Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

8 ta’ Lulju 2024 (*)

“Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Dritt istituzzjonali – Artikolu 263 TFUE – Rikors għal annullament – Applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija – Assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat – Assenza ta’ kisba tal-unanimità meħtieġa – Inammissibbiltà manifesta tar-rikors fl-ewwel istanza – Appell manifestament infondat”

Fil-Kawża C‑732/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-30 ta’ Novembru 2023,

Răzvan-Eugen Nicolescu, residenti f’Bukarest (ir-Rumanija),

Exclusive Car Trading SRL, stabbilita f’Băicoi (ir-Rumanija),

Asociația pentru Energie Curată și Combaterea Schimbărilor Climatice, stabbilita f’Bukarest,

irrappreżentati minn Y. Beşleagă, M. Bodea, D. S. Bogdan, C. Pintilie u V. Stoica, avocaţi,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħhom, Răzvan-Eugen Nicolescu, Exclusive Car Trading SRL u l-Asociația pentru Energie Curată și Combaterea Schimbărilor Climatice (l-Assoċjazzjoni għall-Enerġija Nadifa u t-Tibdil fil-Klima) jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Ottubru 2023, Nicolescu et vs Il-Kunsill (T‑272/23, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2023:694), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tagħhom ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u intiż għall-annullament tad-“deċiżjoni” tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar in-nuqqas ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija (iktar ’il quddiem l-“att kontenzjuż”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203, iktar ’il quddiem l-“Att tal-adeżjoni”), anness mat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 11), abbażi tal-Artikolu 2(2) ta’ dan it-Trattat, li ġie ffirmat fil-25 ta’ April 2005 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007:

“1.      Id-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea [...], u l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu, elenkati fl-Anness II, kif ukoll kull att ieħor bħal dan li jista’ jiġi adottat qabel id-data ta’ l-adeżjoni, għandhom jorbtu u jkunu applikabbli fil-Bulgarija u r-Rumanija mid-data ta’ l-adeżjoni.

2.      Dawk id-disposizzjonjiet tal-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea u l-atti li jibnu fuqu jew li b’xi mod ieħor huma relatati miegħu li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jorbtu lill-Bulgarija u lir-Rumanija mid-data ta’ l-adeżjoni, għandhom japplikaw biss f’dawk l-Istati skond deċiżjoni tal-Kunsill għal dak l-iskop wara verifika skond il-proċeduri Schengen applikabbli ta’ valutazzjoni li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha ta’ l-acquis konċernat ikunu ġew sodisfatti f’dak l-Istat.

Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, waqt li jaġixxi bl-unanimità tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li fir-rigward tagħhom id-disposizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu diġà ddaħħlu fis-seħħ u tar-rappreżentant tal-Gvern ta’ l-Istat Membru li fir-rigward tiegħu dawn id-disposizzjonijiet għandhom jiddaħħlu fis-seħħ. [...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 18 tad-digriet appellat u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

4        L-appellanti huma ċittadin ta’ nazzjonalità Rumena li huwa membru tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), kumpannija stabbilita fir-Rumanija attiva fis-settur tat-trasport internazzjonali u organizzazzjoni mhux governattiva Rumena intiża għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent.

5        Wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, fl-1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija, bejn is-sena 2009 u s-sena 2011, ħadet sensiela ta’ passi skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, bl-għan li tissodisfa l-kriterji meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen.

6        Il-Presidenza tal-Kunsill stabbilixxiet żewġ abbozzi ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija.

7        Permezz ta’ konklużjonijiet tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar it-tlestija tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-istat ta’ tħejjija tar-Rumanija biex timplimenta d-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen (9166/3/11 REV 3), il-formazzjoni “Evalwazzjoni ta’ Schengen” tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar “Materji Relatati ma’ Schengen” ikkonstatat it-tlestija tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen fir-rigward tar-Rumanija. Filwaqt li kkonstatat li l-kundizzjonijiet fl-oqsma kollha tal-acquis ta’ Schengen kienu ssodisfatti fir-Rumanija, hija kkonkludiet li l-Kunsill seta’ jieħu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni.

