KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2014 (1)
Kawża C‑117/13
Technische Universität Darmstadt
vs
Eugen Ulmer KG
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Ġermanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Artikolu 5(3)(n) — Użu għal skop ta’ riċerka jew studju privat ta’ xogħlijiet u materjal protett ieħor — Ktieb imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ membri individwi tal-pubbliku permezz ta’ terminals speċjalizzati f’librerija aċċessibbli għall-pubbliku — Kunċett ta’ ʻxogħol li ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar’ — Dritt tal-librerija li tiddiġitalizza xogħol li jagħmel parti mill-kollezzjoni tagħha sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni permezz ta’ terminals speċjalizzati — Tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol permezz ta’ terminals speċjalizzati li jippermettu l-istampar fuq il-karta jew il-ħażna tiegħu fuq USB stick”
I – Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (2).
2. Il-kawża prinċipali hija bejn it-Technische Universität Darmstadt (iktar ’il quddiem it-“TU Darmstadt”) u l-pubblikatriċi, Eugen Ulmer KG, dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku minn dik tal-ewwel, permezz ta’ terminals installati fil-bini ta’ librerija, ta’ ktieb xjentifiku li jagħmel parti mill-kollezzjoni ta’ din il-librerija li d-drittijiet tal-isfruttament huma miżmuma minn Eugen Ulmer KG.
3. Id-domandi preliminari, magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) jikkonċernaw librerija aċċessibbli għall-pubbliku u jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “xogħol suġġett għal kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar”, id-diġitalizzazzjoni ta’ xogħlijiet miżmuma fil-libreriji u l-kwistjoni dwar jekk l-utenti jistgħux mhux biss jikkonsultaw (jaqraw) ix-xogħlijiet iddiġitalizzati, iżda wkoll jistampawhom fuq il-karta u jissejvjawhom fuq USB stick.
4. Il-proċedura prinċipali għandha n-natura ta’ proċedura “pilota”. It-TU Darmstadt hija appoġġata mid-Deutscher Bibliotheksverband e. V. (federazzjoni Ġermaniża tal-libreriji) kif ukoll mill-kontroparti Ewropea ta’ din tal-aħħar, l-Uffiċċju Ewropew tal-Librerija, l-Informazzjoni u d-Dokumentazzjoni (Eblida). Eugen Ulmer KG hija appoġġata mill-Börsenverein des deutschen Buchhandels (unjoni Ġermaniża tal-kummerċ tal-kotba). Dan jindika l-importanza li għandha din il-kawża għal-libreriji, l-awturi u l-pubblikaturi, b’mod partikolari l-pubblikaturi xjentifiċi (3).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
5. Il-premessi 31, 34, 36, 40 u 44 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:
“(31) Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu [utenti] ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.
[…]
(34) L-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal każi bħal skopijiet edukattivi u xjentifiċi, għall-benefiċċju ta’ istituzzjonijiet pubbliċi bħal libreriji u arkivji [...]
[…]
(36) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet ukoll meta japplikaw disposizzjonijiet mhux obbligatorji dwar eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li ma jinħteġux dan il-kumpens.
[…]
(40) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-benfiċċju ta’ ċerti stabbilimenti li ma jaħdmux bi qligħ, bħal libreriji aċċessibbli mill-pubbliku u istituzzjonijiet ekwivalenti, kif ukoll arkivji. B’danakollu, dan għandu jkun limitat għal ċerti każi speċjali regolati bid-dritt tar-riproduzzjoni. Din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni m’għandhiex tirregola użu magħmul fil-kuntest ta’ konsenja on-line ta’ xogħolijiet protetti jew suġġett [materjal protett] ieħor. [...] Għalhekk, kuntratti jew liċenzji speċifiċi għandhom jiġu promossi li, mingħajr ma joħolqu sbilanċ, jivvaforixxu dawn l-istabbilimenti u l-finijiet ta’ tixrid li jservu.
