Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl‑4 ta’ Lulju 2024 (1)
Kawża C‑277/23
E. P.
vs
Ministarstvo financija Republike Hrvatske, Samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt għal moviment liberu u għal residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dħul – Kalkolu tat-tnaqqis personali bażiku għall-wild dipendenti li bbenefika mill-għajnuna għall-mobbiltà – Għajnuna li taqbeż il-limitu massimu previst minn din il-leġiżlazzjoni – Programm Erasmus + – Mobbiltà lejn Stat Membru fejn l-għoli tal-ħajja medja tiegħu huwa ogħla – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni – Restrizzjoni għall-moviment liberu”
I. Introduzzjoni
1. Il-Programm Erasmus (EuRopean Action Scheme for the Mobility of University Students) ġie kkonċepit b’riferiment għal perijodu tar‑Rinaxximent li matulu studenti u intellettwali kellhom moviment liberu fl-Ewropa. Huwa għalhekk iġorr l-isem tal-filosofu, filologu, teologu u umanista Erasmus ta’ Rotterdam (1469‑1536) li, peress li xtaq ikun ċittadin tad-dinja, għex u ħadem f’diversi reġjuni tal-Ewropa. Fil‑fatt, huwa kien iqis li kienu biss ir-rabtiet li huwa kellu mal-pajjiżi l‑oħra li kienu jagħtuh il-konoxxenzi, l-esperjenzi u l-ideat li kienu jikkostitwixxu s-suġġett tar-riċerki tiegħu (2).
2. Sa minn meta twaqqaf, fl‑1987, il-Programm Erasmus ippermetta diversi ġenerazzjonijiet ta’ studenti żgħażagħ jeżerċitaw moviment liberu fi ħdan l-Unjoni Ewropea għal finijiet ta’ edukazzjoni, li b’hekk jikkontribwixxi sabiex il-popli tal-Unjoni jersqu lejn xulxin. Huwa fetaħ ukoll it-triq għall-Ewropa tal-edukazzjoni, parti inseparabbli mill‑Ewropa taċ-ċittadini u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Illum, il‑Programm Erasmus + jikkontribwixxi għall-kisba tal-kooperazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma essenzjali li huma l-edukazzjoni u t-taħriġ, marbuta mill-qrib mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni, u għall-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE (3). U għada? Għada dan il-programm għandu jkompli jinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-istudenti, bħala għan ta’ interess ġenerali, u jikkonsolida l-valuri tal-Unjoni. Ma ninsewx li, effettivament, “id-demokrazija fl-Unjoni għandha bżonn pedament edukattiv” [traduzzjoni libera] (4).
3. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, essenzjalment, mistoqsija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 20, 21 u 165 TFUE. Essenzjalment, hija għandha tirrispondi d-domandi prinċipali li tagħmel il-qorti tar-rinviju, l-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja), u li jistgħu jitqassru bil-mod segwenti: l-għoti ta’ borża ta’ studju Erasmus lil student ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jkun ta’ profitt, parzjalment, għall-amministrazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru? It-trattament fiskali sfavorevoli tal-ġenitur li jħallas it-taxxa huwa konformi mal-għan tal-Programm Erasmus +, li huwa li jinkoraġġixxi l-mobbiltà tal‑istudenti?
4. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri għalhekk lill-Qorti tal‑Ġustizzja l-okkażjoni li tittratta mill-ġdid il-mobbiltà tal-istudenti, fl‑isfond ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda ċerti benefiċċji fiskali, u timxi fuq il-passi tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-moviment liberu tal-istudenti (5).
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. L-Artikolu 21(1) TFUE jipprevedi li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit‑territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.
6. L-Artikolu 165 TFUE jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.
[...]
2. L-azzjoni ta’ l-Unjoni għandha tkun immirata lejn:
– l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta’ l-Istati Membri;
– l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi ir-rikonoxximnet akkademiku ta’ diplomi u perjodi ta’ studju;
– il-promozzjoni ta’ koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi;
– l-iżvilupp ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta’ edukazzjoni fl-Istati Membri;
– l-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta’ edukaturi soċjo-edukattivi u l-inkoraġġiment tal‑parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika ta’ l‑Ewropa;
[...]”
7. Il-premessa 40 tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (6), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Erasmus +”), kienet tistipula:
“Biex jittejjeb l-aċċess għall-Programm, l-għotjiet ta’ appoġġ għall‑mobbiltà tal-individwi għandhom jiġu aġġustati għall-ispejjeż ta’ għajxien u ta’ sussistenza tal-pajjiż ospitanti. F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ukoll jitħeġġu jeżentaw lil dawk l‑għotjiet minn kwalunkwe taxxa u imposta soċjali. L-istess eżenzjoni għandha tapplika għal korpi pubbliċi jew privati li jagħtu dan l-appoġġ finanzjarju lill-individwi kkonċernati.”
8. L-Artikolu 6 tar-Regolament Erasmus +, intitolat “Azzjonijiet tal‑Programm”, fil-paragrafu 1 tiegħu, kien jipprevedi:
“Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Programm se jsegwi l-objettivi tiegħu permezz tat-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:
a) il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi;
[...]”
9. L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Baġit”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu:
“Il-fondi għall-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 12 li jridu jiġu ġestiti minn aġenzija jew aġenziji nazzjonali (‘aġenzija nazzjonali’) għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tal-popolazzjoni u l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru, id-distanza bejn il-kapitali tal-Istati Membri u l-prestazzjoni. Il‑parametru tal-prestazzjoni għandu jammonta għal 25 % tal-fondi totali skont il-kriterji msemmija fil-paragrafi 8 u 9. Fir-rigward tas-sħubiji strateġiċi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 14(1) li għandhom jintgħażlu u jiġu ġestiti minn aġenzija nazzjonali, il-fondi għandhom jiġu allokati abbażi ta’ kriterji li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(3). Dawk il-formuli għandhom, safejn huwa possibbli, ikunu newtrali fir-rigward tas-sistemi differenti ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Istati Membri, għandhom jevitaw tnaqqis sostanzjali fil-baġit annwali allokat lill-Istati Membri minn sena għall-oħra u għandhom jimminimizzaw żbilanċi eċċessivi fil-livell tal-għotjiet allokati.”
