SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Frar 2010 (*)

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 5(1)(b) – Ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali – Determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu – Kriterji ta’ distinzjoni bejn ‘bejgħ ta’ merkanzija’ u ‘provvista ta’ servizzi’”

Fil-Kawża C‑381/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura

Car Trim GmbH

vs

KeySafety Systems Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (relatur), G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal KeySafety Systems Srl, minn C. von Mettenheim, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn A. Henshaw, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud‑Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), u, b’mod partikolari, dwar kif għandha tiġi ffissata d-distinzjoni bejn il-kuntratti ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” u l-kuntratti ta “provvista ta’ servizzi” kif ukoll li jiġi ddeterminat il-post ta’ eżekuzzjoni fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Car Trim GmbH (iktar ’il quddiem “Car Trim”) u l-impriża KeySafety Systems Srl (iktar ’il quddiem “KeySafety”) fir-rigward tal-obbligi kuntrattwali tal-partijiet dwar il-kunsinna ta’ komponenti għall-iffabbrikar ta’ sistemi ta’ airbags.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2002, dan jissostitwixxi bejn l-Istati Membri kollha, ħlief għar-Renju tad-Danimarka, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet sussegwenti dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni.

4        B’mod konformi mal-premessa 2 tiegħu u fl-interess tal-operat tajjeb tas-suq intern, ir-Regolament għandu bħala għan li “jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

5        Il-premessi 11 u 12 tar-Regolament jippreċiżaw bil-mod li ġej ir-rapport bejn ir-regoli differenti ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll l-għanijiet tagħhom:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

6        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)     a)     f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [kuntrattwali], fil-qrati tal-post tat-twettieq [eżekuzzjoni] ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post [ta’ eżekuzzjoni] ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [merkanzija], il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

ċ)      jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[…]”

8        L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223), jiddisponi:

“Il-kuntratti għall-forniment ta’ oġġetti tal-konsum li għandhom ikunu manifatturati jew prodotti għandhom jinftiehmu wkoll li huma kuntratti ta’ bejgħ għall-iskop ta’ din id-Direttiva.”

 Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

9        Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’Vjenna fil-11 ta’ April 1980, dwar il-kuntratti ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“CSIG”), daħlet fis-seħħ fl-Italja fl-1 ta’ Jannar 1988 u fil-Ġermanja fl-1 ta’ Jannar 1991.

10      It-tielet premessa tal-preambolu tas-CISG tiddisponi:

“ […][L]-adozzjoni ta’ regoli uniformi applikabbli għall-kuntratti ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija u kompatibbli mas-sistemi differenti soċjali, ekonomiċi u legali tikkontribwixxi għat-tneħħija ta’ ostakoli legali fil-kummerċ internazzjonali u tippromwovi l-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali”.

11      Skont l-Artikolu 1(1)(a) tas-CISG:

“Din il-[k]onvenzjoni tapplika għall-kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija bejn partijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti:

a)      meta dawn l-Istati huma Stati kontraenti […]”

12      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tiegħu, l-Artikolu 3 tas-CISG jipprovdi:

“1.      Il-kuntratti għall-provvista ta’ merkanzija li trid tiġi ffabbrikata jew prodotta għandha tiġi kkwalifikata bħala bejgħ, sakemm il-parti li tordna l-merkanzija tintrabat li tforni parti sostanzjali tal-materjali rikjesti għall-iffabbrikar jew produzzjoni.

2.      Din il-[k]onvenzjoni ma tapplikax għall-kuntratti fejn il-parti predominanti tal-obbligi tal-parti li tipprovdi l-merkanzija jikkonsistu fil-provvista ta’ ħaddiema jew servizzi oħra.”

13      Skont l-Artikolu 30 tas-CISG, “il-bejjiegħ għandu jikkunsinna l-merkanzija u jittrasferixxi l-proprjetà, fil-kundizzjonijiet previsti mill-kuntratt u minn din il-[k]onvenzjoni, u jekk ikun il-każ għandu jgħaddi d-dokumenti relatati magħhom”.