[…]
(44) Meta japplikaw l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva, huma għandhom ikunu eżerċitati skond l-obbligi internazzjonali. Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett [materjal] ieħor. Id-disposizzjonijiet ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet mill-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu kif inhu xieraq, l-impatt ekonomiku miżjud li dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jkollhom fil-kuntest ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Għalhekk, l-iskop ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jista’ jkollu jkun aktar limitat meta jiġi għal ċertu użu ġdid ieħor ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett [materjal protett] ieħor”.
6. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jeżiġi, fil-punt (a) tiegħu, li “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi” r-riproduzzjoni, b’mod partikolari “għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom”.
7. L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett [materjal protett] ieħor ” jeżiġi, fil-paragrafu 1 tiegħu, b’mod partikolari li l-“Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom”.
8. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:
“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:
(a) rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;
(b) rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;
(ċ) rigward l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett;
[...]”
9. L-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:
“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin: [...]
(n) użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, lill-membri individwali tal-pubbliku [...] b’terminali għal tapposta [terminals speċjalizzati] fuq il-post ta’ l-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 2(ċ) ta’ xogħolijiet u suġġett [materjal protett] ieħor li mhumiex regolati bit-termini [kundizzjonjiet] ta’ xiri jew liċenzar li jkunu fil-kollezzjonijiet tagħhom;
[...]”
10. Skont l-Artikolu 5(5) tal-istess direttiva:
“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett [materjal protett] ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”
B – Id-dritt Ġermaniż
11. L-Artikolu 52b tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte, Urheberrechtsgesetz), tad-9 ta’ Settembru 1965 (4), fil-verżjoni tagħha kif applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), huwa fformulat kif ġej:
“Ir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet fl-istazzjonijiet għal qari elettroniku fil-libreriji pubbliċi, il-mużewijiet u l-arkivji
It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet ippubblikati li ġejjin mill-kollezzjonijiet sħaħ ta’ libreriji, mużewijiet jew arkivji aċċessibbli għall-pubbliku, li ma għandhom ebda għan direttament jew indirettament ekonomiku jew ta’ qligħ, u previst esklużivament fil-bini tal-istabbiliment ikkonċernat fl-istazzjonijiet għal qari elettroniku previsti għalhekk b’mod speċjali għal skopijiet ta’ riċerka u studji privati, huwa awtorizzat sakemm ma jkun hemm ebda dispożizzjoni kuntrattwali li topponi dan. In-numru ta’ kopji ta’ xogħol magħmul aċċessibbli fl-istazzjonijiet għal qari elettroniku, fil-prinċipju, ma għandux ikun ikbar minn dak li tinkludi l-kollezzjoni sħiħa tal-istabbiliment. It-tqegħid għad-dispożizzjoni jwassal għal pagament ta’ tariffa ġusta. Soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva biss tista’ tinvoka t-tariffa inkwistjoni.”
III – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12. It-TU Darmstadt tmexxi librerija aċċessibli għall-pubbliku. Din għammret il-bini tagħha bi stazzjonijiet għal qari elettroniku li fihom qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet mill-kollezzjoni sħiħa tal-librerija tagħha. Fost dawn kien hemm mix-xahar ta’ Jannar jew ta’ Frar 2009 l-manwal ta’ Winfried Schulze intitolat “Einführung in die neuere Geschichte” [Introduzzjoni għall-Istorja Kontemporanja] ippubblikat minn Eugen Ulmer KG.
13. It-TU Darmstadt iddiġitalizzat dan il-ktieb biex tipprovdih fl-istazzjonijiet għal qari elettroniku (5). L-istazzjonijiet għal qari elettroniku ma jippermettux li jiġu kkonsultati fl-istess ħin iktar kopji tax-xogħol minn dawk disponibbli fil-kollezzjoni sħiħa tal-librerija. L-utenti tal-istazzjonijiet għal qari setgħu jistampaw fuq il-karta jew jaħżnu fuq USB stick ix-xogħol sħiħ jew parti minnu u joħorġuh f’din il-forma ’l barra mil-librerija.
