Rikors ippreżentat fil-1 ta' April 2011 - Chiboub vs Il-Kunsill

(Kawża T-188/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Mohamed Slim Ben Mohamed Hassen Ben Salah Chiboub (Abou Dabi, l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentant: G. Perrot, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, tal-31 ta' Jannar 2011, sa fejn tikkawża preġudizzju għal M. CHIBOUB;

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK, tal-4 ta' Frar 2011, meħuda abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, tal-31 ta' Jannar 2011, u sa fejn tikkawża preġudizzju għal M. CHIBOUB;

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011, tal-4 ta' Frar 2011, meħuda abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, tal-31 ta' Jannar 2011, u sa fejn tikkawża preġudizzju għal M. CHIBOUB;

konsegwentement, tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali u b'mod partikolari tad-drittijiet ta' difiża, sa fejn id-Deċiżjoni 2011/72/PESK timponi sanzjonijiet u toħloq preġudizzju kunsiderevoli għar-rikorrent mingħajr ma nstema' minn qabel u mingħajr lanqas biss setgħa jagħti l-perspettiva tiegħu b'mod utli.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta' preżunzjoni tal-innoċenza, peress li r-rikorrent tniżżel fil-lista kkontestata mingħajr ma nstema' minn qabel u mingħajr indikazjzoni tal-motivi ta' fatt u ta' liġi li ġġustifikaw din l-inklużjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li r-rikorrent ma setax jiġi akkużat bl-użu ħażin ta' fondi għall-finijiet ta' ħasil ta' flus, peress li dawn il-fondi ġew mill-FIFA li r-rikorrent tħallas minnha mill-2006 sal-2010 fil-kuntest ta' diversi kuntratti.

____________