14      L-Artikolu 31 tas-CISG jiddisponi:

“Jekk il-bejjiegħ ma jkunx marbut li jikkunsinna l-merkanzija f’post ieħor partikolari, l-obbligu tiegħu ta’ kunsinna jikkonsisti:

a)      jekk il-kuntratt ta’ bejgħ jinvolvi trasport ta’ merkanzija, li l-merkanzija tiġi kkunsinnata lill-ewwel trasportatur sabiex jingħataw lix-xerrej;

[…]”

15      Skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmat fi New York fl-14 ta’ Ġunju 1974, dwar il-preskrizzjoni fil-qasam ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija:

“1.      Din il-[k]onvenzjoni ma tapplikax għall-kuntratti fejn il-parti predominanti tal-obbligi tal-bejjiegħ jikkonsistu fil-provvista ta’ ħaddiema jew servizzi oħra.

2.      Il-kuntratti għall-provvista ta’ oġġetti tanġibbli mobbli li jridu jiġu ffabbrikati jew prodotti għandhom jiġu kkwalifikati bħala bejgħ, sakemm il-parti li tordna l-oġġetti ma tintrabatx li tforni parti essenzjali mill-elementi neċessarji għall-iffabbrikar jew produzzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      KeySafety, stabbilita fl-Italja, tipprovdi sistemi ta’ airbags lil ċerti fabbrikanti ta’ vetturi Taljani u xtrat mingħand Car Trim, komponenti użati fl-iffabbrikar ta’ dawn is-sistemi, b’mod konformi ma’ ħames kuntratti ta’ kunsinna, mix-xahar ta’ Lulju 2001 sax-xahar ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem il-“kuntratti”).

17      KeySafety itterminat dawn il-kuntratti b’effett mit-tmiem tal-2003. Billi Car Trim qieset li l-kuntratti kellhom parzjalment ikomplu sas-sajf tal-2007, ikkunsidrat ix-xoljiment bħala ksur ta’ kuntratt u ppreżentat rikors għal danni quddiem il-Landgericht Chemnitz, il-qorti fejn jiġu prodotti l-komponenti. Din il-qorti ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ ir-rikors, minħabba fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi.

18      L-Oberlandesgericht ċaħdet l-appell ippreżentat mir-rikorrenti.

19      Din l-aħħar qorti osservat li l-kuntratti jobbligaw lir-rikorrenti tiffabbrika, bħal kieku fabbrikant ta’ komponenti ta’ karozza, airbags ta’ forma partikolari, billi tuża prodotti mixtrija minn fornituri stabbiliti, sabiex tkun tista’ tipprovdi kunsinna meta mitluba, skont ir-rekwiżiti tal-proċess tal-produzzjoni ta’ KeySafety u skont numru kbir ta’ regoli dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol, il-kontroll tal-kwalità, l-ippakkjar, l-ittikkettjar, l-ordnijiet ta’ kunsinna u l-fatturi.

20      Car Trim ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof.

21      Għall-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni ta’ dan ir-rikors jirrigwarda l-punt jekk il-Landgericht Chemnitz ċaħdet b’mod żbaljat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, li kellha tiġi evalwata fuq il-bażi tar-Regolament.

22      Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament, billi l-uffiċċju rreġistrat tal-konvenuta, li huwa l-kriterju sabiex tiġi deċiża l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament, huwa fl-Italja, u billi l-Oberlandesgericht ikkonstatat li ma hemm l-ebda ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati Ġermaniżi, taħt l-Artikolu 22 tar-Regolament, jew estensjoni espliċita jew impliċita tal-ġurisdizzjoni, taħt l-Artikoli 23 u 24 ta’ dan ir-regolament.

23      Konsegwentement, il-qrati Ġermaniżi jistgħu jiġu meqjusa bħala kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq rikors għal danni biss jekk il-post tal-produzzjoni huwa kkunsidrat bħala l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li huwa “l-post tat-twettieq” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament.

24      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-qorti kompetenti hija dik li għandha l-eqreb rabta ġeografika mal-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz karatteristiku tal-kuntratt. Għalhekk, din għandha tkun iddeterminata mis-servizz kuntrattwali predominanti, li għandu jiġi żgurat permezz tal-kriterji ekonomiċi fin-nuqqas ta’ konnessjoni oħra xierqa. Dan il-kriterju tas-servizz ekonomiku predominanti huwa wkoll dak stabbilit fl-Artikolu 3(2) tas-CISG jew fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-14 ta’ Ġunju 1974, dwar il-preskrizzjoni fil-qasam ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija.

