Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑30 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawża C23/23

IlKummissjoni Ewropea

vs

IrRepubblika ta’ Malta

(Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Insib – Sistema derogatorja li tippermetti l-qbid tal-għasafar tal-għana – Artikolu 9(1)(b) – Deroga għal għanijiet ta’ riċerka – Rekwiżiti – Motivazzjoni ċara u suffiċjenti – Assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra)






I.      Introduzzjoni

1.        Il-bies ma huwiex l-uniku għasfur li għalih Malta hija magħrufa (2). Fil-fatt, għal diversi sekli, Malta kellha tradizzjoni ta’ nsib għall-għasafar tal-għana selvaġġi li jpassu minn fuq it-territorju tagħha (3).

2.        Fl-Unjoni Ewropea, l-għasafar tal-għana selvaġġi huma protetti mid-Direttiva dwar l-għasafar (4). Filwaqt li ħaddnet il-kumment immortali ta’ Sam Spade f’The Maltese Falcon, “I don’t mind a reasonable amount of trouble” (“Mhux ser inħabbel rasi minħabba ammont raġonevoli ta’ inkwiet” [traduzzjoni libera]), ir-Repubblika ta’ Malta, matul in-negozjati li wasslu għall-adeżjoni, aċċettat li tadatta d-drawwa tagħha għar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-għasafar sal‑2008 (5).

3.        Għalhekk, fl‑2009, Malta pprojbixxiet l-insib għall-għasafar tal-għana. Madankollu, fl‑2014, hija ddeċidiet li tuża d-deroga prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar sabiex tippermetti l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana bħala attività rikreattiva (6).

4.        Fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta (7), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din is-sistema għal għanijiet ta’ rikreazzjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal din id-deroga. Huwa partikolarment rilevanti għal dan ir-rikors il-fatt li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-provenjenza tal-popolazzjonijiet ta’ referenza tal-għasafar li jpassu minn fuq Malta kien jipprekludi li jiġi ssodisfatt il-kriterju ta’ “numri żgħar” meħtieġ għall-finijiet tad-deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni taħt id-Direttiva dwar l-għasafar (iktar ’il quddiem in-“nuqqas ta’ għarfien”) (8).

5.        Wara din is-sentenza, Malta ħassret is-sistema ta’ deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni.

6.        F’Ottubru 2020, Malta adottat il-“Proġett dwar l-għasafar tal-għana” (9). Dan il-proġett jipprevedi l-insib għall-istess seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana bħalma kien previst taħt il-leġiżlazzjoni li kienet tippermetti l-insib għal għanijiet ta’ rikreazzjoni, iżda l-insib propost taħt il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana huwa previst bħala parti minn allegat proġett ta’ riċerka. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida li tistabbilixxi l-qafas tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana hija bbażata fuq deroga differenti prevista fid-Direttiva dwar l-għasafar, deroga li, taħt l-Artikolu 9(1)(b) tagħha, tista’ tiġi invokata għal “għanijiet tar-riċerka”.

7.        Il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ma huwa xejn ħlief “skrin” li jippermetti li jibqgħu jitwettqu l-istess attivitajiet ta’ nsib għall-għasafar tal-għana għal għanijiet ta’ rikreazzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienu jmorru kontra d-Direttiva dwar l-għasafar fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, li wasslet għal dan ir-rikors (10).

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

8.        Flimkien mad-Direttiva dwar il-habitats (11), id-Direttiva dwar l-għasafar hija l-istrument tal-Unjoni għall-konservazzjoni tal-bijodiversità (12).

9.        Kif jirriżulta mill-premessi 3 u 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar, il-preservazzjoni tad-diversità tal-ispeċi ta’ għasafar ma hijiex biss għan ambjentali fih innifsu, iżda hija wkoll element neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tal-għejxien.

10.      Minkejja ċerti differenzi fir-regoli applikabbli għall-ispeċi ta’ għasafar elenkati fl-Annessi I sa III tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Artikolu 1(1) tagħha jagħmilha ċar li l-għan tagħha huwa l-konservazzjoni “tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat” (13). Għal dan il-għan, id-Direttiva dwar l-għasafar tirregola “l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom”.

11.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprojbixxi, b’mod partikolari, il-qtil jew il-qbid intenzjonat ta’ għasafar b’kull metodu u kull tfixkil intenzjonat tal-għasafar.

12.      Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprevedi:

“Dwar il-kaċċa, qabda jew qtil tal-għasafar taħt din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-mezzi, arranġamenti u l-metodi kollha użati għall-qabda jew qtil tal-għasafar fuq skala kbira jew mhux selettiva jew li jkunu kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta’ speċi, partikolarment l-użu ta’ dawk elenkati fl-Anness IV punt (a).”