8        Iż-żewġ abbozzi ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija stabbiliti mill-Presidenza tal-Kunsill ġew segwiti mill-adozzjoni ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament li jesprimu l-appoġġ tiegħu għall-adeżjoni tar-Rumanija maż-żona Schengen u li jistiednu lill-Kunsill jieħu l-miżuri meħtieġa għal dan l-għan. Madankollu, dawn iż-żewġ abbozzi ma wasslux għal vot fil-Kunsill.

9        Fid-29 ta’ Novembru 2022, abbażi tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, il-Presidenza tal-Kunsill stabbilixxiet l-Abbozz Nru 15218/22 ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija.

10      Waqt il-laqgħa tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2022, il-formazzjoni tal-Kunsill “Ġustizzja u Affarijiet Interni” (ĠAI) iltaqgħet sabiex tiddeċiedi dwar l-Abbozz Nru 15218/22, inkluż fil-punt 3(a) tal-aġenda ta’ din il-laqgħa, li kien jipprevedi li seta’ jintalab vot fid-dawl ta’ adozzjoni eventwali mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. Peress li ma nkisibx l-unanimità tal-voti, dan l-abbozz ma ġiex adottat.

11      Fit-22 ta’ Marzu 2023, l-appellanti rċevew komunikazzjoni tal-minuti tal-imsemmija laqgħa u b’hekk saru jafu bl-assenza ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2023, l-appellanti ressqu, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għall-annullament tal-att kontenzjuż.

13      Fis-26 ta’ Ottubru 2023, il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u mingħajr ma kompliet il-proċedura, ċaħdet dan ir-rikors bħala manifestament inammissibbli.

14      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, qabelxejn, fil-punt 28 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni tal-Kunsill, imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, setgħet teżisti biss, minkejja t-tmiem tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, u għalhekk tipproduċi effetti legali vinkolanti għall-appellanti, kemm-il darba din tkun ġiet adottata b’unanimità taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

15      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, fil-punt 29 tad-digriet appellat, li, minkejja t-tlestija tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u l-adozzjoni ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament, l-unanimità meħtieġa mir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni ma kinitx inkisbet fi ħdan il-Kunsill waqt il-votazzjoni dwar l-Abbozz Nru 15218/22 u, min-naħa l-oħra, fil-punt 30 ta’ dan id-digriet, li l-Artikolu 4 ta’ dan l-att ta’ adeżjoni ma kien jistabbilixxi ebda terminu li fl-iskadenza tiegħu d-deċiżjoni tal-Kunsill kellha titqies jew kienet meqjusa li seħħet.

16      Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 31 tal-imsemmi digriet, li jkun f’kontradizzjoni mal-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, li jipprevedi espressament proċedura f’diversi stadji u mingħajr ma jistabbilixxi terminu għal dan l-għan, li wieħed jiddeduċi mit-tkomplija ta’ dawn l-istadji preliminari t-tneħħija tas-setgħa tal-Kunsill li jadotta, b’unanimità tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati, deċiżjoni, fis-sens tal-imsemmi artikolu, u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kunsill prevista fl-istess artikolu ma tistax titqies li hija att ta’ natura purament konfermattiva tal-fatt li l-“kriterji tekniċi” stabbiliti qabel fil-kuntest tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen kienu ssodisfatti.

17      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 32 tad-digriet appellat, li jibqa’ dejjem possibbli għall-Kunsill li jinkludi mill-ġdid l-Abbozz Nru 15218/22 fl-aġenda ta’ laqgħa ġdida jew għall-Presidenza tal-Kunsill li tistabbilixxi abbozz ġdid ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija.

18      B’hekk, fil-punt 33 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, peress li l-unanimità meħtieġa ma kinitx inkisbet waqt il-votazzjoni dwar l-Abbozz Nru 15218/22, ebda deċiżjoni tal-Kunsill ma kienet ittieħdet, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, u li l-votazzjoni li wasslet għall-assenza ta’ adozzjoni ta’ dan l-abbozz ma kinitx ekwivalenti, bħala tali, għal rifjut mill-Kunsill li jieħu sussegwentement tali deċiżjoni.

19      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 34 tal-imsemmi digriet, li l-att kontenzjuż ma jistax jitqies li huwa att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

 It-talbiet tal-appellanti u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20      Permezz tal-appell tagħhom, ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2023, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat.

