Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Ploieşti (ir-Rumanija) fis-6 ta’ April 2021 – Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, YN vs Consiliul Superior al Magistraturii

(Kawża C-216/21)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Ploieşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, YN

Konvenut: Consiliul Superior al Magistraturii

Domandi preliminari

Il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika (iktar ’il quddiem il-“MKV”), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni 1 , għandu jitqies bħala att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jkun suġġett għal interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea? Il-kontenut, in-natura u l-applikazzjoni ratione temporis tal-MKV stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, iffirmat mir-Rumanija fil-Lussemburgu fil-25 ta’ April 2005? Ir-rekwiżiti fformulati fir-rapporti mfassla fil-kuntest tal-MKV huma vinkolanti għar-Rumanija?

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’riferiment għall-Artikolu 2 TUE, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċeduri għall-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura fil-kariga?

Dan il-prinċipju jinkiser bl-istabbiliment ta’ sistema ta’ promozzjoni lejn qorti superjuri bbażata esklużivament fuq evalwazzjoni sommarja tax-xogħol u tal-imġieba, imwettqa minn kummissjoni magħmula mill-president tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju u tal-membri tagħha, li twettaq, minbarra l-evalwazzjoni perjodika tal-membri tal-ġudikatura, evalwazzjoni distinta oħra tal-membri tal-ġudikatura bil-ħsieb tal-promozzjoni tagħhom kif ukoll stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet meħuda minnhom?

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’riferiment għall-Artikolu 2 TUE, jinkiser f’sitwazzjoni li fiha l-Istat Rumen ma jqisx il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, billi jaċċetta l-MKV u r-rapporti tiegħu u jikkonforma magħhom għal iktar minn għaxar snin, u mbagħad mingħajr avviż minn qabel jibdel il-proċedura għall-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura b’rwoli eżekuttivi, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet tal-MKV?

____________

1     ĠU 2007, L 142M, p. 825.