DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-EWWEL AWLA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

29 ta’ Settembru 2009

Kawża F-18/05 RENV

D

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rinviju wara annullament – Mard ikkaġunat mix-xogħol – Talba għar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-aggravament tal-marda li minnha qed isofri r-rikorrent – Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal – Tħassir – Spejjeż”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Mejju 2004, li tiċħad it-talba tiegħu għar-rikonoxximent tal-oriġini professjonali tal-marda jew tal-aggravament tal-marda li minnha qed isofri u li tipprekludih milli jeżerċita impjieg tal-kategorija tiegħu li jikkorrispondi għall-grad tiegħu.

Deċiżjoni: Il-Kawża F‑18/05 RENV, D vs Il‑Kummissjoni, għandha titħassar mir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tbati, minn barra l-ispejjeż kollha tagħha relatati mal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti tal-Prim’Istanza, nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent relatati ma’ dawn il-proċeduri. Ir-rikorrenti għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti tal-Prim’Istanza. Axa Belgium, parti intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Proċedura – Spejjeż – Rinunzja ġustifikata bl-attitudni tal-parti l-oħra

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 87(5); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 122)

Skont l-Artikolu 87(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-proċedura tiegħu, il-parti li tirrinunzja għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk il-parti l-oħra tagħmel talba f’dan is-sens fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja. Madankollu fuq talba tal-parti li tirrinunzja, il-parti l-oħra għandha tbati l-ispejjeż, jekk dan jidher ġustifikat bl-aġir ta’ din tal-aħħar.

Madankollu, l-ispejjeż għandhom jinqasmu fil-każ ta’ rinunzja dovuta għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tbiddel, wara erba’ snin, ir-rifjut tagħha ta’ rikonoxximent tal-oriġini professjonali ta’ marda li kontrih il-parti kkonċernata ppreżentat rikors, meta r-rinunzja tkun ġiet ippreżentata biss tlett ijiem tax-xogħol qabel is-seduta u kważi sena wara l-imsemmija deċiżjoni, u li l-istituzzjoni tkun rebħet f’deċiżjoni mogħtija fuq appell fl-istess kawża.

(ara l-punti 10 sa 14)