Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Novembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof – l-Awstrija) – Verein für Konsumenteninformation vs A1 Telekom Austria AG

(Kawża C-326/14) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva Nru 2002/22/KE - Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Drittijiet tal-utenti – Dritt tal-abbonati li jirtiraw mill-kuntratt tagħhom mingħajr penali – Modifika fit-tariffi li tirriżulta mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt – Żieda fit-tariffa fil-każ ta’ żieda fil-prezz għall-konsumatur)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Verein für Konsumenteninformation

Konvenuta: A1 Telekom Austria AG

Dispożittiv

L-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”), kif emendata bid-Direttiva Nru 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li modifika tat-tariffi ta’ provvista ta’ servizzi relatati ma’ netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li sseħħ b’applikazzjoni ta’ klawżola ta’ aġġustament tariffarju inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ applikati minn impriża li tipprovdi dawn is-servizzi, din il-klawżola li tipprovdi għal dan l-aġġustament tkun ibbażata fuq indiċi oġġettiv tal-prezzijiet għall-konsumaturi stabbilit minn istituzzjoni pubblika, ma tikkostitwixxix “modifika magħmula lill-kundizzjonijiet kuntrattwali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tagħti lill-abbonat id-dritt li jittermina l-kuntratt tiegħu mingħajr penalità.

____________

1 ĠU C 339, 29.9.2014