10. L-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (7), intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi:
“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”
B. Id-dritt Kroat
11. Iż-Zakon o porezu na dohodak (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti (8) (iktar ’il quddiem iż‑“ZPD”), tistipula, fl-Artikolu 6 tagħha, li l-bażi tat-taxxa fuq id-dħul għandha titnaqqas bit-tnaqqis personali.
12. L-Artikolu 10 taż-ZPD jelenka l-ammonti eżentati mit-taxxa fuq id-dħul. Fosthom hemm, b’mod partikolari:
– il-“boroż ta’ studju għall-istudenti għal tagħlim full-time fl‑istituzzjonijiet superjuri u fl-universitajiet, u għall-istudenti ta’ dottorat u ta’ postdottorat, li għalihom huma previsti fondi fil-baġit tal-Istat tar-Repubblika tal-Kroazja u l-boroż ta’ studju li jitħallsu, jiġifieri allokati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, li huma rregolati minn konvenzjonijiet internazzjonali speċifiċi u intiżi għal studenti għal edukazzjoni full-time fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla” (punt 13);
– il-“boroż ta’ studju għall-istudenti magħżula permezz ta’ kompetizzjonijiet pubbliċi, li fihom jistgħu jipparteċipaw l‑istudenti kollha taħt kundizzjonijiet ugwali, għal edukazzjoni full‑time fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, li jitħallsu, jiġifieri jiġu allokati minn fondazzjonijiet, stabbilimenti u istituzzjonijiet oħra rreġistrati fir-Repubblika tal-Kroazja għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ jew ta’ riċerka xjentifika, li l‑azzjoni tagħhom hija rregolata minn dispożizzjonijiet speċjali u li huma stabbilit bil-għan li jagħtu boroż ta’ studju” (punt 18), u
– l-ammonti “imħallsa bħala għotjiet minn fondi u Programmi tal‑Unjoni Ewropea permezz ta’ awtoritajiet akkreditati skont il‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Kroazja għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ mobbiltà fil-kuntest tal‑Programmi u fondi tal-Unjoni Ewropea għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ professjonali, skont ir-Regolament Finanzjarju tal‑Kummissjoni Ewropea, fil-limitu tal-ammonti preskritti” (punt 20).
13. L-Artikolu 36 taż-ZPD jipprevedi:
“(1) L-ammont totali ta’ dħul irċevut mir-residenti, skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, jitnaqqas għat-tnaqqis personali bażiku sa 2 200 kuna [Kroati (HRK) (madwar EUR 292)] għal kull xahar tas-sena fiskali li għaliha ġiet stabbilita t-taxxa. [...]
(2) Ir-residenti jistgħu jżidu t-tnaqqis personali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu bl-ammonti segwenti:
[...]
2. għall-ulied dipendenti: 0.5 tat-tnaqqis personali bażiku għall-ewwel wild, 0.7 għat-tieni, 1.0 għat-tielet, 1.4 għar-raba’, 1.9 għall-ħames u, għal kull wild addizzjonali, il-fattur tat-tnaqqis personali bażiku jiżdied b’mod progressiv b’0.6, 0.7, 0.8, 0.9, 1.0 [...] iktar meta mqabbel mal-fattur tat-tnaqqis personali bażiku għall-wild preċedenti [...]
[…]
(4) Huma meqjusa bħala membri tal-familja nukleari dipendenti u bħala wlied dipendenti tal-persuni fiżiċi li d-dħul taxxabbli tagħhom, id-dħul mhux intaxxat u r-remunerazzjoni l-oħra li ma humiex meqjusa bħala dħul fis‑sens ta’ din il-liġi, ma jaqbżux l-ammont li huwa ugwali għal ħames darbiet it-tnaqqis personali bażiku msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fuq bażi annwali.
(5) B’deroga mill-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, sabiex jiġi stabbilit id-dritt ta’ tnaqqis bażiku għall-membri tal-familja nukleari dipendenti u għall-ulied dipendenti, ma jiġux meqjusa l-ammonti skont ir-regoli speċjali tal‑għajnuna soċjali, tal-allowance għall-edukazzjoni, tal-għajnuna għat‑trabi tat-twelid, jew tal-allowance għall-provvisti ta’ tarbija tat-twelid u tal-pensjonijiet ta’ familja wara l-mewt ta’ ġenitur. [...]”
14. L-Artikolu 54 taż-ZPD jipprevedi, għal ċerti persuni taxxabbli residenti f’reġjuni megħjuna u fil-belt ta’ Vukovar (il-Kroazja), bħar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, ammont ogħla tat-tnaqqis personali bażiku u, għalhekk, tnaqqis iktar sinjifikattiv għall-ulied dipendenti, bl‑applikazzjoni tal-fatturi stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 36(2) taż‑ZPD. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan l-ammont jitla’ għal HRK 3 000 (madwar EUR 398) fi żmien il-fatti u għal HRK 2 700 (madwar EUR 358) qabel.
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
15. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina Kroata, għandha l-parti l-kbira tad-dħul tagħha minn impjieg bi ħlas. Hija tħallas it-taxxa fuq id‑dħul u taxxa addizzjonali fuq id-dħul bħala dħul ta’ taxxa speċjali ta’ awtorità lokali. Minħabba l-post tad-domiċilju tagħha, hija tibbenefika minn benefiċċji fiskali previsti miż-ZPD.
16. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-perijodi taxxabbli għas-snin qabel l‑2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikat, skont il-punt 2 tal-Artikolu 36(2) u l-punt 2 tal-Artikolu 54(1) taż-ZPD, mid-dritt għaż-żieda fit-tnaqqis bażiku (parti mhux taxxabbli tal‑ammonti annwali rċevuti) għal wild dipendenti li kien, matul il‑perijodu rilevanti, student full-time fil-Finlandja bħala parti minn kors universitarju.
17. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2015, il-Porezna uprava Ministarstva financija Republike Hrvatske (l-Amministrazzjoni Fiskali tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja) informat lir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn naħa, dwar l-eżistenza ta’ differenza fl-ammonti ta’ taxxa fuq id-dħul u ta’ taxxa addizzjonali minħabba l-fatt li t-tnaqqis bażiku għall-wild tagħha, membru tal-familja dipendenti, kien tħassar għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 Diċembru 2014 u, min-naħa l-oħra, bl-ammont li kellha tħallas f’dan ir‑rigward.
18. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra dan l-avviż ta’ taxxa quddiem is-Samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak Ministarstva financija Republike Hrvatske (il-Ministeru għall‑Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja, id-Dipartiment Awtonomu tal-Proċedura Amministrattiva tat-Tieni Livell).
19. Fl-opinjoni tagħha, huwa żbaljat li d-dritt għaż-żieda fit-tnaqqis bażiku relatat mat-taxxa fuq id-dħul għas-sena 2014 ma ngħatax għall‑wild dipendenti tagħha. F’dan ir-rigward, hija tindika li dan il-wild irċieva l-għajnuna għall-mobbiltà tal-università Finlandiża Y għas-sena universitarja 2014/2015, fi ħdan il-Programm Erasmus +, minħabba s-soġġorn ta’ studju universitarju f’dan l-Istat Membru. Hija tispjega li mill-avviż ta’ taxxa inkwistjoni jirriżulta li din l-għajnuna għall-mobbiltà taqbeż il-livell applikabbli ta’ HRK 11 000 (madwar EUR 1 460), previst fl-Artikolu 36(4) u (5) taż-ZPD, sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-dritt għaż-żieda fit-tnaqqis bażiku, bħala miżura ta’ politika soċjali, relatata mat-taxxa fuq id-dħul għall-membru tal-familja dipendenti skont l‑Artikolu 36(1) u (4) taż-ZPD (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet kontenzjużi”). Barra minn hekk, hija ssostni li l‑imsemmija għajnuna għall-mobbiltà għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna soċjali” u, konsegwentement, ma tistax tiġi kkunsidrata għall‑kalkolu tad-dritt għal din iż-żieda, skont l-Artikolu 36(5) taż-ZPD.
20. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2019, id-Dipartiment Awtonomu tal-Proċedura Amministrattiva tat-Tieni Livell tal-Ministeru għall-Finanzi ċaħad l-ilment tagħha bħala infondat.
21. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra dik id‑deċiżjoni quddiem l-Upravni sud Osijek (il-Qorti Amministrattiva ta’ Osijek, il-Kroazja), u din ċaħdet ir-rikors bħala infondat fit‑30 ta’ Jannar 2020.
22. L-appell imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra dik id‑deċiżjoni ġie wkoll miċħud mill-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, il-Kroazja) fl‑20 ta’ Jannar 2021.
23. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kostituzzjonali b’mod partikolari kontra dik id-deċiżjoni quddiem l-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali). Insostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka, b’mod partikolari, ilment ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu previst fl-Artikolu 141.c tal-Kostituzzjoni li jiġu protetti d-drittijiet suġġettivi li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni. Fil‑fatt, hija tiddikjara li ġiet iddiskriminata, abbażi tal‑Artikolu 18 TFUE, u żvantaġġata, abbażi tal-Artikolu 20(2)(a) u tal‑Artikolu 21(1) TFUE, minħabba li l-wild tagħha eżerċita d-dritt ta’ moviment u d-dritt ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor għal finijiet ta’ edukazzjoni.
24. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-assenza ta’ ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tagħti risposta għall-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet jew in-natura sproporzjonata tal-miżuri fiskali marbuta mal-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan il-Programm Erasmus +, id-dritt tal-Unjoni huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, b’mod iktar preċiż, jekk il-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni hijiex kompatibbli mal‑Artikoli 18, 20, 21 TFUE u mal-Artikolu 165(2) TFUE kif ukoll mal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004.
25. Billi qieset li l-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2023, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2023, iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ġenitur jitlef id-dritt għal żieda fit-tnaqqis annwali bażiku fit‑taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ wild dipendenti għar-raġuni li dan il-wild, bħala student dipendenti li eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal‑edukazzjoni tiegħu, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw miżuri previsti fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament [Erasmus +] intiżi li jintlaħaq l-għan ta’ mobbiltà ta’ student minn Stat Membru b’livell ta’ għoli tal-ħajja baxx jew medju lejn Stat Membru b’livell ta’ għoli tal-ħajja ogħla, skont il-kriterji ddeterminati mill-Kummissjoni Ewropea fis-sens tal‑Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, irċieva għajnuna għall‑mobbiltà tal-istudenti li l-ammont tagħha kien ogħla minn limitu fiss iddeterminat minn qabel?
2) L-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 883/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ġenitur jitlef id-dritt għal żieda fit-tnaqqis annwali bażiku fit-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ student dipendenti li, matul is-soġġorn tiegħu fi Stat Membru għall-finijiet tal‑edukazzjoni tiegħu, irċieva għajnuna għall-mobbiltà tal‑istudenti fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament [Erasmus +]?”
26. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Kroat kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li ma żżomx seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża.
IV. Analiżi
27. Fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, ċittadin Kroat, student full‑time, ibbenefika minn għajnuna għall-mobbiltà ta’ università Finlandiża għal soġġorn ta’ studji universitarji ta’ ħames xhur fil‑Finlandja matul is-sena universitarja 2014/2015 fi ħdan il-Programm Erasmus +. L-għoti ta’ din l-għajnuna kellu konsegwenzi fuq il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul ta’ ommu, jiġifieri l-qabża tal-limitu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li, jekk jinqabeż, l-omm, li hija impjegata b’salarju fil‑Kroazja, titlef, bħala persuna taxxabbli, id-dritt tagħha għaż-żieda fit‑tnaqqis bażiku għal wild dipendenti, bħala miżura ta’ politika soċjali. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sa fejn it-tnaqqis previst mill‑imsemmija leġiżlazzjoni kien tħassar għall-perijodu inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tħallas differenza, fir-rigward tal-ammonti ta’ taxxa fuq id-dħul u taxxa addizzjonali, ta’ madwar HRK 4 500 (madwar EUR 597).
28. It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża, essenzjalment, sabiex tingħata risposta dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-għajnuna għall-mobbiltà taħt il-Programm Erasmus + li minnha ibbenefika wild dipendenti ta’ persuna taxxabbli tiġi kkunsidrata, biex b’hekk twassal għal konsegwenzi żvantaġġużi meta jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis bażiku li għalih il‑ġenitur bħala persuna taxxabbli għandu dritt fil-kalkolu tat-taxxa fuq id‑dħul tiegħu.
29. Qabel ma neżamina d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li titwarrab l-oġġezzjoni mqajma mill-Gvern Kroat dwar l-ammissibbiltà tad-domandi.
A. Fuq l‑ammissibbiltà
30. Il-Gvern Kroat iqis li d-domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli għaliex is-sitwazzjoni fiskali tar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali u, b’mod partikolari, il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tagħha u d-dritt tagħha għal tnaqqis fiskali bażiku huma rregolati mid‑dritt nazzjonali. Fil-fatt, skont dan il-Gvern, is-sempliċi parteċipazzjoni fil-Programm Erasmus + ma għandhiex titqies bħala li tirrigwarda l-persuni kollha li għandhom rabta ma’ student li jipparteċipa f’dan il-programm. Barra minn hekk, dan il-Gvern isostni li, f’dan il-każ, hija sitwazzjoni purament interna minħabba n-nazzjonalità tar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, minħabba l-fatt li hija taħdem u għandha d-dħul fil-Kroazja, kif ukoll minħabba l-fatt li hija stess la użat il-libertà ta’ moviment u lanqas ibbenefikat mill-għajnuna għall-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan l-imsemmi programm.
31. Fl-opinjoni tiegħi, tali argumenti ma għandhomx jintlaqgħu.
32. Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali, li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata iktar ’il quddiem, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-aspetti partikolari ta’ din it-tilwima, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’qagħda li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk ikun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (9).
33. Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tesponi bi preċiżjoni r-raġunijiet li wassluha tqis li interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha u li d-domandi preliminari jista’ jkollhom effett fuq id-deċiżjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dik il-qorti tispjega li, fid-dawl tal-għan tar-rikors li bih hija adita u fl-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tagħti risposta għall-ilmenti bbażati fuq ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet jew tan-natura sproporzjonata tal-miżuri fiskali marbuta mal-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan il-Programm Erasmus +, sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, hija obbligata, b’mod partikolari, li tistabbilixxi jekk l-atti individwali li huma s-suġġett tar-rikors li bih hija adita jiksrux l-Artikoli 18, 20, 21 TFUE u l-Artikolu 165(2) TFUE.
34. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li l-kawża prinċipali għandha tkun meqjusa bħala “purament interna” fir-rigward tal‑Artikoli 18, 20 u 21 TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tal-atti għall-implimentazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta’ rabta ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u fejn l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma ristretti għal Stat Membru wieħed. Min-naħa l-oħra, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, kull ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post tar-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li jkun eżerċita d-dritt tal-moviment liberu fi Stat Membru ieħor, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (10).
35. F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-ispjegazzjonijiet neċessarji sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata r-rabta tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif diġà spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni (11), b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (12) u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
36. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Kroat, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ma għamilx użu mid-dritt ta’ moviment liberu ma għandhiex, minħabba dan il-fatt biss, tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma eżerċitatx personalment dan id-dritt u ma bbenefikatx personalment mill-għajnuna għall-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan il-Programm Erasmus +, madankollu huwa stabbilit li, minn naħa, il-wild dipendenti tagħha eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu (13) u, min-naħa l-oħra, li, kif spjegat il-qorti tar-rinviju, it-trattament fiskali żvantaġġat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li, f’dan il-każ, hija l-ġenitur bħala persuna taxxabbli, huwa mingħajr dubju marbut mal‑għajnuna għall-mobbiltà li minnu l-wild dipendenti tagħha bbenefika fi ħdan dan il-programm.
37. Għalhekk, inqis li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.
B. Fuq il‑mertu
1. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
38. Qabelxejn, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 21 TFUE jinkludi mhux biss id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, iżda wkoll projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità. Konsegwentement, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni biss (14), fid-dawl tal-Artikolu 165 TFUE.
39. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis bażiku li huwa għalih ġenitur taxxabbli għandu dritt għal wild dipendenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni li minnha l-wild ibbenefika taħt il-Programm Erasmus +, bil-konsegwenza li jintilef id-dritt għal żieda ta’ dan it-tnaqqis fil-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul.
