriġini tal-allegazzjonijiet imqajma twettaq fi Stat Membru ieħor (Stat Membru B) u jikkonsisti fil-parteċipazzjoni fid-delitt (delitt prinċipali) imwettaq fl-ewwel Stat Membru (Stat Membru A)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq” stabbilit fl-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ u ta’ kunsinna ta’ prodott iffalsifikat li jkunu twettqu fit-territorju ta’ Stat Membru, li jiġu segwiti minn bejgħ ieħor minn akkwirent fit-territorju f’territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-qrati ta’ dan tal-aħħar Stat Membru għandhom, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra l-bejjiegħ inizjali li ma jkunx aġixxa huwa nnifsu fl-Istat Membru tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti.

25      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt ta’ jekk il-kunċett ta’ “l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq” użat mill-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94 għandux jiġi interpretat b’mod analogu għal ta’ dak tal-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-prinċipju ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għall-kawżi fir-rigward ta’ trade mark Komunitarja, l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għall-proċeduri li jirriżultaw minn kawżi u minn talbiet imsemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament 40/94 huma esklużi skont l-Artikolu 90(2) ta’ dan l-aħħar regolament.

27      Inkunsiderazzjoni ta’ din l-esklużjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks Komunitarji pprovduti fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi u tat-talbiet imsemmija fl-Artikolu 92 tiegħu tirriżulta mir-regoli previsti direttament mill-istess regolament, li għandhom, kif ġie rrilevat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura ta’ lex specialis meta mqabbla ma’ dawk previsti mir-Regolament Nru 44/2001.

28      B’mod iktar partikolari, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 90(2) u 92 tar-Regolament Nru 40/94, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li jikkorrispondi għalih l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja hija espressament eskluża.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi diversi kapijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

30      B’mod partikolari, l-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94 jistabbilixxi, b’mod partikolari, ġurisdizzjoni fir-rigward tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun twettaq l-att ta’ vjolazzjoni jew fejn tkun saret it-theddida.

31      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94, inkunsiderazzjoni ta’ dak li ġie rrilevat fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida”, li jissemma f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu meta mqabbel mal-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” li jissemma fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

32      Għaldaqstant, id-duwalità tal-punti ta’ konnessjoni, jiġifieri dak tal-post tal-avveniment kawżali u dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara s-sentenza Bier, 21/76, EU:C:1976:166, punt 19, u, fl-aħħar nett, is-sentenza Kainz, C-45/13, EU:C:2014:7, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma jistgħux isostnu awtomatikament l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida”, li tissemma fl-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94.

33      Bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni awtonoma ta’ din l-aħħar dispożizzjoni twassalx madankollu għar-rikonoxximent ta’ din id-duwalità tal-punti ta’ konnessjoni, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, mhux biss mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet tiegħu.

34      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 93(5) tar-regolament Nru 40/94, il-kunċett ta’ “l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq” jissuġġerixxi, kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dan il-punt ta’ konnessjoni jirreferi għall-aġir attiv tal-awtur ta’ din il-vjolazzjoni. Għaldaqstant, il-punt ta’ konnessjoni previst minn din id-dispożizzjoni huwa t-territorju tal-Istat Membru fejn seħħ l-avveniment minn fejn oriġinat il-vjolazzjoni allegata jew minn fejn setgħet isseħħ u mhux it-territorju tal-Istat Membru fejn ipproduċiet l-effetti tagħha l-imsemmija vjolazzjoni.

35      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-eżistenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati, skont l-imsemmi Artikolu 93(5) ibbażata fuq il-post fejn ipproduċiet l-effeti tagħha l-vjolazzjoni allegata, tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament, li jillimita l-ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks Komunitarji skont l-Artikolu 93(5), għall-fatti mwettqa jew it-theddida li jitwettqu fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti li tkun qed tieħu konjizzjoni tal-kawża.

36      Barra minn dan, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm il-ħolqien u kif ukoll il-kuntest tar-Regolament Nru 40/94 jikkonfermaw il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jidderoga mir-regola tal-ġurisdizzjoni pprovduta fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-aħħar sabiex twieġeb għall-problemi partikolari dwar il-vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

37      Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-qrati skont l-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94 tista’ tkun stabbilita biss favur il-qrati tat-trade marks Komunitarji tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut wettaq l-allegat att illegali.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq” stabbilit fl-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ u ta’ kunsinna ta’ prodott ffalsifikat li jkunu twettqu fit-territorju ta’ Stat Membru, li jiġu segwiti minn bejgħ ieħor mill-akkwirent fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, din id-dispożizzjoni, ma tippermettix li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni fil-konfront tal-bejjiegħ inizjali li ma jkunx aġixxa huwa nnifsu fl-Istat Membru tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti.

