Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Bulgarija) fit-22 ta’ Frar 2021 – Proċeduri kriminali kontra IR

(Kawża C-105/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

IR

Domandi preliminari

Ikun konformi mal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5(4), (2) u (1)(ċ) tal-KEDB, mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jekk l-awtorità ġudizzjarja emittenti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584 tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45) ma tagħmel l-ebda sforz sabiex tinforma lill-persuna mfittxija dwar il-bażi fil-fatt u fid-dritt għall-arrest tagħha u dwar il-possibbiltajiet tagħha sabiex tikkontesta dan l-arrest, f’sitwazzjoni fejn din il-persuna tkun tinsab fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fuq id-dritt nazzjonali jobbliga lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tastjeni milli tagħti din l-informazzjoni u, fil-każ li, minkejja l-assenza ta’ tali informazzjoni, il-persuna mfittxija titlob l-annullament tal-mandat ta’ arrest nazzjonali, jobbliga lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tevalwa fil-mertu din it-talba, iżda biss wara l-konsenja tal-persuna mfittxija?

Liema huma l-miżuri disponibbli taħt id-dritt tal-Unjoni li huma adegwati sabiex tingħata din l-informazzjoni?

____________