25      Fl-ipoteżi fejn il-post ta’ eżekuzzjoni li jistabbilixi l-qorti kompetenti huwa dak li jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, għandu jiġi stabbilit l-post fejn il-merkanzija ġiet mibjugħa jew fejn kellha tiġi kkunsinnata taħt il-kuntratti. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, anki għall-bejgħ mill-bogħod, il-post ta’ twettiq jirreferi għall-post fejn ix-xerrej jikseb jew kellu jikseb il-poter li jiddisponi mill-oġġetti kkunsinnati skont il-kuntratti.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament […] għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratti dwar kunsinna ta’ merkanzija li trid tiġi ffabbrikata jew prodotta għandha tiġi kkwalifikata bħala bejgħ ta’ merkanzija (l-ewwel inċiż) u mhux ta’ provvista ta’ servizzi (it-tieni inċiż), anki meta x-xerrej ikun ifformula ċerti rikjesti dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna ta’ din il-merkanzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-garanzija tal-kwalità tal-iffabbrikar, l-affidabbiltà tal-kunsinna u tmexxija amministrattiva tajba tal-ordni? Liema huma l-kriterji determinanti sabiex issir distinzjoni?

2)      Jekk il-bejgħ ta’ merkanzija kellu jiġi preżunt, il-post fejn, skont il-kuntratt, il-merkanzija kienet jew kellha tiġu kkunsinnata għandu jiġi ddeterminat, fuq il-bażi tal-post fejn ġew fiżikament ittrasferiti lix-xerrej, jew ta’ dak fejn il-merkanzija ngħatat lill-ewwel trasportatur sabiex tiġi mgħoddija lix-xerrej?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif għandhom jiġi ddefiniti l-“kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija” u l-“kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, fil-każ ta’ kuntratt dwar il-kunsinna ta’ merkanzija li trid tiġi ffabbrikata jew prodotta meta x-xerrej ikun ifformula ċerti rikjesti dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna ta’ din il-merkanzija.

28      L-ewwel nett, għandu jingħad li din id-domanda ġiet magħmula fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ fabbrikanti fis-settur tal-karozzi. Dan is-settur tal-industrija huwa kkaratterizzat minn kooperazzjoni qawwija bejn il-fabbrikanti. Il-provvista tal-prodott komplut għandu jiġi adattat għar-rikjesti speċifiċi u l-ispeċifikazzjonijiet individwali tax-xerrej. Ġeneralment, huwa dan tal-aħħar li jiddetermina bi preċiżjoni r-rikjesti tiegħu u jipprovdi l-istruzzjonijiet għall-produzzjoni li l-fornitur għandu jissodisfa.

29      Fi proċess ta’ ffabbrikar bħal dan, li huwa wkoll użat f’setturi oħra tal-ekonomija moderna, il-produzzjoni ta’ merkanzija tista’ tinkludi provvista ta’ servizzi li flimkien mal-kunsinna sussegwenti tal-prodott komplut, jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan finali tal-kuntratt inkwistjoni.

30      L-ifformular tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament ma jinkludi la definizzjoni taż-żewġ kategoriji ta’ kuntratt u lanqas elementi li jiddistingwu bejn dawn iż-żewġ kategoriji fil-bejgħ ta’ merkanzija u jinkludi fl-istess ħin il-provvista ta’ servizzi. B’mod partikolari, l-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni dwar il-bejgħ ta’ merkanzija, ma jispeċifikax jekk japplikax ukoll meta l-merkanzija inkwistjoni għandha tkun iffabbrikata jew prodotta mill-bejjiegħ skont ċerti rikjesti magħmula f’dan ir-rigward mix-xerrej, fid-dawl tal-fatt li tali ffabbrikar jew produzzjoni jew parti minnha setgħet tiġi kkwalifikata bħala “servizz” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fir-rigward tal-kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija u dawk ta’ provvista ta’ servizzi, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament iżomm l-obbligu karatteristiku ta’ dawn il-kuntratti bħala l-kriterju ta’ rabta mal-qorti kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, Ġabra 2009 p. I‑3327, punt 54).