14. It-TU Darmstadt ma aċċettatx l-offerta ta’ Eugen Ulmer KG tad‑29 ta’ Jannar 2009 li takkwista u tuża fil-forma ta’ kotba elettroniċi (“E-books”) il-manwali li hija tippubblika. Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk l-offerta kinitx diġà ġiet ippreżentata lill-konvenuta fil-kawża prinċipali fi żmien id-diġitalizzazzjoni tal-manwal kontenzjuż jew le.
15. Eugen Ulmer KG ressqet il-każ quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali ta’ Frankfurt am Main) li qieset, b’sentenza tas-6 ta’ Marzu 2011, li d-detentur tad-drittijiet u l-istabbiliment kellhom jikkonkludu ftehim minn qabel dwar l-użu diġitali tax-xogħol sabiex l-applikazzjoni tal-Artikolu 52b tal-UrhG tiġi eskluża. Din il-qorti, barra minn hekk, ċaħdet it-talba ta’ Eugen Ulmer KG li kellha l-għan li tipprojbixxi lit-TU Darmstadt milli tiddiġitalizza jew li tqabbad lil min jiddiġitalizza l-manwal kontenzjuż. Madankollu din laqgħet it-talba tagħha li kellha l-għan li tipprojbixxi li l-utenti tal-librerija tat-TU Darmstadt ikunu jistgħu, permezz tal-istazzjonijiet għal qari elettroniku mgħammra fil-bini, jistampaw dan ix-xogħol u/jew jaħżnuh fuq USB stick u/jew joħorġu dawn ir-riproduzzjonijiet ’il barra mil-librerija.
16. It-TU Darmstadt ressqet rikors dirett lejn “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof li ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Huma applikabbli għal xogħol il-kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29/KE, meta l-persuna li għandha d-dritt toffri lill-istabbilimenti msemmija f’din id-dispożizzjoni l-possibbiltà ta’ konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet xierqa għall-użu ta’ dan ix-xogħol?
2) L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 jawtorizza lill-Istati Membri jagħtu lill-istabbilimenti d-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet fil-kollezzjonijiet tagħhom jekk dan huwa meħtieġ għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet permezz ta’ terminals?
3) Id-drittijiet previsti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29/KE jistgħu saħansitra jippermettu lill-utenti tat-terminals li jistampaw fuq karta jew jaħżnu fuq ċavetta USB ix-xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom hemmhekk?”
17. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mit-TU Darmstadt, Eugen Ulmer KG, mill-Gvern Ġermaniż, Taljan, Pollakk u dak Finlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, li kollha kienu rrappreżentati waqt is-seduta tas-26 ta’ Frar 2014, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Pollakk u dak Finlandiż.
IV – Analiżi
A – Fuq il-kwistjoni dwar jekk humiex applikabbli għal xogħol il-kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar meta d-detentur tad-dritt joffri lill-istabbilimenti l-possibbiltà ta’ konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet xierqa għall-użu ta’ dan ix-xogħol
18. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk humiex applikabbli għal xogħol it-“termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzjar” fis-sens tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, meta d-detentur tad-dritt joffri lil-libreriji, lill-istabbilimenti edukattivi, lill-mużewijiet jew lill-arkivji msemmija f’din id-dispożizzjoni l-possibbiltà ta’ konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet xierqa għall-użu ta’ dan ix-xogħol.
19. Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, bl-eċċezzjoni ta’ Eugen Ulmer KG, jipproponu risposta fin-negattiv għal din l-ewwel domanda.
20. Il-kwistjoni li tqum minn dan hija dwar jekk is-sempliċi offerta ta’ kuntratt ta’ liċenzja xieraq twassalx biex ikunu applikabbli għal xogħol it-“termini [kundizzjonijiet] ta’ xiri jew liċenzjar” u teskludix għalhekk eċċezzjoni bbażata fuq l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 jew, fil-każ kuntrarju, jekk għandux jintalab li d-detentur tad-dritt u l-istabbiliment jiftiehmu dwar dan il-punt. Skont il-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi eskluż kull dubju dwar ir-risposta għal din id-domanda.