 Fuq l-appell

21      Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

22      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

23      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn, fid-determinazzjoni tal-punt dwar jekk l-att kontenzjuż jipproduċix effetti legali, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll l-obbligu impost kemm fuq l-Unjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri li jaċċettaw l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen ladarba l-kundizzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni huma ssodisfatti, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn l-att kontenzjuż jikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u, it-tielet wieħed, imqajjem sussidjarjament, fuq żball ta’ liġi sa fejn l-assenza ta’ adozzjoni ta’ att tista’ tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens ta’ dan l-artikolu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

 Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

24      Permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-punt 28 tad-digriet appellat huwa vvizzjat bi żball peress li l-Qorti Ġenerali kellha tikklassifika l-att kontenzjuż bħala “att li jista’ jiġi kkontestat”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, id-dispożizzjonijiet jew miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li għandhom l-għan li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ persuna fiżika jew ġuridika, billi jimmodifikaw b’mod sinjifikattiv s-sitwazzjoni legali tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti u, għaldaqstant, jistax ikun is-suġġett ta’ tali rikors, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li jkun l-awtur tiegħu (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2024, Il-Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2021:520, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fir-rigward tal-kuntest tal-adozzjoni tal-att kontenzjuż u tas-setgħat tal-istituzzjoni tal-Unjoni li hija l-awtur tiegħu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni jipprevedi diversi stadji proċedurali u li huwa biss it-twettiq ta’ dawn l-istadji kollha li jista’ jwassal għall-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija. L-imsemmija stadji jinkludu l-verifika, konformement mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli f’dan il-qasam, li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha kkonċernati ta’ dan l-acquis huma ssodisfatti fl-Istat inkwistjoni, konsultazzjoni tal-Parlament (iktar ’il quddiem flimkien il-“kundizzjonijiet tekniċi”) u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu, dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi acquis fir-Rumanija.

27      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kontenut tal-att kontenzjuż, dan jikkonsisti, kif indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 17 tad-digriet appellat, f’konstatazzjoni, waqt il-laqgħa tal-formazzjoni ĠAI tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022, tal-assenza ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija sa fejn ma kinitx inkisbet l-unanimità tal-voti tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri meta saret il-votazzjoni fuq dan l-abbozz.

28      Fid-dawl tas-sustanza tal-att kontenzjuż, li l-Qorti Ġenerali debitament ħadet inkunsiderazzjoni, l-argument tal-appellanti li din il-votazzjoni tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-assenza ta’ applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen peress li kien ġie miftiehem li l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni kellha ssir mhux iktar tard mix-xahar ta’ Settembru 2011 u li, f’din id-data tal-aħħar, il-Kunsill ippospona din il-votazzjoni, għandu jiġi miċħud.

29      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li ġie miftiehem, fl-24 ta’ Ġunju 2011, li din id-deċiżjoni kellha tittieħed sa mhux iktar tard mix-xahar ta’ Settembru 2011, dan ma huwiex ekwivalenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li hija suġġetta għall-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 26 ta’ dan id-digriet u b’mod partikolari għal kundizzjoni proċedurali, jiġifieri dik ta’ vot unanimu fi ħdan din l-istituzzjoni.

30      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 28 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni tal-Kunsill, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, setgħet teżisti biss, minkejja t-tlestija tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, u b’hekk tipproduċi effetti legali vinkolanti għall-appellanti, kemm-il darba din tiġi adottata b’unanimità taħt il-kundizzjonijiet indikati f’din id-dispożizzjoni.

31      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-argumenti tal-appellanti bbażati fuq is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, EU:T:1971:32). Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’din is-sentenza li d-deliberazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 1970, dwar in-negozjati u l-konklużjoni, mill-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq, kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 173 KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE).

