Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Marzu 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona - Spanja) – Marc Gómez del Moral Guasch vs Bankia SA

(Kawża C-125/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Rata ta’ interess varjabbli – Indiċi ta’ referenza bbażat fuq is-self ipotekarju tal-banek tat-tfaddil – Indiċi li jirriżulta minn regolament jew dispożizzjoni amministrattiva – Introduzzjoni unilaterali ta’ tali klawżola mill-professjonist – Stħarriġ tar-rekwiżit ta’ trasparenza mill-qorti nazzjonali – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Marc Gómez del Moral Guasch

Konvenuta: Bankia SA

Dispożittiv

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn konsumatur u professjonist, li tipprevedi li r-rata ta’ interessi applikabbli għas-self tkun ibbażata fuq wieħed mill-indiċijiet ta’ referenza uffiċjali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju, meta din il-leġiżlazzjoni la tipprevedi l-applikazzjoni mandatorja ta’ dan l-indiċi indipendentement mill-għażla ta’ dawn il-partijiet, u lanqas l-applikazzjoni supplimentari tagħha fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn dawn l-istess partijiet.

Id-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha u l-Artikolu 8 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti ta’ Stat Membru għandha tistħarreġ in-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali li tirrigwarda s-suġġett prinċipali tal-kuntratt, u dan indipendentement minn traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

Id-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżola kuntrattwali li tiffissa rata ta’ interessi varjabbli, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, din il-klawżola għandha mhux biss tkun tinftiehem fuq il-livelli formali u grammatikali, iżda għandha tippermetti wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din ir-rata u li għalhekk jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Jikkostitwixxu elementi partikolarment rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li l-qorti nazzjonali għandha twettaq f’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li l-elementi prinċipali relatati mal-kalkolu ta’ din ir-rata jkunu faċilment aċċessibbli għal kull persuna li jkollha l-intenzjoni li tagħmel self ipotekarju, minħabba l-pubblikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-imsemmija rata kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp storiku tal-indiċi li abbażi tiegħu tiġi kkalkolata din l-istess rata.

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li tistabbilixxi indiċi ta’ referenza għall-kalkolu tal-interessi varjabbli ta’ self, li l-qorti nazzjonali tissostitwixxi dan l-indiċi b’indiċi legali, applikabbli fl-assenza ta’ ftehim kuntrarju tal-partijiet fil-kuntratt, sakemm il-kuntratt ta’ self ipotekarju kkonċernat ma jkunx jista’ jkompli jeżisti fil-każ tat-tneħħija tal-imsemmija klawżola inġusta, u sakemm l-annullament ta’ dan il-kuntratt kollu kemm hu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi.

____________

1     ĠU C 152, 30.4.2018.