21. Bħalma tosserva ġustament it-TU Darmstadt, ir-relazzjoni bejn id-drittijiet tal-isfruttament, min-naħa, u r-regoli tal-limitazzjoni, min-naħa l-oħra, toħroġ ċara mill-qari tal-premessi 45 u 51 tad-Direttiva 2001/29. Dawn tal-aħħar jipprovdu, b’mod partikolari li “[l]-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet [...] m’għandhomx, minkejja dan, jimpedixxu t-tifsira ta’ relazzjonijiet kuntrattwali maħsuba biex jiżguraw kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet” u li “[l]-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri volontarji meħuda minn ftehim detenturi tad-drittijiet, magħduda l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehim bejn detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, biex jiffaċilitaw li jilħqu l-għanijiet ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-liġi nazzjonali skond din id-Direttiva” (6).
22. Dawn iż-żewġ premessi jipprevedu mingħajr ekwivoku, fil-verżjoni Ġermaniża tagħhom, ir-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti u l-konklużjoni u l-implementazzjoni ta’ ftehimiet kuntrattwali eżistenti, u mhux sempliċi perspettivi ta’ liċenzja. Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-imsemmija premessi jikkonfermaw ukoll din l-analiżi (7).
23. Il-fatt li għandhom jiġu mħeġġa ftehimiet volontarji għalhekk ma għandu ebda effett fuq ir-rekwiżit ta’ konklużjoni effettiva ta’ tali ftehimiet għall-iskopijiet tad-dispożizzjoni inkwistjoni.
24. La l-interpretazzjoni sistematika u lanqas l-interpretazzjoni teleoloġika ma jwasslu għal konklużjoni differenti. Skont l-interpretazzjoni sistematika, il-portata ta’ eċċezzjoni relatata ma’ dritt esklużiv tal-awtur għandha tiġi interpretata b’mod strett (8). Madankollu, dan jirrigwarda f’dan il-każ l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ eċċezzjoni, li tiddefinixxi x-xogħlijiet li l-eċċezzjoni hija suxxettibbli li tapplika għalihom. Il-bilanċ previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 jintlaħaq jew meta l-awtur u l-utent jaslu għal ftehim dwar il-kundizzjonijiet ta’ xiri u ta’ liċenzjar, jew meta l-benefiċjarju tal-eċċezzjoni jikkonforma mal-kundizzjonijiet limitattivi previsti mil-leġiżlatur nazzjonali fil-qafas tat-traspożizzjoni tal-imsemmija (9). F’din il-perspettiva, l-aċċettazzjoni ta’ sempliċi offerta tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur tippermetti li l-applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni tiġi suġġetta għal deċiżjonijiet unilaterali, li, konsegwentement, tiċħad l-eċċezzjoni tal-effettività utli għall-istabbilimenti kkonċernati. L-interpretazzjoni teleoloġika, min-naħa tagħha, teżiġi wkoll, fid-dawl tal-objettiv ta’ interess ġenerali segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l-promozzjoni tat-tixrid tal-għarfien u tal-kultura, li l-utent ikun jista’ jinvoka din l-eċċezzjoni.
25. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel domanda billi tgħid li l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma humiex applikabbli għal xogħol il-kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar, meta d-detentur tad-dritt joffri lill-istabbilimenti msemmija f’din id-dispożizzjoni l-possibbiltà ta’ konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet xierqa għall-użu ta’ dan ix-xogħol.
B – Fuq il-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu lill-istabbilimenti d-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet fil-kollezzjonijiet tagħhom jekk dan huwa meħtieġ għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet permezz ta’ terminals speċjalizzati
26. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 jawtorizzax lill-Istati Membri jagħtu lill-istabbilimenti d-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet fil-kollezzjonijiet tagħhom jekk dan huwa meħtieġ għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ terminals speċjalizzati.
27. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan jidher li huwa l-każ, iżda żżid tgħid madankollu li jekk kompetenza ta’ din in-natura tal-Istati Membri ma tirriżultax immedjatament mill-imsemmija dispożizzjoni bħala kompetenza annessa, din tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29.
28. Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, bl-eċċezzjoni ta’ Eugen Ulmer KG, huma tal-fehma li l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 jawtorizza lill-Istati Membri jagħtu lill-istabbilimenti d-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet fil-kollezzjonijiet tagħhom, sa fejn dan ikun meħtieġ għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija xogħlijiet permezz ta’ terminals speċjalizzati.
29. L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 japplika fir-rigward tal-“użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, lill-membri individwali tal-pubbliku [...] b’terminali għal tapposta [terminals speċjalizzati] fuq il-post ta’ l-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 2(ċ) ta’ xogħolijiet u suġġett [materjal protett] ieħor li mhumiex regolati bit-termini ta’ xiri jew liċenzar li jkunu fil-kollezzjonijiet tagħhom”.
30. Skont l-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 5(3), l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet imsemmija fl-imsemmi paragrafu jikkonċernaw id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u d-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku. Fil-fatt, fost l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, xi wħud jipprevedu espressivament id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni kif ukoll id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni [pereżempju fil-punt (ċ)], jew, tal-inqas, impliċitament [fil-punt (b)], filwaqt li oħrajn jipprevedu dritt wieħed biss [fil-punt (d)].
31. L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 isemmi l-komunikazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni. Dawn iż-żewġ kunċetti jinsabu fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, u b’mod iktar speċifiku f’kull wieħed mit-tliet paragrafi tiegħu. Ma jidher ebda riferiment espliċitu għad-dritt ta’ riproduzzjoni fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29. Minn dan nikkonkludi li l-eċċezzjoni speċifika prevista fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 hija prinċipalment eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni, previst fl-imsemmi Artikolu 3.
32. Bħalma tindika l-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li kull att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku għandu jiġi awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jgħaqqad żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol lill-“pubbliku”. Sabiex ikun hemm “att ta’ komunikazzjoni”, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’tali mod li l-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku jkun jista’ jkollhom aċċess għalih irrispettivament minn jekk jutilizzawx din il-possibbiltà jew le (10).
33. Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-fatt li jiġi pprovdut aċċess lill-pubbliku li jikkonsisti f’utenti ta’ terminals speċjalizzati li jinsabu fil-bini tal-libreriji pubbliċi u stabbilimenti oħra msemmija fl-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, għal xogħlijiet protetti għandu jiġi kkwalifikat bħala “tqegħid għad-dispożizzjoni” u, konsegwentement, “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (11).
34. Madankollu, fl-istess linja ta’ ħsieb, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 tkopri wkoll, fil-fehma tiegħi, riproduzzjoni inċidentali għall-komunikazzjoni, f’dan il-każ fil-forma ta’ twettiq ta’ kopja diġitali ta’ xogħol għall-iskopijiet tal-komunikazzjoni tiegħu jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni permezz ta’ terminals speċjalizzati. Madankollu, f’dan il-każ, dan ma jirrigwardax att ta’ riproduzzjoni temporanja jew inċidentali li jikkostitwixxi parti integrali u essenzjali minn proċedura teknika fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, att li jevita d-dritt esklużiv tal-awtur li jipprevedi r-riproduzzjoni tax-xogħol (12).
35. Id-dritt meħtieġ għal atti ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi bbażat ukoll fuq dispożizzjoni oħra, jiġifieri tal-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29. Din id-dispożizzjoni tapplika “rigward l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett”.
36. L-espressjoni “l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni” titlob żewġ osservazzjonijiet.
37. Fil-fehma tiegħi, din tkopri, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari l-miżuri li jipprevedu l-protezzjoni tal-oriġinali ta’ xogħlijiet li għadhom protetti, għalkemm qodma, fraġli jew rari. Madankollu, din tkopri wkoll riproduzzjoni li ssir meħtieġa fid-dawl ta’ “użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, [...] b’terminali għal tapposta [terminals speċjalizzati]”, previst fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29. Dan jista’ b’mod partikolari jikkonċerna l-każ ta’ xogħlijiet għal kunsultazzjoni minn numru kbir ta’ studenti fil-qafas tal-istudji tagħhom u li kopji tagħhom jirriskjaw li jipprovokaw attrizzjoni sproporzjonata.