32      Fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni, huwa għalhekk meħtieġ li wieħed jibbaża fuq l-obbligu karatteristiku tal-kuntratti inkwistjoni. Kuntratt li l-obbligu karatteristiku tiegħu huwa l-kunsinna ta’ oġġett huwa kkwalifikat bħala “bejgħ ta’ merkanzija” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament. Kuntratt li l-obbligu karatteristiku tiegħu huwa l-provvista ta’ servizzi huwa kkwalifikat bħala “provvista ta’ servizzi”fis-sens ta’ dan it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b).

33      Sabiex jiġi ddeterminat l-obbligu karatteristiku tal-kuntratti inkwistjoni, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin.

34      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-kwalifika ta’ kuntratt li huwa intiż għall-bejgħ ta’ merkanzija li l-ewwel għandha tiġi ffabbrikata jew prodotta mill-bejjiegħ hija rregolata minn ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali li jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċetti ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” u ta’ “provvista ta’ servizzi”.

35      L-ewwel, skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 1999/44, il-kuntratti għall-provvista ta’ oġġetti tal-konsum li għandhom jiġu ffabbrikati jew prodotti għandhom jitqiesu bħala kuntratti ta’ bejgħ u li, taħt l-Artikolu 1(2)(b) ta’ din id-direttiva, kull oġġett tanġibbli mobbli huwa kkwalifikat bħala “oġġett tal-konsum” b’ċertu eċċezzjonijiet li mhumiex rilevanti għal kawża bħal dik fil-prinċipal.

36      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tas-CISG, huma kkunsidrati bħala kuntratti ta’ bejgħ dawk ta’ provvista ta’ merkanzija li trid tiġi ffabbrikata jew prodotta, sakemm il-parti li tkun ordnathom mhux ser tipprovdi parti sostanzjali tal-materjali meħtieġa għal dan l-iffabbrikar jew għal din il-produzzjoni.

37      Għandu jingħad, li l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-14 ta’ Ġunju 1974, dwar il-preskrizzjoni fil-qasam ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija jipprovdi wkoll li l-kuntratti għall-provvista ta’ oġġetti tanġibbli mobbli li jridu jiġu ffabbrikati jew prodotti għandhom jiġu kkwalifikati bħala bejgħ, sakemm il-parti li tordna l-oġġett ma tintrabatx li tforni parti essenzjali mill-elementi neċessarji għal dan l-iffabbrikar jew għal din il-produzzjoni.

38      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet fuq imsemmija huma indikazzjoni li l-fatt li l-merkanzija li għandha tiġi kkunsinnata għandha tkun iffabbrikata jew prodotta qabel ma tibdilx il-kwalifika tal-kuntratt inkwistjoni bħala kuntratt ta’ bejgħ.

39      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess riżultat fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Hans & Christophorus Oymanns (C-300/07, Ġabra I-0000), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ “kuntratti pubbliċi għal provvista” li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), jinkludi x-xiri ta’ prodotti, indipendentement minn jekk il-prodott inkwistjoni huwa disponibbli għall-konsumaturi diġà lest jew wara li jkun ġie ffabbrikat skont ir-rekwiżiti tiegħu. Fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fil-każ li titqiegħed għad-dispożizzjoni merkanzija li hija ffabbrikata u mfassla individwalment skont il-bżonnijiet ta’ kull klijent, il-manifattura ta’ din il-merkanzija tagħmel parti mill-provvista ta’ merkanzija inkwistjoni.

40      It-tieni nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kriterju msemmi mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-oriġini tal-materjali li għandhom jiġu pproċessati. Il-fatt li dawn ġew pprovduti jew le mix-xerrej, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni. Jekk ix-xerrej ikun ipprovda l-materjali kollha jew il-parti l-kbira tagħhom li permezz tagħhom il-merkanzija hija ffabbrikata, din iċ-ċirkustanza tista’ tkun indikazzjoni favur il-kwalifika ta’ kuntratt bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ provvista ta’ materjali mix-xerrej, hemm indikazzjoni qawwija li l-kuntratt ikun ikkwalifikat bħala “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija”.

41      Skont il-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża prinċipali, anki jekk KeySafety iddeterminat il-fornituri li mingħandhom Car Trim kellha tikseb xi komponenti, hija ma qegħdet l-ebda materjal għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar.

