Appell ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2021 minn Danske Slagtermestre mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-1 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-486/18, Danske Slagtermestre vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-99/21 P)

Lingwa tal-kawża: Id-Daniż

Partijiet

Appellant: Danske Slagtermestre (rappreżentant: H. Sønderby Christenses, advokat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u Ir-Renju tad-Danimarka

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-486/18.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali twettaq applikazzjoni żbaljata tar-rekwiżit ta’ inċidenza diretta. Insostenn ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li huwa biżżejjed, sabiex ikun hemm inċidenza diretta, li Danske Slagtermestre spjegat ir-raġunijiet għalfejn is-sistema mtarrġa tista’ tqiegħed il-membri tagħha f’pożizzjoni kompetittiva sfavorevoli (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci 1 ). Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi qieset, fil-punt 13 tad-digriet appellat, li Danske Slagtermestre għandha turi liema membri speċifiċi ġew affettwati u kif eżattament is-sistema mtarrġa taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali eskludiet il-fatt li r-rekwiżit ta’ inċidenza diretta ma huwiex applikabbli għal każijiet koperti mit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant l-appellanti ssostni li d-digriet tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat bi żball sa fejn, meta tiġi evalwata l-inċidenza diretta fil-punt 103, dan jagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet fil-punti 71 sa 77 dwar interess individwali. Il-Qorti Ġenerali tiddikjara espressament kemm fil-punt 63, li tintroduċi t-taqsima, u fil-punt 82, li tikkonkludiha, li l-punti 71 sa 77 jirrigwardaw il-kriterji għal interess individwali – esklużivament.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali eskludiet il-fatt li l-kriterji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci (C-622/16 P sa C-624/16 P, EU:C:2018:873), jikkonfermaw li r-rekwiżit ta’ inċidenza diretta ġie ssodisfatt f’dan il-każ. Għalhekk Danske Slagtermestre ssostni li hija stabbilixxiet korrettament li (i) l-attivitajiet huma simili, (ii) il-membri tagħha huma attivi fl-istess suq għal oġġetti u servizzi bħall-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna, u (iii) il-membri tagħha huma attivi fl-istess suq ġeografiku bħal-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna. F’dan il-każ, l-attivitajiet tal-membri tagħha ma humiex sempliċement simili iżda huma identiċi għall-atività tal-benefiċjarja tal-għajnuna.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali tuża l-kelma “ipprovat” b’mod żbaljat fil-punt 103 peress li din il-kelma tikkostitwixxi intensifikazzjoni sinjifikanti tal-kliem “spjegat” jew “espost”. B’rabta ma’ dan Danske Slagtermestre ssostni li ma huwiex il-każ li hija ma spjegatx għalfejn il-membri huma esposti għal kompetizzjoni distorta mis-sistema mtarrġa. Ir-rekwiżit li l-benefiċjarja tinħeles mill-ispejjeż li hija normalment ikollha tħallas fl-amministrazzjoni jew l-attivitajiet normali tagħha ta’ kuljum diġà ġie ssodisfatt. Dan jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu Heiser 2 ).

Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, twettaq applikazzjoni żbaljata tal-fatti tal-kawża u, għalhekk, il-punti 71 sa 77 tad-digriet appellat fihom żball ta’ liġi. L-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali twettaq żball billi tesprimi riżervi fir-rigward ta’ wħud mill-informazzjoni pprovduta minnha minkejja li din l-informazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni jew mill-Gvern Daniż, u, it-tieni nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi injorat numru ta’ dettalji importanti li Danske Slagtermestre esponiet diversi drabi fir-rikors, fir-replika u l-annessi tagħha.

____________

1 C-622/16 P sa C-624/16 P, EU:C:2018:873, punti 47 u 50.

2 C-172/03, EU:C:2005:130, punt 55.