38. Madankollu, peress li dan jirrigwarda “atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni”, la l-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, u lanqas l-Artikolu 5(3)(n) tagħha, interpretati fid-dawl tar-regola ġenerali prevista fil-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu (13), ma jippermettu diġitalizzazzjoni kumplessiva ta’ kollezzjoni, u s-suġġett ta’ “l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni” huwa għalhekk limitat għal “xogħolijiet u suġġett [materjal protett] ieħor” individwali. Fil-fehma tiegħi, il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità tal-limitazzjonijiet previsti fil-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu teħtieġ li l-possibbiltà tal-użu ta’ terminals speċjalizzati ma tiġix sfruttata sabiex jiġi evitat li jinxtara numru biżżejjed ta’ kopji fiżiċi tax-xogħol billi tiġi stabbilita, pereżempju, regola bħal dik prevista mill-Artikolu 52b tal-UrhB, li skontha n-numru ta’ kopji ta’ xogħol magħmul aċċessibbli fl-istazzjonijiet għal qari elettroniku ma għandux ikun ikbar minn dak li tinkludi l-kollezzjoni sħiħa tal-istabbiliment.
39. Meta ma tkunx teżisti kopja diġitali ta’ xogħol protett fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, ikun għalhekk possibbli li titwettaq kopja, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29. Il-komunikazzjoni ulterjuri ta’ din il-kopja ta’ xogħol, min-naħa tagħha, tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29.
40. Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 5(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva, ma jopponix għall-fatt li l-Istati Membri jagħtu lill-istabbilimenti previsti f’din id-dispożizzjoni d-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet fil-kollezzjonijiet tagħhom, jekk dan huwa meħtieġ għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ terminals speċjalizzati.
C – Fuq il-possibbiltà li l-Istati Membri jippermettu lill-utenti tat-terminals speċjalizzati li jistampaw fuq il-karta jew jaħżnu fuq USB stick ix-xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom hemmhekk
41. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk id-drittijiet previsti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 jistgħux saħansitra jippermettu lill-utenti tat-terminals speċjalizzati li jistampaw fuq il-karta jew jaħżnu fuq USB stick ix-xogħlijiet, kollha jew parti minnhom, imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom hemmhekk.
42. Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li għandha tingħata risposta affermattiva għall-ewwel parti, u risposta negattiva għat-tieni parti ta’ din id-domanda. It-TU Darmstadt, min-naħa tagħha, tipproponi risposta affermattiva għaż-żewġ partijiet tad-domanda, filwaqt li l-Gvern Taljan u dak Finlandiż jipproponu risposta affermattiva għall-ewwel parti u risposta negattiva għat-tieni parti. Min-naħa l-oħra, Eugen Ulmer KG u l-Kummissjoni jipproponu risposta negattiva għaż-żewġ partijiet tad-domanda. Il-Gvern Ġermaniż huwa tal-opinjoni li d-domanda ma hijiex irregolata mill-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, iżda mill-Artikolu (5)(2)(a) sa (ċ) tagħha, filwaqt li l-Gvern Pollakk jesponi xi kunsiderazzjonijiet mingħajr madankollu ma jipproponi risposta preċiża.
43. Fl-analiżi taż-żewġ xenarji previsti mid-domanda tal-qorti tar-rinviju, dwar il-possibbiltà għall-utenti tat-terminals speċjalizzati li jistampaw fuq il-karta jew li jniżżlu fuq USB stick xogħlijiet sħaħ jew parti minnhom li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom, għandha ssir rabta mal-kunċett tad-dritt ta’ komunikazzjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa għall-kunċett ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 (14), filwaqt li tiġi interpretata b’mod restrittiv kull eċċezzjoni għal dan id-dritt (15).
