Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2023 – Il-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-451/23)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)
Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
tannulla fl-intier tiegħu r-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 1
tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1. Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 192(2)(c) TFUE
Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu192(2)(c) TFUE peress li ma adottawx id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ta’ dak it-Trattat, li tirrikjedi l-unanimità fil-Kunsill, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata taffettwa b’mod sinifjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu.
2. Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, previst fl-Artikolu 194(1)(b)TFUE.
Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-Artikolu 194(1)(b) TFUE peress li għollew il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni għal 40 % kif ukoll il-miri individwali ta’ tnaqqis tal-Istati Membri, fatt li jhedded is-sigurtà tal-enerġija tal-Polonja, għaliex l-interessi partikolari tal-Istati Membri li jistgħu jiġu affettwati ma jiġux ikkunsidrati u mingħajr ma jiġu bbilanċjati l-interessi ta’ dawn tal-aħħar ma’ dawk tal-Unjoni.
3. Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 5(4) TUE
Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li żiedu l-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni għal 40 % kif ukoll il-miri ta’ tnaqqis tal-Istati Membri individwali fuq il-bażi ta’ analiżi żbaljata fl-evalwazzjoni tal-effetti, li ma kinitx kompluta, kien fiha żbalji u kienet ibbażata fuq data skaduta.
4. Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE
Skont il-Polonja, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali billi ddefinixxew, fir-Regolament 2023/857, miri ta’ tnaqqis fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni soċjali, ekonomika u politika li ma kinitx għadha attwali u billi injoraw il-kapaċitajiet reali tal-Istati Membri.
____________
1 ĠU 2023, L 111, p. 1.