40. Il-Gvern Kroat iqis li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi la jikkostitwixxu diskriminazzjoni (diretta jew indiretta) kontra l-persuni kkonċernati u lanqas ostakolu għal-libertà tagħhom ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni previst fl-Artikolu 21 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 165 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE, peress li, f’dan il-każ, it-trattament fiskali żvantaġġat tad-dħul tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġej direttament mill-fatt li l-wild tagħha eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu.
41. Din il-kawża tinsab għalhekk f’salib it-toroq bejn il-qasam ta’ fiskalità diretta u l-qasam tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Sabiex tiġi proposta risposta utli lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari, u fid-dawl tal-għanijiet tal-Programm Erasmus +, ser nanalizza fil-qosor, fl-ewwel lok, in-natura speċifika tal-għajnuna għall-mobbiltà fi ħdan dan il-programm (Taqsim (a)) u, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u/jew restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni (Taqsima (b)).
a) Fuq in‑natura speċifika tal‑għajnuna għall‑mobbiltà fi ħdan il‑Programm Erasmus +
42. Sabiex nifhmu aħjar in-natura speċifika tal-għajnuna għall-mobbiltà tal-Programm Erasmus +, ser insemmi fil-qosor il-ġenesi ta’ dan il-programm. Peress li l-iżvilupp legali tal-imsemmi programm huwa marbut mill-qrib mal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, illum stabbilita fl-Artikoli 165 u 166 TFUE, fl-argumenti segwenti ser neżamina l-iżvilupp parallel tagħhom.
1) Il‑ġenesi tal‑azzjoni tal‑Unjoni fil‑qasam tal‑edukazzjoni u tal‑Programm Erasmus +
43. Qabelxejn nirrileva li, għalkemm it-Trattat ta’ Ruma tal‑1957 kien diġà fih, fil-bidu, il-perspettiva ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, kien biss fis-sena 1963 li l-Kunsill adotta deċiżjoni dwar il-politika komuni għat-taħriġ professjonali (li kien l-Artikolu 128 tat-Trattat KEE) (15), sabiex b’hekk inbdiet riflessjoni fuq ir-rabta bejn it-taħriġ professjonali u l-edukazzjoni ġenerali (16). Minn dak il-mument, kellhom jittieħdu diversi passi sabiex l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu fiċ-ċentru tal-kooperazzjoni Ewropea, sabiex b’hekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jistabbilixxu programmi ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni.
44. B’mod partikolari, għandu jitfakkar il-perijodu bejn l‑1985 u l‑1992, li matulu nħolqu, b’mod partikolari, il-Programmi Comett (kooperazzjoni universitajiet-impriżi), Erasmus (mobbiltà ta’ studenti u kooperazzjoni universitarja) u Lingua (promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi barranin). B’mod parallel, matul dan il-perijodu, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni ġiet stabbilita fit-Trattat KE (17). Fil-fatt, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht tal‑1992, it-terminu “edukazzjoni” deher għall-ewwel darba fit-Trattat KE (18), li rrikonoxxa b’hekk l-importanza, fis-sistema Ewropea, tar-rwol komplementari tal-Unjoni fil-promozzjoni ta’ sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, filwaqt li stabbilixxa l-limiti tar-rwol tal-Unjoni u tal-għanijiet prinċipali tal-azzjoni tagħha, fil-kuntest tad-dikjarazzjoni espliċita tar-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri għas-sistemi edukattivi tagħhom, sabiex b’hekk jiġi osservat b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni tal-qasam tal-edukazzjoni fid-dritt primarju offriet bażi legali ċara li ttemm id-dibattiti u l-kontroversji legali dwar dan is-suġġett (19). Fl-aħħar nett, l‑Artikolu 165 TFUE, li ddaħħal fit-Trattati permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, ikkonkretizza dan l-iżvilupp leġiżlattiv u ġurisprudenzjali (20).
45. Il-Programm Erasmus inħoloq fl‑1987, wara iktar minn ħmistax‑il sena ta’ diskussjonijiet, bil-għan li jippromwovi skambji ta’ studenti esklużivament bejn l-universitajiet ta’ Stati Membri differenti (21). Dan il-programm b’hekk fetaħ it-triq lejn l-Ewropa tal-edukazzjoni bħala parti inseparabbli mill-Ewropa taċ-ċittadini (22). Matul l-ewwel sena tal-eżistenza tiegħu, 3 200 student minn universitajiet ta’ ħdax‑il Stat Membru pparteċipaw fih (23). Minn dakinhar, is-suċċess kbir tal‑Programm Erasmus huwa muri b’mod ċar biż-żieda kostanti tan-numru ta’ parteċipanti. Fl‑2017, 9 miljun persuna ibbenefikat minn dan il-programm u, fl‑2024, iktar minn 15‑il miljun persuna, fosthom, b’mod partikolari, studenti universitarji, iżda wkoll studenti ta’ skejjel sekondarji u postsekondarji, apprendisti, għalliema u ħarrieġa jew gradwati żgħażagħ, li pparteċipaw f’firxa wiesgħa ta’ proġetti ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ mobbiltà taż-żgħażagħ.
46. Mill-iżvilupp tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ kif ukoll mill-iżvilupp tal-Programm Erasmus, illum imsejjaħ “Programm Erasmus +”, jirriżulta li l-għanijiet ta’ dan tal-aħħar huma llum stabbiliti fl-Artikolu 165 TFUE (24).
