Rikors ippreżentat fl-4 ta' Mejju 2011 - ZZ vs L-Ombudsman Ewropew

(Kawża F-54/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentanti: L. Levi u A. Blot, avukati)

Konvenut: L-Ombudsman Ewropew

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-annullament tad-deċiżjoni li tiġi applikata fuq ir-rikorrent is-sanzjoni ta' revoka mingħajr telf tad-drittijiet għall-pensjoni. Konsegwentement, talba, prinċipalment, sabiex ir-rikorrent jiġi riintegrat fil-post tiegħu u, sussidjarjament, li jingħatalu ammont li jikkorrispondi għar-remunerazzjoni li kieku huwa kien jirċievi bejn id-data li fiha daħlet fis-seħħ ir-revoka u d-data li fiha huwa jilħaq l-età ta' rtirar. Fi kwalunkwe ipoteżi, l-għoti ta' ammont lir-rikorrent għad-dannu morali subit.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla d-deċiżjoni dixxiplinarja tal-Ombudsman Ewropew tal-20 ta' Lulju 2010 li tiġi applikat fuq ir-rikorrent is-sanzjoni tar-revoka mingħajr telf tad-drittijiet għall-pensjoni;

sa fejn meħtieġ, jannulla d-deċiżjoni tat-18 ta' Jannar 2011 li tiċħad espressament l-ilment;

Sa fejn huwa meħtieġ:

prinċipalment, jikkonstata li l-annullament tad-deċiżjoni ta' revoka twassal għar-riintegrazzjoni tar-rikorrent, b'mod retroattiv għad-data li fiha daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni ta' revoka, fil-posta tiegħu ta' amministratur A5 fil-grad 2, kif ukoll il-ħlas tad-drittijiet finanzjarji li huma dovuti lilu għal dan il-perijodu kollu, miżjud bl-interessi morartorji skont ir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda b'2 punti;

sussidjarjament, jikkundanna lill-konvenut iħallas ammont li jikkorrispondi għar-remunerazzjoni li r-rikorrent kien jirċievi mid-data li fiha daħlet fis-seħħ ir-revoka tiegħu f'Awwissu 2010 sax-xahar li fih huwa jilħaq l-età ta' rtirar, f'Lulju 2040, u l-aġġustament rispettiv tad-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrent;

fi kwalunkwe ipoteżi, jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tal-ammont ta' EUR 65 000 għad-dannu morali subit mir-rikorrent;

jikkundanna lill-Ombudsman Ewropew għall-ispejjeż.

____________