44. Bħalma għadni kif osservajt fil-qafas tat-tieni domanda, l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 jinkludi prinċipalment eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.
45. Fil-qafas tal-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, il-limitazzjoni għad-dritt ta’ komunikazzjoni jikkonsisti f’użu, mingħajr awtorizzazzjoni tal-awtur, ta’ xogħlijiet permezz ta’ terminals speċjalizzati bit-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku b’tali mod li l-utent ikun jista’ jkollu aċċess għalihom fl-istabbiliment għall-kumdità tiegħu.
46. Għandu jiġi vverifikat jekk din il-komunikazzjoni tkoprix ukoll l-issejvjar fuq USB stick u l-istampar fuq il-karta. Nindika mal-ewwel li ż-żewġ ipoteżijiet previsti ma humiex atti ta’ komunikazzjoni iżda ta’ riproduzzjoni. Fil-każ ta’ USB stick, dan jirrigwarda ħolqien ta’ kopja ta’ xogħol diġitali, u fil-każ ta’ kopja stampata fuq il-karta, dan jirrigwarda kopja tax-xogħol fuq mezz fiżiku.
47. F’dak li jirrigwarda, qabel kollox, l-issejvjar fuq USB stick, l-interazzjoni bejn terminal u USB stick timplika l-ħolqien, fuq il-USB stick, ta’ kopja diġitali ġdida tal-kopja diġitali mħejjija mil-librerija. Huwa hawnhekk li jidħol il-kunċett ta’ terminals speċjalizzati. Madankollu, id-Direttiva 2001/29 ma tippreċiżax x’tifhem b’din l-espressjoni.
48. Fil-fehma tiegħi, l-użu ta’ xogħol protett — bħal xogħol letterarju, fonografiku jew ċinematografiku — permezz ta’ terminals speċjalizzati jinvolvi att ta’ perċezzjoni (16), permezz tal-qari, is-smigħ jew il-viżjoni immedjata, li, barra minn hekk, għandu jseħħ fil-bini tal-librerija. Għaldaqstant il-kunċett ta’ terminal speċjalizzat ikopri t-tagħmir ipprovdut għal dan l-għan, u mhux soluzzjoni teknika speċifika (17).
49. Fil-fehma tiegħi, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ komunikazzjoni jeskludi mill-qafas tal-eċċezzjoni inkwistjoni, il-possibbiltà li x-xogħol jiġi ssejvjat fuq USB stick, peress li dan ma jirrigwardax komunikazzjoni mil-librerija pubblika jew stabbiliment ieħor fis-sens kif mifhum mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, iżda l-ħolqien ta’ kopja diġitali privata mill-utent. Barra minn hekk, tali riproduzzjoni ma hijiex meħtieġa biex tippreserva l-effett utli tal-eċċezzjoni meqjusa, minkejja li din tkun utli għall-utent. Tali kopja, madankollu, tista’ tiġi kkupjata mill-ġdid jew imqassma online. Madankollu, l-eċċezzjoni prevista favur it-terminals speċjalizzati ma tkoprix l-att li permezz tiegħu l-librerija tagħmel il-kopja diġitali tagħha aċċessibbli għall-utent, sabiex ikun jista’ joħloq kopja ulterjuri u jerfagħha fuq USB stick.
50. L-analiżi tal-istampar fuq il-karta għandha ssegwi l-istess loġika. Proċess li jwassal għal kopja (parzjali) ta’ xogħol jmur lil hinn, fil-fehma tiegħi, mill-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29.
51. Minn dan nikkonkludi li l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 la jkopri l-issejvjar fuq USB stick u lanqas l-istampar fuq il-karta.
52. Madankollu, b’mod superfluwu, u f’dak li jikkonċerna l-istampar, nosserva wkoll dan li ġej.
53. Il-proċess tekniku modern ta’ fotokopja huwa bbażat ħafna fuq id-diġitalizzazzjoni tal-oriġinal u l-istampar ta’ kopja (18).
