Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2018 – NEC Corporation vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-341/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: NEC Corporation (Tokyo, il-Ġappun) (rappreżentanti: R. Bachour, Solicitor, O. Brouwer u A. Pliego Selie, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 1768 finali tal-21 ta’ Marzu 2018, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40136 - Kondensers) sa fejn issib li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 101 TFUE/l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE,

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn timponi multa fuq ir-rikorrenti, u/jew

b’mod iktar sussidjarju, teżerċita l-kompetenza sħiħa tagħha sabiex taġġusta l-multa – fid-dawl tal-argumenti esposti fl-ewwel żewġ motivi – għal livell konsistenti mal-liġi, għall-motivazzjoni tal-kunċett legali ta’ reċidivi bħala ċirkustanza aggravanti li tiġġustifika żieda fil-multa li hija proporzjonata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji manifesti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni, hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tar-reċidiva bħala fattur aggravanti meta imponiet multa fuq NEC Corporation, liema multa tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti meta tissuġġerixxi, fl-Artikolu 1, li r-rikorrent stess ipparteċipa fil-ksur identifikat minkejja li dan ma kienx ġie ddikjarat jew saħansitra ssuġġerit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni allegatament hija wkoll żbaljata fil-liġi u fil-fatt, u fiha konstatazzjoni u raġunament inkonsistenti peress li allegatament tirrikonoxxi fl-istess ħin (iżda dan tqies bħala irrilevanti) li NEC Corporation ma kinitx taf bil-ksur u tikkunsidra li NEC Corporation hija responsabbli b’mod espliċitu bħala kumpannija omm li (allegatament) ikkontrollat lil Tokin Corporation għal ċertu perijodu.

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni naqset milli tapplika lil NEC Corporation l-istess tnaqqis fl-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Tokin Corporation u barra minn hekk kellha tapplika il-valur medju tal-bejgħ għall-iffissar tal-multa pjuttost milli bbażat fuq valur ta’ bejgħ mhux rappreżentattiv għall-aħħar sena tal-ksur identifikat. Dawn in-nuqqasijiet iwasslu għal żbalji fil-kalkolu tal-multa u/jew għal multa sproporzjonata (kif ukoll għal nuqqas ta’ motivazzjoni għall-ewwel element peress li ma huwiex espost fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għaliex l-istess tnaqqis milli jidher ma ġiex applikat għall-ammont bażiku użat għall-multa imposta fuq NEC Corporation).

____________