 Fuq it-tieni domanda

39      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reklamar komparattiv illegali jew ta’ imitazzjoni żleali ta’ sinjal protett minn trade mark Komunitarja, ipprojbiti mil-liġi dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali fl-Istat Membru tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti, din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi stabbilita l-qorti li tiddeċiedi f’kawża għad-danni bbażati fuq il-liġi nazzjonali kontra wieħed mill-preżunti awturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u fejn huwa allegat li fih ikkommetta l-ksur allegat.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi espressament li kawżi dwar trade marks Komunitarji jistgħu jinfetħu taħt il-liġi tal-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tal-obbligazzjonijiet ċivili u l-kompetizzjoni inġusta żleali.

41      Dawn il-kawżi ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks Komunitarji. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni sabiex jiġu rrikonoxxuti dawn il-kawżi ma hijiex irregolata mir-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni sabiex jiġu rrikonoxxuti kawżi bbażati fuq il-liġi nazzjonali dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

42      Għalhekk, fir-rigward ta’ talba bbażata fuq il-ksur tal-liġi nazzjonali dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli bil-għan li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti.

43      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jitfakkar mill-bidu nett, li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, peress li jirreferu għal sistema u għall-għanijiet tiegħu (sentenza Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Huwa biss bħala deroga mill-prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun ddomiċiljat, li l-Kapitolu II, Sezzjoni 2, ta’ dan ir-regolament jipprovdi ċertu numru ta’ attribuzzjonijiet ta’ ġurisdizzjonijiet speċjali, li fosthom tidher dik prevista mill-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament (is-sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 23).

45      Peress li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn ikun twettaq il-fatt dannuż jew fejn jista’ jitwettaq tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, hija għandha tiġi interpretata strettament u ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet stabbiliti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 24).

46      Xorta jibqa’ l-fatt li l-kliem “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” li jidher fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ikopri kemm il-post fejn seħħ id-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment kawżali li minnu oriġina dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 25).

47      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qorti tal-post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż, u li b’hekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil din tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri utli tal-proċess (sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 26).

48      Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-punti ta’ konnessjoni rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza għandu jippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex sodisfatti, minn dan jirriżulta li hija biss il-qorti fit-territorju li fih jinsab il-punt ta’ konnessjoni rilevanti li tista’ tieħu konjizzjoni tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Folien Fischer u Fofitec, C-133/11, EU:C:2012:664, punt 52, kif ukoll Melzer, EU:C:2013:305, punt 28).

49      F’dak li jikkonċerna l-post tal-avveniment kawżali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hemm diversi awturi li huma l-preżunti responsabbli għall-allegat fatt dannuż u li First Note, li hija l-unika konvenuta fil-kawża prinċipali, aġixxiet biss fil-Belġju u, għaldaqstant, barra l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha kienet imħarrka.

50      Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’ċirkustanzi fejn wieħed fost diversi preżunti awturi tad-dannu allegat jiġi mħarrek quddiem qorti li huwa jkun aġixxa barra mill-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-avveniment kawżali seħħ fit-territorju ta’ din il-qorti skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara s-sentenza Melzer, EU:C:2013:305, punt 40).

51      Għaldaqstant, l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament ma jippermettix li jiġi stabbilit, abbażi tal-post tal-avveniment kawżali, il-ġurisdizzjonili tirrikonoxxi azzjoni għad-danni bbażata fuq il-liġi dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali tal-Istat Membru tirrikonoxxi azzjoni għad-danni bbażata fuq il-liġi dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali tal-Istat Membru tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti kontra wieħed mill-preżunti awturi tad-dannu li ma jkunx aġixxa fit-territorju tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti (ara s-sentenza Melzer, EU:C:2013:305, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

52      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ġara fil-kawża li wasslet għas-sentenza Melzer, EU:C:2013:305, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma llimitatx id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament biss għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi skont l-post tal-avveniment kawżali tad-dannu allegat.

