Kawża C-85/18 PPU

CV

vs

DU

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Judecătoria Oradea)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Kustodja tal-wild – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 8, 10 u 13 – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ tal-wild – Deċiżjoni mogħtija mill-qorti ta’ Stat Membru ieħor dwar il-post ta’ residenza tal-wild – Tneħħija jew żamma illegali – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ ħtif tal-wild”

Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ April 2018

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment – Regolament Nru 4/2009 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri u tal-obbligi ta’ manteniment – Tneħħija jew żamma illegali ta’ wild – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li ma huwiex dak tar-residenza abitwali tal-wild qabel it-tneħħija tiegħu – Assenza – Limiti

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 10, u Nru 4/2009, Artikolu 3)

L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn wild li kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ttieħed minn wieħed mill-ġenituri tiegħu b’mod illegali fi Stat Membru ieħor, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq talba dwar id-dritt ta’ kustodja jew l-iffissar ta’ rata ta’ manteniment għall-imsemmi wild, fl-assenza ta’ indikazzjoni li l-ġenitur l-ieħor aċċetta t-teħid tal-wild jew ma ressaqx talba għar-ritorn tiegħu.

(ara l-punt 57 u d-dispożittiv)