32      Madankollu, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-Kunsill kien adotta, matul din is-sessjoni, numru ta’ “konklużjonijiet” dwar l-attitudni li kellha tittieħed mill-Gvernijiet tal-Istati Membri fin-negozjati deċiżivi dwar dan il-ftehim. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li din id-deliberazzjoni tal-Kunsill kellha l-għan li tistabbilixxi linja ta’ kondotta obbligatorja għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri u li l-Kunsill kien adotta dispożizzjonijiet li jistgħu jidderogaw mill-proċeduri previsti mit-Trattat dwar in-negozjati mal-Istati terzi, raġuni li għaliha l-imsemmija deliberazzjoni kienet wasslet għal effetti legali vinkolanti, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punti 44 u 53 sa 55). Issa, l-att kontenzjuż ma wassalx għal tali effetti.

33      Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli applikat b’analoġija s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑27/04, EU:C:2004:436), fil-punti 28 u 34 tad-digriet appellat, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-maġġoranza meħtieġa ma tintlaħaqx waqt votazzjoni fi ħdan il-Kunsill, ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 104(8) u (9) KE (li sar l-Artikolu 126(8) u (9) TFUE), li ma teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li tistabbilixxi terminu li fl-iskadenza tiegħu deċiżjoni impliċita skont din id-dispożizzjoni titqies li saret u li tiddefinixxi l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, u li l-assenza ta’ adozzjoni tal-atti previsti fl-imsemmija dispożizzjoni ma tistax titqies att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 230 KE (li sar l-Artikolu 263 TFUE) (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑27/04, EU:C:2004:436, punti 31, 32 u 34).

34      Fil-fatt, għalkemm, kif jenfasizzaw l-appellanti, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni Ewropea setgħet tirrikorri għar-rimedju tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, għandu jitfakkar li, minbarra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ wkoll tippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE. Madankollu, minn naħa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Kunsill kien ġie mistieden jaġixxi f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, huwa madankollu l-Kunsill li għandu jaġixxi filwaqt li josserva l-kundizzjoni ta’ unanimità mfakkra fil-punt 26 ta’ dan id-digriet.

35      Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li l-allegata ineżistenza ta’ terminu li fl-iskadenza tiegħu d-deċiżjoni tal-Kunsill għandha titqies jew tiġi meqjusa li ngħatat la hija korretta u lanqas rilevanti, u hija bbażata fuq qari żbaljat tal-punt 30 tad-digriet appellat.

36      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ dan id-digriet, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, hija suġġetta, minbarra għall-kundizzjonijiet tekniċi, għal kundizzjoni proċedurali, jiġifieri dik ta’ vot unanimu fi ħdan din l-istituzzjoni.

37      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑63/12, EU:C:2013:752), invokata mill-appellanti, hija irrilevanti f’dan il-każ. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, id-deċiżjoni kkontestata kienet deċiżjoni tal-Kunsill li permezz tagħha din l-istituzzjoni kienet ċaħdet proposta għal regolament tal-Kummissjoni ppreżentata abbażi tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset f’dan ir-rigward li l-Kunsill ma kienx iddifferixxa, iżda ċaħad din il-proposta, kif kien jirriżulta mill-premessi ta’ din id-deċiżjoni, u b’hekk temm il-proċedura “normali” ta’ aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet, prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Anness XI ta’ dawn ir-Regolamenti u mibdija skont dan l-Artikolu 3, qabel ma kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑63/12, EU:C:2013:752, punti 32 u 33).

39      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-att kontenzjuż ma jtemmx il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen fir-rigward tar-Rumanija u għalhekk ma huwiex ta’ natura definittiva.

40      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 32 tad-digriet appellat, li jibqa’ dejjem possibbli għall-Kunsill li jinkludi mill-ġdid l-Abbozz Nru 15218/22 fl-aġenda ta’ laqgħa ġdida jew għall-Presidenza tal-Kunsill li tistabbilixxi abbozz ġdid ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija.

41      Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li, fid-determinazzjoni tal-punt dwar jekk l-att kontenzjuż jipproduċix effetti legali, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni kemm id-dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll l-obbligu impost kemm fuq l-Unjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri, li jirriżulta mill-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ fiduċja reċiproka, li jaċċettaw l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija ladarba l-kundizzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni jkunu ssodisfatti, li huwa l-każ hawnhekk.

42      Issa, minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 26 u 29 ta’ dan id-digriet, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni hija suġġetta biss għat-twettiq tal-kundizzjonijiet tekniċi, u mhux għal dak tal-istadji proċedurali kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni, inkluża l-adozzjoni b’unanimità ta’ deċiżjoni tal-Kunsill. Għall-kuntrarju, hija din l-istituzzjoni li għandha tosserva din il-kundizzjoni ta’ unanimità.