53      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk, fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn diversi preżunti awturi tad-dannu allegat aġixxew fi Stati Membri differenti, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermettix li jiġi stabbilit, skont il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru jirrikonoxxu azzjoni għad-danni bbażata fuq il-liġi dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali tal-istess Stat Membru tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti kontra wieħed mill-preżunti awturi tad-dannu li ma jkunx aġixxa fit-territorju tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti.

54      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu huwa dak fejn il-fatt li jista’ jagħti lok għal responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali jkun ikkawża dannu (ara s-sentenza Zuid-Chemie, C-189/08, EU:C:2009:475, punt 26).

55      Fir-rigward tad-danni li jirriżultaw minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-materjalizzazzjoni tad-dannu fi Stat Membru determinat hija suġġetta għall-protezzjoni, f’dan tal-aħħar, tad-dritt li qed jiġi allegat il-ksur tiegħu (ara s-sentenzi Wintersteiger, C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 25, u Pinckney, C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 33).

56      Din l-eżiġenza hija trasponibbli għall-każ li fih tkun inkwistjoni l-protezzjoni ta’ tali dritt permezz ta’ liġi nazzjonali dwar ir-ripressjoni tal-kompetizzjoni żleali.

57      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, kawża dwar ksur tal-imsemmija liġi tista’ titressaq quddiem il-qrati Ġermaniżi, sakemm il-fatt imwettaq fi Stat Membru ieħor ikkawża jew jista’ jikkawża dannu fit-territorju tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti.

58      F’dan ir-rigward, hija l-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti li għandha tevalwa, fid-dawl tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, sa fejn il-bejgħ ta’ fwieħa msejħa “Blue Safe for Women” lil Stefan P., li seħħ fit-territorju Belġjan, seta’ kiser id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali u seta’, minħabba dan il-fatt, jikkawża dannu fit-territorju ta’ din il-qorti.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reklamar komparattiv illegali jew ta’ imitazzjoni żleali ta’ disinn protett minn trade mark Komunitarja, ipprojbiti mil-liġi dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali tal-Istat Membru tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi stabbilit, skont il-post tal-avveniment kawżali ta’ dannu li jirriżulta mill-ksur ta’ din il-liġi, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-imsemmi Stat Membru meta fih wieħed mill-preżunti awturi li jiġi mħarrek ma jkunx aġixxa hu nnifsu. Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ, din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi stabbilita skont il-materjalizzazzjoni tad-dannu, l-ġurisdizzjoni tal-qrati sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawża għad-danni bbażata fuq l-imsemmija liġi nazzjonali mressqa fil-konfront ta’ persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor u li fiha qiegħed jiġi allegat li hija wettqet, fih, att li kkawża jew jista’ jikkawża dannu fit-territorju tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq” stabbilit fl-Artikolu 93(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ bejgħ u ta’ kunsinna ta’ prodott iffalsifikat li jkunu twettqu fit-territorju ta’ Stat Membru, li jiġu segwiti minn bejgħ ieħor mill-akkwirent fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, din id-dispożizzjoni, ma tippermettix li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni sabiex tirrikonoxxi azzjoni għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni fil-konfront tal-bejjiegħ inizjali li ma jkunx aġixxa huwa nnifsu fl-Istat Membru tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti.

2)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reklamar komparattiv illegali jew ta’ imitazzjoni żleali ta’ disinn protett minn trade mark Komunitarja, ipprojbiti mil-liġi dwar it-trażżin tal-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb) tal-Istat Membru tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi stabbilit, skont il-post tal-avveniment kawżali ta’ dannu li jirriżulta mill-ksur ta’ din il-liġi, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-imsemmi Stat Membru li fih wieħed mill-preżunti awturi li jiġi mħarrek ma jkunx aġixxa hu nnifsu. . Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ, din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi stabbilita skont il-materjalizzazzjoni tad-dannu, l-ġurisdizzjoni tal-qrati sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawża għad-danni bbażata fuq l-imsemmija liġi nazzjonali mressqa fil-konfront ta’ persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor u li fiha qiegħed jiġi allegat li hija wettqet, fih, att li kkawża jew jista’ jikkawża dannu fit-territorju tal-qorti li tkun ħadet konjizzjoni tal-proċedimenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.