13.      Ir-raba’ inċiż tal-punt (a) tal-Anness IV jelenka x-xbieki u n-nases fost il-mezzi u l-metodi ta’ qbid ipprojbiti u mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta jirriżulta li l-imnasab (clap-nets), li l-użu tagħhom huwa previst fil-Proġett dwar l-għasafar tal-għana, jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni (14).

14.      Għalkemm bħala prinċipju d-Direttiva dwar l-għasafar tipprojbixxi l-insib għall-għasafar, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kaċċa jew il-qbid ta’ għasafar selvaġġi għal għanijiet ta’ rikreazzjoni tista’ tikkostitwixxi “użu meqjus” awtorizzat minn din id-direttiva (15). Dan jidher li huwa konformi mal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi meta jkunu qegħdin ifasslu l-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni tal-għasafar.

15.      Madankollu, kif ikkonfermat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja (16), il-preservazzjoni ta’ attivitajiet tradizzjonali ma tikkostitwixxix deroga awtonoma mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva dwar l-għasafar. Għall-kuntrarju, kwalunkwe deroga tista’ tiġi awtorizzata biss jekk tkun prevista fid-Direttiva dwar l-għasafar innifisha u bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din tal-aħħar.

16.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

[...]

(b)      għal għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim, tar-ripopolazzjoni, l-introduzzjoni mill-ġdid u għat-tagħmir neċessarju għal dawn l-għanijiet;

(c)      biex jippermettu, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar.”

B.      Iddritt Malti

17.      Ir-Repubblika ta’ Malta stabbilixxiet il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana fl‑2020. Il-leġiżlazzjoni rilevanti ġiet adottata abbażi tar-Regolamenti dwar l-Għasafar Selvaġġi (17), li huwa l-att leġiżlattiv li jittrasponi d-Direttiva dwar l-għasafar fid-dritt Malti.

18.      Ir-Regolament 9 tar-Regolamenti dwar l-Għasafar Selvaġġi jittrasponi l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni tad-derogi u jistabbilixxi proċedura speċifika għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li tinvolvi lill-Kumitat Ornis Malti, li r-rwol tiegħu huwa rregolat fir-Regolament 10 tar-Regolamenti dwar l-Għasafar Selvaġġi.

19.      Il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ġie stabbilit permezz tar-Regolamenti Qafas tal‑2020 (18) u ġie implimentat dik is-sena abbażi tad-Dikjarazzjoni tal‑2020 (19). Il-qafas bażiku ġie emendat fl‑2021 bir-Regolamenti Qafas tal‑2021 (20), li ġew implimentati dik is-sena permezz tad-Dikjarazzjoni tal‑2021 (21) u s-sena ta’ wara permezz tad-Dikjarazzjoni tal‑2022 (22).

20.      Ir-regolamenti rilevanti jistabbilixxu “qafas li jippermetti, taħt kondizzjonijiet strettament sorveljati u b’mod selettiv, deroga għal riċerka fuq seba’ speċi tal-għasafar tal-għana [...] sabiex tinġabar informazzjoni xjentifika dwar il-popolazzjoni ta’ referenza ta’ Malta, fuq il-bażi tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva [dwar l-għasafar] [...]” (23). Ir-Regolamenti Qafas tal‑2020 spjegaw ukoll, fir-Regolament 1(2), li dan il-proġett kellu “l-għan li tinġabar biżżejjed informazzjoni xjentifika biex tippermetti lil Malta sabiex tintroduċi reġim derogatorju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Għasafar li tissodisfa l-kritejru tan-numri żgħar kif interpretat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza [Il‑Kummissjoni vs Malta]”.

21.      Fil-kuntest tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana, din id-data kellha tinġabar billi l-għasafar li jappartjenu għas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana koperti mill-proġett jinqabdu bl-użu ta’ mnasab (clap-nets) bi xbieki li jkollhom malju ta’ mhux inqas minn 18 mm bi 18 mm. L-istudju huwa mfassal bl-għan li tinkiseb saturazzjoni tad-data meta d-daqs tal-kampjun jilħaq l-irkupru ta’ bejn 60 u 70 ċurkett għal kull waħda mis-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.

22.      Il-qbid għandu jitwettaq minn persuni li jkollhom liċenzja speċjali, imsejħa kolletturi tad-data. Il-liċenzja speċjali tista’ tinħareġ lil persuna li jkollha liċenzja ġenerali għall-insib, li tissottometti pjanta tas-sit li turi l-mansab (clap-net) approvat tagħha u li tattendi kors obbligatorju dwar l-għanijiet tar-riċerka.