42      It-tielet nett, anki jekk il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda informazzjoni f’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li wieħed jinnota li r-responsabbiltà tal-fornitur tista’ wkoll tkun element li għandu jiġi kkunsidrat fl-ikkwalifikar tal-obbligu karatteristiku tal-kuntratt inkwistjoni. Jekk il-bejjiegħ huwa responsabbli għall-kwalità u l-konformità tal-kuntratt tal-merkanzija, li huwa r-riżultat tal-attività tiegħu, din ir-responsabbiltà għandha taqleb il-bilanċ lejn kwalifika bħala “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija”. Min-naħa l-oħra, jekk dan huwa biss responsabbli għall-eżekuzzjoni korretta skont l-istruzzjonijiet tax-xerrej, din iċ-ċirkustanza hija pjuttost favur kwalifika ta’ kuntratt bħala “provvista ta’ servizzi”.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kuntratti li l-għan tagħhom huwa l-kunsinna ta’ merkanzija li trid tiġi ffabbrikata jew prodotta meta x-xerrej ikun ifformula ċerti rikjesti dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna tal-merkanzija, mingħajr ma pprovda l-materjali, u li l-fornitur huwa responsabbli għall-kwalità u l-konformità tal-merkanzija mal-kuntratt, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “bejgħ ta’ merkanzija” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament.

 Fuq it-tieni domanda

44      Pemezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ bejgħ mill-bogħod, il-post fejn skont il-kuntratt, l-merkanzija kienet jew kellha tiġi kkunsinnata, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-post fejn ġiet fiżikament ittrasferita lix-xerrej.

45      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, il-partijiet kontraenti għandhom rieda awtonoma sabiex jiddeterminaw il-post tal-kunsinna ta’ merkanzija.

46      Fil-fatt, il-frażi “sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor” li tinsab fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tindika li l-partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim sabiex jiddeċiedu dwar il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, li jsemmi l-frażi “skond il-kuntratt”, il-post tal-kunsinna tal-merkanzija huwa normalment dak magħżul mill-partijiet għall-kuntratt.

47      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża fuq l-abbozzar, l-għanijiet u s-sistema tar-Regolament (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C‑386/05, Ġabra p. I‑3699, punt 18, u tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, Ġabra 2009 p. I‑6073, punt 31).

48      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali taħt l-Artikolu 5(1) tar-Regolament, fir-rigward tal-kuntratt, li tikkumplimenta r-regola tal-prinċipju tal-forum tad-domiċilju tal-konvenut, tirrispondi għall-għan ta’ prossimità u hija mmotivata min-ness ta’ rabta mill-qrib bejn il-kuntratt u l-qorti adita biex tieħu konjizzjoni tal-kawża (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Color Drack, punt 22, u Redher, punt 32).

49      Fir-rigward tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li tifforma l-bażi tat-talba, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament jiddefinixxi b’mod awtonomu il-kriterju ta’ rabta għall-bejgħ ta’ merkanzija, sabiex isaħħaħ l-għan primarju tal-unifikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġudizzjarja u ta’ interess ta’ prevedibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Color Drack, punt 24, u Rehder, punt 33).

50      Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materja kuntrattwali tistabbilixxi l-post tal-kunsinna bħala kriterju awtonomu tar-rabta, li għandu jiġi applikat fil-konfront tal-kawżi kollha bbażati fuq l-istess kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija, u mhux biss fil-konfront ta’ dawk ibbażati fuq l-obbligu ta’ kunsinna stess (sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

51      Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament ma tiddefinixxi l-kunċetti ta’ “kunsinna” u “post tal-kunsinna” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li fl-abbozzar ta’ din id-dispożizzjoni, il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE)], tal-14 Lulju 1999, dwar ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [COM (1999) 348 finali, p. 14], enfasizzat li din id-dispożizzjoni kienet maħsuba sabiex “tegħleb l-iżvantaġġi ta’ meta tuża r-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Istat li l-qorti tagħhom għandha tiddeċiedi dwar il-kawża” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li din “id-determinazzjoni pragmatika tal-post ta’ eżekuzzjoni”kienet ibbażata purament fuq kriterju fattwali.

53      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-awtonomija tal-kriterji ta’ rabta previsti fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament, jeskludu l-użu tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Istat Membru tal-forum, kif ukoll tal-liġi sostantiva li skont din hija applikabbli.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa għall-qorti tar-rinviju li l-ewwel nett teżamina jekk il-post tal-kunsinna jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt.

