Appell ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2023 minn SE mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-8 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-763/21, SE vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-309/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: SE (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tiċħad is-sentenza appellata.

konsegwentement, tilqa’ r-rikors tal-appellant ippreżentat fl-ewwel istanza.

Tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell, kif ukoll għal dawk sostnuti fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħdax-il aggravju:

L-ewwel aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-konstatazzjoni tagħha li t-talbiet relatati mal-ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 9 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra (iktar ’il quddiem ir-“RAA”) huma inammissibbli.

It-tieni aggravju bbażat fuq it-twettiq ta’ żball fil-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li membri tal-persunal “Blue-Book” bi prova jikkostitwixxu waħda mill-erba’ kategoriji ta’ persunal li jaħdmu għall-Kummissjoni.

It-tielet aggravju bbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età bħala indiretta, minflok bħala diretta.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-liġi bil-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali applikabbli għal diskriminazzjoni diretta.

Il-ħames aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-livell “għoli” ta’ prova korrett meħtieġ sabiex tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni bbażata fuq età.

Is-sitt aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-liġi fil-konstatazzjoni ta’ għanijiet leġittimi.

Is-seba’ aggravju bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-liġi fil-konstatazzjoni li l-għanijiet huma ta’ “natura ta’ interess ġenerali”.

It-tmien aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-liġi fil-konstatazzjoni li l-membri tal-persunal Blue-Book bi prova ma ġewx iffavoriti peress li s-sejħa kienet miftuħa wkoll għal kategoriji oħra ta’ membri tal-persunal.

Id-disa’ aggravju bbażat fuq il-konstatazzjoni żbaljata li d-differenza fit-trattament fuq il-bażi tal-età hija proporzjonata.

L-għaxar aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-konstatazzjoni tagħha li d-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà ngħata mandat sabiex jimponi r-rekwiżit ta’ “perijodu massimu ta’ tliet snin esperjenza professjonali” bħala kriterju għall-eliġibbiltà.

Il-ħdax-il aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza d-diskrepanza bejn il-kontenut tan-nota ta’ informazzjoni PERS(2018) 38/2, li eżiġiet “perijodu massimu ta’ tliet snin esperjenza […] akkumulata matul il-ħames snin li jippreċedu l-applikazzjoni” u r-rekwiżit impost mid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà li jeżiġi “perijodu massimu ta’ tliet snin esperjenza professjonali” b’mod ġenerali.

____________