23.      Meta jaqbad għasfur, il-kollettur tad-data għandu jivverifika jekk l-għasfur maqbud ikollux ċurkett u, jekk dan ikun il-każ, għandu jdaħħal l-informazzjoni miċ-ċurkett f’formola taċ-ċrieket (dan huwa msejjaħ “kontroll”). Il-formola għandha tintbagħat lura lit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (iktar ’il quddiem it-“Taqsima tar-Regolamentazzjoni”). B’effett mill-adozzjoni tar-Regolamenti Qafas tal‑2021, huwa previst li l-kampjuni kollha maqbuda minn kollettur tad-data għandhom jiġu rrapportati immedjatament lill-korp regolatorju (li fiż-żmien inkwistjoni kien diġà t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni), inklużi l-kampjuni li ma jkollhomx ċurkett. Wara li jwettaq “kontroll” tal-għasfur, il-kollettur tad-data għandu jeħilsu minnufih lura fis-selvaġġ.

24.      Il-qafas regolatorju rilevanti jipprevedi wkoll il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni fil-proġett ta’ persuni li jkollhom liċenzja speċjali biex ilibbsu ċrieket, li l-kompitu tagħhom kellu jkun li jlibbsu ċ-ċurkett bid-data rilevanti fuq l-għasafar maqbuda. Madankollu, l-organizzazzjonijiet attivi f’Malta fis-settur tat-tqegħid ta’ ċrieket fuq għasafar, jiġifieri EURING u BirdLife Malta, irrifjutaw li jipparteċipaw fil-Proġett dwar l-għasafar tal-għana minħabba tħassib etiku (24), u stiednu lill-persuni li jlibbsu ċ-ċrieket fuq l-għasafar sabiex ma jipparteċipawx f’dan il-proġett. Kif ġie spjegat waqt is-seduta, peress li l-persuni li jlibbsu ċrieket fuq l-għasafar mill-iskema nazzjonali tat-tqegħid ta’ ċrieket ma pparteċipawx fil-proġett, qabel kull staġun ta’ riċerka Malta ppubblikat, madwar l-Ewropa kollha, sejħa għal persuni li jlibbsu ċrieket fuq l-għasafar. Madankollu, ebda persuna li tlibbes ċrieket fuq l-għasafar ma applikat. Kien għalhekk li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana kkonsista esklużivament fil-qbid u fil-kontroll tal-għasafar li diġà kellhom ċurkett.

25.      Il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana kif deskritt ġie implimentat mill‑2020 sal‑2022. Kull sena, bejn l‑20 ta’ Ottubru u l‑20 ta’ Diċembru, id-Dikjarazzjonijiet ta’ implimentazzjoni fetħu l-perijodi ta’ riċerka li matulhom kien permess l-insib għall-għasafar.

III. Ilproċedura prekontenzjuża

26.      Fit‑3 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil Malta. Hija qieset li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ma kienx konformi mal-Artikoli 5 u 8(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar u ma kienx iġġustifikat mid-deroga prevista fl-Artikolu 9(1)(b) tagħha. Il-Kummissjoni qieset li Malta ma kinitx stabbilixxiet li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana kellu għan ġenwin ta’ riċerka, li l-leġiżlazzjoni Maltija ma kinitx tipprovdi motivazzjoni dwar jekk kienx hemm soluzzjoni sodisfaċenti oħra u li Malta ma kinitx uriet l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

27.      Malta wieġbet fit‑3 ta’ Frar 2021 u argumentat li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana kien iġġustifikat mill-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Hija sostniet li s-sistema derogatorja l-ġdida kienet isservi għanijiet ta’ riċerka. B’mod partikolari, din ir-riċerka għandha l-għan li tindirizza n-nuqqas ta’ għarfien, ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta.

28.      Fid‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata bl-istess oġġezzjonijiet bħall-ittra ta’ intimazzjoni. Peress li Malta kienet diġà indikat li kienet ser tiftaħ staġun ieħor tal-insib fil-ħarifa tal‑2021, l-opinjoni motivata stabbilixxiet terminu qasir għal tweġiba ta’ xahar. Talba għall-proroga ta’ dan it-terminu mressqa minn Malta ġiet miċħuda.

29.      Malta wieġbet għal din l-opinjoni motivata fil‑15 ta’ Lulju 2021, filwaqt li żammet il-pożizzjoni tagħha li s-sistema inkwistjoni kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni.

30.      Wara diskussjonijiet u laqgħat bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Maltin, fl‑14 ta’ Ottubru 2021, il-Ministru Malti għall-Ambjent ħassar ir-Regolamenti Qafas tal‑2020 “bla ħsara għall-validità ta’ dak kollu li sar jew li ma sarx skont dawn ir-regolamenti”.

31.      Fid‑19 ta’ Ottubru 2021, dan il-ministru kompla l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana bl-adozzjoni tar-Regolamenti Qafas tal‑2021 (25).

32.      Il-Kummissjoni tqis li r-Regolamenti Qafas tal‑2020 u r-Regolamenti Qafas tal‑2021, kif ukoll id-Dikjarazzjonijiet li jiftħu perijodi ta’ riċerka fl‑2020, fl‑2021 u fl‑2022, jikkostitwixxu aġir tal-istess natura u għaldaqstant tikkunsidrahom kollettivament bħala miżura waħda.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

33.      Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fl‑20 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana u billi, b’hekk, awtorizzat l-insib għas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi inkwistjoni, Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 8(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(1) tagħha.

34.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fil‑21 ta’ April 2023, Malta titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad dan ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat.

35.      Il-Kummissjoni u Malta ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fid‑19 ta’ Ġunju 2023 u fl‑24 ta’ Lulju 2023, rispettivament.

36.      Fis‑7 ta’ Marzu 2024 inżammet seduta li fiha l-Kummissjoni u Malta ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

V.      Analiżi

37.      Qabel ma ngħaddi għall-mertu ta’ din il-kawża, ser neżamina qabelxejn l-ammissibbiltà tagħha.

A.      Fuq lammissibbiltà

38.      Malta ssostni li din il-kawża hija inammissibbli sa fejn hija bbażata fuq opinjoni motivata li kienet segwita malajr minn emenda sostanzjali tal-qafas legali nazzjonali, li r-rikors iqis bħala ekwivalenti u l-istess bħall-qafas preċedenti. B’hekk, il-portata ta’ din il-kawża ma hijiex ċara u tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ Malta.

39.      Il-Kummissjoni tirribatti li l-opinjoni motivata tad‑9 ta’ Ġunju 2021 kienet tirreferi għall-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ta’ Malta, li, dak iż-żmien, kien ikkostitwit mir-Regolamenti Qafas tal‑2020 u mid-Dikjarazzjoni tal‑2020. Ir-rikors ikkontesta l-istess proġett, li sadanittant kien tkompla bir-Regolament Qafas tal‑2021 u bid-Dikjarazzjonijiet tal‑2021 u tal‑2022. Skont il-Kummissjoni, dawn il-miżuri tal-aħħar huma aġir “tal-istess natura” (26).

40.      Il-Kummissjoni ssostni li l-karatteristiċi prinċipali tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana oriġinali, li, skont l-opinjoni motivata, ma kienx konformi mal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar, kienu baqgħu jeżistu fis-sistema li kienet fis-seħħ meta l-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors. Dawn il-karatteristiċi prinċipali huma s-segwenti: il-proġett għandu l-istess allegat għan ta’ riċerka li jikkonsisti fil-ġbir ta’ informazzjoni (27), li jikkonċerna l-istess seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana (28); il-proġett jipprevedi l-istess kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja, inkluż l-għoti ta’ liċenzji mhux lil xjenzjati professjonali iżda lil kull persuna li jkollha liċenzja ġenerali ta’ nsib, li jkollha l-istess tip ta’ mansab (clap-net) u li tkun attendiet għall-istess kors (29); u l-portata tas-sistema derogatorja tkopri l-istess perijodu ta’ żmien ta’ 64 jum fil-ħarifa (30).

41.      Kuntrarjament għall-argumenti ta’ Malta li r-Regolamenti Qafas tal‑2021 indirizzaw l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni mqajma matul il-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tqis li l-innovazzjonijiet introdotti bir-Regolamenti Qafas tal‑2021 u bid-Dikjarazzjonijiet ta’ implimentazzjoni ma humiex sinjifikattivi. L-introduzzjoni tal-korp regolatorju, li kellu jkun responsabbli għar-riċerka, ma kellha ebda impatt sinjifikattiv peress li dan ir-rwol jiġi eżerċitat mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni (31), li diġà kellha dan ir-rwol taħt ir-Regolamenti Qafas preċedenti. Ir-Regolamenti Qafas tal‑2021 taw liċenzji abbażi ta’ applikazzjonijiet li kienu ġew ippreżentati taħt ir-Regolamenti Qafas preċedenti tal‑2020; u d-Dikjarazzjonijiet (2020, 2021 u 2022) huma kważi identiċi.