43      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ allegat ksur tal-moviment liberu taċ-ċittadini Rumeni fl-Unjoni, l-appell ma jinkludi ebda element konkret li jippermetti li jitqies li l-ilmenti mqajma jikkonċernaw regola tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun applikabbli għar-Rumanija skont l-Artikolu 4(1) u (2) tal-Att tal-adeżjoni, moqri flimkien mal-Anness II tiegħu.

44      Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat trattament diskriminatorju tar-Rumanija meta mqabbel mar-Repubblika tal-Kroazja, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jispjegawx kif tali differenza fit-trattament, jekk titqies stabbilita, kellha influwenza fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni.

45      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 31 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni tal-Kunsill prevista fl-Artikolu 4 tal-Att tal-adeżjoni ma tistax titqies li hija att ta’ natura purament konfermattiva tal-fatt li l-“kriterji tekniċi” stabbiliti qabel u previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jkunu ssodisfatti.

46      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li, jekk l-att kontenzjuż jitqies li huwa att intermedjarju, dan l-att ikun jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li att intermedjarju li jipproduċi effetti legali awtonomi jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament sa fejn ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata l-illegalità marbuta ma’ dan l-att fil-każ ta’ rikors dirett kontra d-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il-Kummissjoni, C‑366/21 P, EU:C:2021:984, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għaldaqstant, meta l-kontestazzjoni tal-legalità ta’ att intermedjarju fil-kuntest ta’ tali rikors ma hijiex tali li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva lir-rikorrent kontra l-effetti ta’ dan l-att, dan għandu jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il-Kummissjoni, C‑366/21 P, EU:C:2021:984, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma rnexxilhomx jipprovaw li l-att kontenzjuż kien jipproduċi, bħala tali, effetti legali awtonomi fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

49      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet aggravju

50      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet aggravju, imqajjem sussidjarjament, li s-silenzju ta’ istituzzjoni jista’ jiġi kkontestat f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, bħala prinċipju, is-sempliċi silenzju ta’ istituzzjoni ma jistax jiġi assimilat ma’ rifjut impliċitu, ħlief meta din il-konsegwenza tkun espressament prevista minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, dan il-prinċipju jista’ ma jiġix applikat b’tali mod li s-silenzju jew in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ istituzzjoni jistgħu eċċezzjonalment jitqiesu li għandhom valur ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Greencore, C‑123/03 P, EU:C:2004:783, punt 45).

51      Issa, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward, minn naħa, li s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Greencore (C‑123/03 P, EU:C:2004:783), invokata mill-appellanti, ma tikkonċernax il-kwistjoni tal-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, l-att kontenzjuż la jikkostitwixxi silenzju u lanqas nuqqas ta’ azzjoni tal-Kunsill li jikkostitwixxu deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Rumanija. Fil-fatt, għalkemm, fin-nuqqas ta’ kisba tal-unanimità tal-voti, dan l-att ma jistax jitqies bħala deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-adeżjoni, dan lanqas ma huwa sempliċi silenzju jew nuqqas ta’ azzjoni, iżda att ikkostitwit, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ dan id-digriet, mill-assenza ta’ adozzjoni tal-Abbozz Nru 15218/22 ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar din l-applikazzjoni sħiħa, bla ħsara għall-possibbiltà li din l-istituzzjoni tadotta, fi stadju sussegwenti, tali deċiżjoni, skont din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma invokawx tali ċirkustanzi speċifiċi, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet.

52      Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

53      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li hemm lok li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu bħala manifestament infondat.

 Fuq l-ispejjeż

54      Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

55      F’dan il-każ, peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma l-appell ġie nnotifikat lill-parti l-oħra fil-kawża u, konsegwentement, qabel ma din setgħet issostni spejjeż, għandu jiġi deċiż li l-appellanti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

1)      L-appell huwa miċħud bħala manifestament infondat.

2)      Răzvan-Eugen Nicolescu, Exclusive Car Trading SRL u l-Asociația pentru Energie Curată și Combaterea Schimbărilor Climatice għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.