2) L‑għan komuni tal‑azzjoni tal‑Unjoni fil‑qasam tal‑edukazzjoni u tar‑Regolament Erasmus + : il‑promozzjoni tal‑mobbiltà tal‑istudenti
47. Ir-Regolament Erasmus +, applikabbli f’din il-kawża, ġie adottat abbażi tal-Artikolu 165(4) u tal-Artikolu 166(4) TFUE. L‑Artikolu 165(1) TFUE jistipula li l-għan ġenerali tal-Unjoni huwa li tikkontribwixxi “għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta; tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom”. It-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE jispjega sussegwentement dak li l-azzjoni tal-Unjoni tkopri speċifikament, jiġifieri, b’mod partikolari, “l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema” (25).
48. L-azzjoni tal-Unjoni hija wkoll stabbilita fl-Artikolu 6(1)(a) tar‑Regolament Erasmus +, li jistipula li, fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, il-Programm Erasmus + isegwi l-għanijiet tiegħu permezz ta’ sensiela ta’ azzjonijiet, fosthom “il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi” (26). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jistipula li din l-azzjoni hija intiża sabiex issostni b’mod partikolari “il-mobbiltà tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja fiċ-ċikli kollha”.
3) In‑natura speċifika tal‑boroż ta’ studju Erasmus +
49. Infakkar qabelxejn li, minn meta nħoloq il-Programm Erasmus, il-prinċipju ta’ komplementarjetà bejn il-finanzjament tal-Unjoni u dak tal-Istati Membri dejjem kien ikkunsidrat bħala fattur essenzjali tal-iżvilupp ta’ dan il-programm. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-finanzjament tal-mobbiltà tal-istudenti, minħabba n-natura komplementari tal-boroż ta’ studju Erasmus +, li għandhom bħala għan li jkopru biss l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-mobbiltà (27).
50. Minn qari tal-premessa 40 tar-Regolament Erasmus + jirriżulta għalhekk li, sabiex jittejjeb l-aċċess għall-Programm, il-boroż ta’ studju intiżi sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-persuni fiżiċi kellhom jiġu aġġustati skont l-ispejjeż ta’ għajxien u ta’ sussistenza tal-pajjiż ospitanti. Din il-premessa kienet tiddikjara wkoll b’mod partikolari, li f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri kellhom ukoll jitħeġġu jeżentaw lil dawn il-boroż ta’ studju minn kwalunkwe taxxa u imposta soċjali.
51. F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-baġit tal-Programm Erasmus +, l-Artikolu 18 tar-Regolament Erasmus + kien jistipula li l-fondi għall-mobbiltà tal-individwi għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ, deskritt fl-Artikolu 6(1)(a) u fil-punt a tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, li huma amministrati minn aġenzija nazzjonali waħda jew iktar, kienu allokati “fuq il-bażi tal-popolazzjoni u l-għoli tal-ħajja fl‑Istat Membru, id-distanza bejn il-kapitali tal-Istati Membri u l-prestazzjoni” (28).
52. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, sa fejn il-Programm Erasmus + għandu bħala għan ġenerali u speċifiku li jippromwovi l-mobbiltà ta’ persuni għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ, il-boroż ta’ studju Erasmus + għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-ispejjeż addizzjonali li ma kinux iseħħu fl-assenza ta’ mobbiltà (29).
53. Dan huwa għalhekk il-kuntest progressiv u regolamentari li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-kwistjoni ġuridika mqajma mill-qorti tar-rinviju.
b) Fuq l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni fondata fuq in‑nazzjonalità jew ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu taċ‑ċittadini tal‑Unjoni
54. Peress li l-qorti tar-rinviju stess għandha dubji dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, ser nibda billi neżamina dan il-punt.
1) Fuq l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni
55. Fir-rigward tal-qasam tal-fiskalità diretta, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, barra mill-oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, id-determinazzjoni tal-karatteristiċi kostituttivi ta’ kull taxxa taqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri, fl-osservanza tal-awtonomija fiskali tagħhom, peress li din is-setgħa għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għall-għażla tar-rata tat-taxxa, li tista’ tkun proporzjonali jew progressiva, iżda wkoll għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tagħha u tal-fatt taxxabbli tagħha (30).
56. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw din is-setgħa b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jirrigwarda kemm il-miżuri li permezz tagħhom tintuża din is-setgħa kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom. Addizzjonalment, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (31). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ma tistax neċessarjament tkun evalwata biss fil-kuntest ta’ sistema fiskali waħda u identika (32). Hemm ukoll lok li jitfakkar li r-regoli ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni manifesta bbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma oħra moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, bħall-kriterju tar-residenza, fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat (33).
57. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li huwa diffiċli li jiġi identifikat grupp ta’ riferiment li miegħu s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tiġi pparagunata sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx, f’dan il-każ, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
58. B’mod partikolari, dik il-qorti tqis li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tista’ toħloq, f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-ġenituri għall-manteniment tal-ulied dipendenti tagħhom, differenza ta’ trattament bejn, minn naħa, il-ġenituri taxxabbli li l-wild dipendenti tagħhom eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu fi ħdan il-Programm Erasmus + sabiex imur fi Stat Membru fejn l-għoli tal-ħajja huwa simili jew ogħla, kif huwa l-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, il-ġenituri taxxabbli li l-wild dipendenti tagħhom eżerċita dan id-dritt fil-kuntest tal-istess programm sabiex imur fi Stat Membru fejn l-għoli tal-ħajja huwa simili jew inqas, kif ukoll dawk li l-wild dipendenti tagħhom ma eżerċitax l-imsemmi dritt sabiex isegwi l-istudji universitarji tiegħu, peress li dawn tal-aħħar ma jkollhom l-ebda spejjeż relatati mal-mobbiltà.
59. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika hija stess li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet tar-Regolament Erasmus +, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hija komparabbli la, b’mod ġenerali, ma’ dik tal-persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul li wliedhom ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, u lanqas ma’ dik ta’ tali persuni suġġetti għat-taxxa li wliedhom kisbu għajnuna għall-mobbiltà fil-kuntest tal-Programm Erasmus + għal soġġorn ta’ studji universitarji fl-Istati Membri li għandhom għoli tal-ħajja simili jew inqas.
60. Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tidher li tqis li s-sitwazzjoni tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik ta’ persuni oħra suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul u li, għalhekk, hija ma għandhiex tingħata l-istess trattament fiskali.
61. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, mill-perspettiva tal-għanijiet tal-Programm Erasmus + u tan-natura speċifika tal-boroż ta’ studju miksuba bis-saħħa ta’ dan il-programm (34), is-sitwazzjonijiet ta’ dawn il-kategoriji ta’ ġenituri taxxabbli ma humiex komparabbli (35). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura speċifika tal-boroż ta’ studju Erasmus +, dawn huma sitwazzjonijiet differenti li ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, u dan jimplika li l-għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + ma għandhiex tiġi kkunsidrata waqt il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tal-ġenitur li jħallas it-taxxa, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
62. Fi kwalunkwe każ, jiena konvint li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-istudenti, u dan għar-raġunijiet segwenti.
2) Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu
63. Infakkar li, bħala ċittadina Kroata, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tgawdi, skont l-Artikolu 20(1) TFUE, mill-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni, li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi, huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (36). Konsegwentement, hija tista’ tirrikorri, inkluż, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, għad-drittijiet marbuta ma’ tali status, b’mod partikolari d-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħtija bl-Artikolu 21 TFUE (37).
64. Nirrileva wkoll li hija ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba l-fatt biss li eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (38). Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-Trattat ma jiggarantixxix lil ċittadin tal-Unjoni li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment huwa newtrali fir-rigward ta’ tassazzjoni. F’dan ir-rigward, hija spjegat li, minn naħa, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar dan is-suġġett, tali eżerċizzju jista’, skont il-każijiet, ikun iktar jew inqas vantaġġuż jew żvantaġġuż. Min-naħa l-oħra, l-istess prinċipju japplika a fortiori għal sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ma eżerċitatx hija stess id-dritt tagħha ta’ moviment, iżda ssostni li kienet vittma ta’ trattament żvantaġġat wara l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ta’ membru tal-familja tagħha (39).
65. Madankollu, nosserva, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu tal-wild dipendenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fi ħdan il-Programm Erasmus + kellu impatt definittiv fuq id-dritt tagħha għal tnaqqis fiskali (40).
66. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-faċilitajiet offruti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru seta’ jkun skoraġġut milli jagħmel użu minnhom, minħabba ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu tippenalizzah għas-sempliċi fatt li huwa eżerċita dawn il-faċilitajiet (41). Ma għandux jintesa, kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam tal-edukazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Artikolu 6(e) TFUE u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema (42). Fil-fatt, minkejja li l-Istati Membri għandhom il-kompetenza, bis-saħħa tal-Artikolu 165(1) TFUE, f’dak li jikkonċerna l-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi rispettivi tagħhom, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (43).
67. F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li l-għan komuni assenjat lill-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, skont l‑Artikolu 165(2) TFUE u tar-Regolament Erasmus +, huwa l‑promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema (44). Fir-rigward ta’ dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jaqa’ taħt l-interess ġenerali u jagħmel parti mill-azzjonijiet li l-Artikolu 165 TFUE assenja lill-Unjoni fil-kuntest tal-politika ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ professjonali, taż-żgħażagħ u tal-isport, u li l-mobbiltà fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tagħmel parti integrali mill-moviment liberu tal-persuni u tikkostitwixxi waħda mill-għanijiet prinċipali tal-azzjoni tal-Unjoni (45).
68. F’dan il-każ, anki jekk l-għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + ma hijiex, bħala tali, suġġetta għat-taxxa fil-Kroazja, huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-wild dipendenti tagħha bbenefika minn għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + u, għalhekk, eżerċita d-dritt għall-moviment liberu u ta’ residenza libertà fil-Finlandja, ġiet ippenalizzata mid-dispożizzjonijiet kontenzjużi. Fil-fatt, il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + li minnha bbenefika l-wild dipendenti wassal għat-telf tad-dritt tagħha għal żieda fit-tnaqqis bażiku.
69. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju u kif korrettament tirrileva l-Kummissjoni, l-effett dissważiv jirriżulta b’mod partikolarment ċar mir-rapport tal-medjatriċi tar-Repubblika tal-Kroazja għas-sena 2017 (46). Fil-fatt, skont dan ir-rapport, l-universitajiet Kroati ddikjaraw li ħafna studenti interessati fil-Programm Erasmus + irrinunzjaw għalih wara li ġew informati dwar il-fatt li, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill‑Ministeru għall-Finanzi Kroat, meta jirċievu l-għajnuna Erasmus + għall-mobbiltà, il-ġenituri tagħhom ġew preklużi mid-dritt għaż-żieda fit-tnaqqis bażiku għal kull student dipendenti. Dik il-qorti żżid li, wara r-rakkomandazzjoni tal-medjatriċi, iż-ZPD ġiet emendata fl‑2018 (47).
70. Jiena għalhekk tal-opinjoni li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma ta’ natura li jiskoraġġixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni, bħall-istudenti universitarji, milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru għal finijiet ta’ edukazzjoni minħabba l-effett li l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jista’ jkollu fuq id-dritt għal tnaqqis tal-ġenituri taxxabbli tagħhom.
3) Fuq il‑ġustifikazzjoni
71. Infakkar li restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tista’ tkun iġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jekk din tkun proporzjonali mal-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali għandu jilħaq. Miżura tkun proporzjonali meta, filwaqt li tkun adatta għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, hija ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dak l-għan jitwettaq (48).
72. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-identifikazzjoni ta’ kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali, il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jsegwu, skont il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ ġustizzja tas-sistema fiskali u ta’ ġestjoni tajba tar-riżorsi pubbliċi limitati, għan leġittimu intiż sabiex jikkoreġi, fir-rigward ta’ dħul medju u ta’ spejjeż medji, l-inugwaljanzi soċjali u materjali bejn il-persuni taxxabbli li għandhom ulied dipendenti u dawk li ma jsostnux spejjeż relatati mal-manteniment tat-tfal (49).
73. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi għalhekk għandhom bħala effett leġittimu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tal-ġenituri taxxabbli għat-taxxa fuq id-dħul (50). Madankollu, sa fejn huwa stabbilit li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment ta’ studenti universitarji fi ħdan l-Unjoni, din ir-restrizzjoni ma tistax tkun iġġustifikata b’mod validu ħlief jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
74. F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-proporzjonalità, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni li għandha n-natura li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, tista’ tiġi leġittimament ġustifikata biss jekk din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex (51), li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
75. Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura adattata tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex adattati sabiex jiżguraw, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
76. Jidhirli li r-risposta f’dan ir-rigward hija fin-negattiv.
77. Mill-analiżi tiegħi tan-natura speċifika tal-għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + jirriżulta li, sa fejn il-Programm Erasmus + għandu l-għan li jippromwovi l-mobbiltà tal-istudenti għal finijiet ta’ edukazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tagħlim universitarju, din l-għajnuna tikkontribwixxi biss għall-ispejjeż addizzjonali li ma kinux jiġu sostnuti fl-assenza ta’ mobbiltà u, konsegwentement, meta jingħataw ma jwasslux għal tnaqqis mill-ispejjeż tal-ġenituri taxxabbli fil-kuntest tal-obbligu tagħhom ta’ manteniment (tal-ulied dipendenti) (52).
78. Konsegwentement, kif tirrileva hija stess il-qorti tar-rinviju, billi jipprevedu limitu għall-benefiċċju tad-dritt għal żieda fit-tnaqqis bażiku mingħajr ma jiġu kkunsidrati differenzi bejn il-kategoriji differenti ta’ ġenituri taxxabbli, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jiksru l-għan leġittimu tal-Artikolu 36(2) taż-ZPD, li bis-saħħa tiegħu huwa rrikonoxxut dritt għat-tnaqqis bażiku għal wild dipendenti sabiex jiġu mtaffa l-inugwaljanzi soċjali u materjali bejn il-persuni taxxabbli.
79. F’dan ir-rigward, għandi dubji dwar il-koerenza tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi sa fejn, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Gvern Kroat irrileva, sabiex jimmotiva l-emenda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-fatt li s-soluzzjoni leġiżlattiva preċedenti, jiġifieri dik li hija applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kellha l-effett li ż-żgħażagħ, prinċipalment minn żoni żvantaġġati, kienu jirrinunzjaw milli jipparteċipaw fil-Programm Erasmus +. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li din l-emenda eskludiet l-ammonti tal-boroż ta’ studju Erasmus + mill-kategorija tal-ammonti li ġew ikkunsidrati waqt il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tal-ġenituri taxxabbli u li abbażi tiegħu l-amministrazzjoni fiskali setgħet tirrifjuta lil dawn tal-aħħar id-dritt għal tali tnaqqis (53).
80. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi ma humiex adattati sabiex jilħqu l-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tal-ġenituri li jħallsu t-taxxa fuq id-dħul.
81. Fir-rigward, it-tieni nett, tan-neċessità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi sabiex jintlaħaq dan il-għan, mill-evidenza tal-emenda leġiżlattiva inkwistjoni jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq. B’mod partikolari, dan juri li kien possibbli li l-leġiżlatur Kroat jimplimenta miżuri inqas restrittivi, billi jieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-għajnuna għall-mobbiltà u tal-għan tal-Programm Erasmus +, u konsegwentement mingħajr ma jiżvantaġġa b’mod inġustifikat lill-ġenituri taxxabbli ta’ studenti li bbenefikaw minn għajnuna għall-mobbiltà fil-kuntest tal-Programm Erasmus + u, għalhekk, li użaw il-libertà ta’ moviment billi jmorru jistudjaw f’università fi Stat Membru ieħor.
2. Fuq it-tieni domanda preliminari
82. Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi mal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004. Il-Gvern Kroat u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.
83. Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004 jistipula li dan għandu japplika għal-“leġislazzjoni kollha li tikkonċerna […] l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali: benefiċċji marbuta mal-familja”. B’hekk, sabiex ikun magħruf jekk benefiċċju partikolari jaqax taħt il-benefiċċji marbuta mal-familja msemmija f’din id-dispożizzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat, skont l-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, li t-termini “benefiċċju marbut mal-familja” ifissru “il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I” (korsiv miżjud minni).
84. Fir-rigward tad-dritt għal tnaqqis fiskali għall-wild dipendenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li mill-kuntest ġuridiku jirriżulta li tali tnaqqis ma huwiex benefiċċju fi flus intiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż tal-familja, iżda iktar vantaġġ fiskali li jnaqqas, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul (54).
85. Għalhekk, sa fejn id-dritt għal tnaqqis fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
V. Konklużjoni
86. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja) bil-mod segwenti:
L-Artikolu 21 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni inċiż tal‑Artikolu 165(2) TFUE,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis bażiku li għalih ġenitur taxxabbli għandu dritt għal wild dipendenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni li minnha l-wild ibbenefika taħt il-Programm Erasmus +, bil-konsegwenza li jintilef id-dritt għaż-żieda ta’ dan it-tnaqqis fil-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul.