Kawża T-387/07

Ir-Repubblika Portugiża

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FEŻR — Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja — Sussidju globali ta’ għajnuna għall-investiment lokali fil-Portugall — Rikors għal annullament — Spejjeż effettivament sostnuti — Klawżola ta’ arbitraġġ”

Sommarju tas-sentenza

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 253 KE)

2.      Koeżjoni ekonomika u soċjali — Interventi strutturali — Sussidju globali ta’ għajnuna għall-investiment lokali

(Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikolu 21(1))

3.      Koeżjoni ekonomika u soċjali — Interventi strutturali — Finanzjament mill-Unjoni — Ammont li jirriżulta direttament mid-deċiżjoni tal-għoti — Ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni u l-korp responsabbli mill-amministrazzjoni tal-għajnuna finanzjarja li jipprevedi klawżola ta’ arbitraġġ — Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija klawżola ta’ arbitraġġ ta’ kawżi dwar l-irregolaritajiet possibbli li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tagħha

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikoli 20(1) u 21(1), u Nru 4254/88, Artikolu 6(2))

1.      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal‑istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

(ara l-punt 58)

2.      Ftehim, konkluż bejn il-Kummissjoni u korp intermedjarju responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ għajnuna għall-investiment lokali, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-għoti u tal-użu ta’ din l-għajnuna, ma jistax jiġi interpretat bħala li jikser ir-regoli Komunitarji li jirregolaw is-sussidju inkwistjoni.

Issa, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti minn naħa waħda, u bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, jistabbilixxi b’mod ċar li l-ħlas ta’ għajnuna finanzjarja mogħti abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandu jirreferi esklużivament għall-ispejjeż effettivament sostnuti.

Fil-kuntest ta’ sussidju globali, il-kunċett ta’ “spejjeż effettivament sostnuti” jista’ jiġi ddefinit minn dispożizzjonijiet partikolari fil-kuntest Komunitarju tal-fondi strutturali. Fi skema tas-sussidji fuq l-interessi, l-intermedjarju jagħti self li jkollu kundizzjonijiet issussidjati lill-benefiċjarju finali. Is-sussidji fuq l-interessi jikkostitwixxu l-ammonti li jirriżultaw mid-differenza bejn l-interessi bir-rata tas-suq u l-interessi effettivament imħallsa mill-benefiċjarji finali. Għalhekk, is-sussidji fuq l-interessi huma effettivament sostnuti fil-mument meta l-ħlasijiet tal-interessi jsiru dovuti, fatt li jista’ jieħu ħafna snin. Għalhekk, is-sussidji fuq l-interessi jsegwu l-ħlas tal-interessi mill-benefiċċjarji finali matul il-perijodu tas-self. Għaldaqstant, fid-dawl biss tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, is-sussidji fuq l-interessi jistgħu jitqiesu bħala spejjeż effettivament sostnuti fil-mument li l-porzjonijiet tal-interessi li jikkonċernawhom jitħallsu.

Is-sempliċi fatt li hemm obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratti ta’ self konklużi bejn korp responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ għajnuna u l-benefiċjarji finali ma huwiex għalhekk biżżejjed sabiex is-sussidji fuq l-interessi li kellhom jitħallsu wara d-data finali għat-teħid ta’ responsabbiltà għal spejjeż stabbilita fid-deċiżjoni tal-għoti jitqiesu bħala spejjeż effettivament sostnuti fis-sens tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88. Minn naħa, fil-fatt, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti, jeżistu, fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, biss obbligi bejn il-partijiet fil-kuntratt tas-self, li għandhom jiġu distinti mill-ispejjeż effettivament sostnuti sabiex jitwettqu dawn l-obbligi. Min-naħa l-oħra, meta jirriżulta mid-deċiżjoni tal-għoti tas-sussidju li l-kopertura tal-ispejjeż ma tirrigwardax ir-responsabbiltà li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ self iżda l-ispejjeż effettivament sostnuti li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti, dawn jistgħu biss ikunu s-sussidji tal-interessi effettivament sostnuti mill-benefiċjarji finali fil-mument tal-ħlas tal-porzjonijiet tal-interessi.

(ara l-punti 81-83, 87, 98)

3.      Kif jirriżulta mill-Artikolu 20(1) u mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 4253/88, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, u bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, il-ħlas tal-għajnuna finanzjarja abbażi tad-dispożizzjonijiet isir skont l-impenji baġitarji meħuda fuq il-bażi tad-deċiżjoni li approvat l-azzjoni kkonċernata. Meta l-ammont ta’ għajnuna jirriżulta mid-deċiżjoni tal-għoti, ftehim, konkluż bejn il-Kummissjoni u l-korp responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ għajnuna, intiż li jistabbilixxi ċerti modalitajiet għall-użu tiegħu, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 4254/88, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-FEŻR, ma jistax joħloq obbligu finanzjarju impost fuq il-Komunità.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kawża dwar l-irregolaritajiet possibbli li jirrigwardaw l-imsemmi ftehim ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ stabbilit minnu.

(ara l-punt 115)