55      Jekk huwa possibbli li jiġi identifikat il-post tal-kunsinna, mingħajr ma ssir referenza għal-liġi sostantiva applikabbli għall-kuntratt, huwa dan il-post li huwa meqjus bħala dak fejn il-merkanzija kienet jew suppost kellha tkun ikkunsinnata skont il-kuntratt fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament.

56      Min-naħa l-oħra, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn il-kuntratt ma jkun fih l-ebda dispożizzjoni li tindika, mingħajr ma jsir rikors għal-liġi sostantiva applikabbli, ir-rieda tal-partijiet dwar il-post tal-kunsinna tal-merkanzija.

57      F’sitwazzjonijiet bħal dawn, billi r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament hija awtonoma, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat dan il-post abbażi ta’ kriterju ieħor li jirrispetta l-abbozzar, l-għanijiet u s-sistema tar-Regolament.

58      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra żewġ postijiet li jistgħu jservu bħala l-post tal-kunsinna għad-determinazzjoni ta’ tali kriterju awtonomu, applikabbli fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrattwali. L-ewwel wieħed huwa dak fejn ġie fiżikament ikkunsinnata l-merkanzija lix-xerrej u t-tieni wieħed huwa dak fejn il-merkanzija ġiet ikkunsinnata lill-ewwel trasportatur sabiex tiġi trażmessa lix-xerrej.

59      Għandu jiġu kkunsidrati, li bħal ma qieset il-qorti tar-rinviju, dawn iż-żewġ postijiet jidhru li huma l-iktar adatti sabiex jiddeterminaw il-post ta’ eżekuzzjoni fejn il-merkanzija kienet jew suppost kellha tkun ikkunsinnata.

60      Għandu jiġi kkonstatat li l-post fejn il-merkanzija kienet jew suppost kellha tkun fiżikament ikkunsinnata lix-xerrej fid-destinazzjoni finali tagħha jikkorrispondi l-aħjar mal-abbozzar, l-għanijiet u s-sistema tar-Regolament, billi huwa l-“post tal-kunsinna” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tiegħu.

61      Dan it-test għandu grad għoli ta prevedibbiltà. Jissodisfa wkoll l-għan ta’ prossimità, billi jiżgura l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-kuntratt u l-qorti li trid tiddeċiedi l-kawża. B’mod partikolari, għandu jingħad li l-merkanzija li tikkostitwixxi l-għan materjali tal-kuntratt, fil-prinċipju għandha tkun f’dan il-post wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Barra minn hekk, l-għan fundamentali ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija huwa t-trasferiment ta’ din mill-bejjiegħ għax-xerrej, tranżazzjoni li tiġi kkompletata biss mal-wasla ta’ din il-merkanzija fid-destinazzjoni finali tagħha.

62      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, il-post fejn il-merkanzija kellha jew suppost li kienet ikkunsinnata skont il-kuntratt għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt. Jekk fuq din il-bażi huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-post tal-kunsinna, mingħajr ma ssir referenza għad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt, dan il-post huwa dak fejn fiżikament twasslet il-merkanzija li permezz tagħha x-xerrej kiseb jew kellu jikseb is-setgħa li jiddisponi effettivament minn din il-merkanzija fid-destinazzjoni finali tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratti li l-għan tagħhom huwa l-kunsinna ta’ merkanzija li trid tiġi ffabbrikata jew prodotta meta x-xerrej ikun ifformula ċerti rikjesti dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna tal-merkanzija, mingħajr ma pprovda l-materjali, u li l-fornitur huwa responsabbli għall-kwalità u l-konformità tal-merkanzija mal-kuntratt, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “bejgħ ta’ merkanzija” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

2)      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, il-post fejn il-merkanzija kellha jew suppost li kienet ikkunsinnata skont il-kuntratt għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt. Jekk fuq din il-bażi huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-post tal-kunsinna, mingħajr ma ssir referenza għad-dritt sostantiv applikabbli għall-kuntratt, dan il-post huwa dak fejn fiżikament twasslet il-merkanzija li permezz tagħha x-xerrej kiseb jew kellu jikseb is-setgħa li jiddisponi effettivament minn din l-merkanzija fid-destinazzjoni finali tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.