54. Skont l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, it-twettiq ta’ fotokopji ta’ xogħlijiet fi ħdan il-librerija jista’ jiġi permess taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-fotokopijers attwali jiddiġitalizzaw l-oriġinal u jistampaw fuq il-karta kopja analoġika tax-xogħol oriġinali, li huwa ekwivalenti għal riproduzzjoni fiżika tal-oriġinali wara diġitalizzazzjoni.
55. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza VG Wort et (19), li “mill-kliem tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li dan ma jirreferix biss għat-teknika fotografika, iżda wkoll għal ‘xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti’, jiġifieri kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti li jkun hemm riżultat simili għal dak miksub bit-teknika fotografika, jiġifieri r-rappreżentazzjoni analoġika ta’ xogħol jew ta’ materjal ieħor protett”.
56. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li “[s]a fejn dan ir-riżultat huwa żgurat, in-numru ta’ operazzjonijiet jew in-natura tat-teknika jew tat-tekniki użati waqt il-proċess ta’ riproduzzjoni inkwistjoni ftit huma importanti sakemm, madankollu, id-diversi elementi jew id-diversi stadji mhux awtonomi ta’ dan il-proċess uniku jaġixxu jew jiżvolġu taħt il-kontroll tal-istess persuna u l-għan tagħhom ikun li jirriproduċu x-xogħol jew il-materjal l-ieħor protett fuq il-karta jew mezz ieħor simili” (20).
57. Skont dan l-approċċ, huwa possibbli li jiġu stampati paġni ta’ xogħol diġà ddiġitalizzat. Dan ix-xenarju jmur lil hinn minn dak li jipprevedi l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, iżda jista’ jiġi kopert mill-Artikolu 5(2)(a), (b), u/jew (ċ) tad-Direttiva 2001/29. Bħalma huwa permess għal utent ta’ librerija, fil-limiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jiffotokopja l-paġni ta’ xogħlijiet fiżiċi preżenti fil-kollezzjoni sħiħa, u għal librerija li tippermetti dan, l-utent jista’ jistampa l-paġni ta’ kopja diġitali u l-librerija tista’ tippermetti dan. B’differenza għal kopja diġitali ssejvjata fuq USB stick, il-permess li jiġu stampati xogħlijiet iddiġitalizzati minn librerija jew stabbiliment ieħor previst fl-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, ma joħloqx, f’dan ir-rigward, sitwazzjoni ġdida meta mqabbla ma’ dik li fiha ma jeżisti ebda terminal speċjalizzat. Il-perikolu ta’ distribuzzjoni illeċita fuq skala kbira, preżenti fil-każ ta’ kopji diġitali, ma jeżistix iktar.
58. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li tingħata risposta għat-tielet domanda fis-sens li d-drittijiet previsti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 ma jippermettux lill-utenti tat-terminals speċjalizzati li jistampaw fuq il-karta jew li jaħżnu fuq USB stick ix-xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom hemmhekk.
V – Konklużjoni
59. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof bil-mod li ġej:
1) L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma humiex applikabbli għal xogħol il-kundizzjonijiet ta’ xiri jew ta’ liċenzjar, meta d-detentur tad-dritt joffri lill-istabbilimenti msemmija f’din id-dispożizzjoni l-possibbiltà ta’ konklużjoni ta’ kuntratti ta’ liċenzja b’kundizzjonijiet xierqa għall-użu ta’ dan ix-xogħol.
2) L-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 5(2)(ċ) tal-imsemmija direttiva, ma jopponix għall-fatt li l-Istati Membri jagħtu lill-istabbilimenti previsti f’din id-dispożizzjoni d-dritt li jiddiġitalizzaw ix-xogħlijiet fil-kollezzjonijiet tagħhom, jekk dan huwa meħtieġ għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ terminals speċjalizzati.
3) Id-drittijiet previsti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva 2001/29 ma jippermettux lill-utenti tat-terminals speċjalizzati li jistampaw fuq il-karta jew li jaħżnu fuq USB stick ix-xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom hemmhekk.