42.      Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Malta għandha tiġi miċħuda.

43.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod konsistenti, li s-suġġett ta’ rikors taħt l-Artikolu 258 TFUE għandu jkun limitat għal dak iddefinit matul il-proċedura prekontenzjuża prevista f’dan l-artikolu, u li l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom għalhekk ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti (32).

44.      Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li tali rekwiżit ma jistax madankollu jiġi estiż b’tali mod li jkun jimponi f’kull każ identiċità perfetta bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-opinjoni motivata u fir-rikors. Meta ssir bidla fil-leġiżlazzjoni bejn il-fażi prekontenzjuża u l-fażi ġudizzjarja tal-proċedura, ikun biżżejjed li s-sistema stabbilita permezz tal-leġiżlazzjoni kkontestata matul il-proċedura prekontenzjuża tkun essenzjalment inżammet mill-miżuri l-ġodda adottati mill-Istat Membru wara l-opinjoni motivata, minkejja li l-leġiżlazzjoni l-ġdida ma kinitx formalment ikkontestata fil-fażi prekontenzjuża (33).

45.      Fil-fatt, naqbel li jekk, b’kull bidla mhux sostanzjali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu neċessarju l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sa mill-bidu tagħha, dan il-mekkaniżmu ta’ infurzar jitlef l-effett utli tiegħu. Għaldaqstant, is-sempliċi bidla tal-leġiżlazzjoni ma tistax tkun raġuni awtomatika għall-inammissibbiltà ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, kif issostni Malta, dan ma għandux ikollu l-effett li jċaħħad lill-Istat konvenut mill-possibbiltà li jiddefendi ruħu b’mod effettiv.

46.      F’dan ir-rigward, naqbel mal-Kummissjoni li l-verżjoni l-ġdida tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ma biddlitx b’mod sostanzjali l-elementi identifikati mill-Kummissjoni (34).

47.      Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar għaliex il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar setgħu jinftiehmu minn Malta. Dan l-Istat Membru kellu l-opportunità jispjega jekk u kif il-leġiżlazzjoni l-ġdida indirizzat b’mod differenti n-nuqqasijiet allegati mill-Kummissjoni u jispjega lill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex huwa jqis li din il-leġiżlazzjoni ssodisfat il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Għaldaqstant, id-drittijiet tad-difiża ta’ Malta kienu rrispettati.

48.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, dan ir-rikors huwa ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

49.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni ssostni li Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5 u 8(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar u li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jistax ikun ibbażat fuq id-deroga għal għanijiet ta’ riċerka prevista fl-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

50.      Malta, sa mill-bidu u b’mod speċifiku, ibbażat il-leġiżlazzjoni tagħha fuq l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Id-deċiżjoni li tiġi invokata deroga tista’ tinftiehem biss bħala l-aċċettazzjoni minn Malta tal-fatt li, li kieku ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deroga, l-attività prevista fil-leġiżlazzjoni tagħha kienet tmur kontra d-Direttiva dwar l-għasafar.

51.      Għalhekk, il-qofol ta’ din il-kawża huwa jekk Malta ssodisfatx il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tad-deroga għal għanijiet ta’ riċerka taħt id-Direttiva dwar l-għasafar (35).

52.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka tliet argumenti prinċipali. Hija ssostni, l-ewwel, li Malta naqset milli tistabbilixxi li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana għandu għan ġenwin ta’ riċerka; it-tieni, li Malta naqset milli tagħti motivazzjoni għall-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra; u, it-tielet, li Malta naqset milli turi l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

53.      L-iktar kwistjoni importanti u ġdida mqajma f’din il-kawża tikkonċerna l-ewwel argument: il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ta’ Malta huwa proġett ta’ riċerka ġenwin, jew ma huwa xejn ħlief skrin, kif tallega l-Kummissjoni, għat-tkomplija ta’ attivitajiet li jiksru d-Direttiva dwar l-għasafar? Ser nibda billi nindirizza din il-kwistjoni fil-parti (1). Il-konklużjoni tiegħi hija li l-proġett ta’ riċerka inkwistjoni għandu numru ta’ nuqqasijiet, kemm fit-tfassil u kemm fl-implimentazzjoni tiegħu, li għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-konklużjoni li, fil-fatt, ma huwiex proġett ta’ riċerka ġenwin. Għal din ir-raġuni, inqis li t-tieni u t-tielet argument tal-Kummissjoni huma biss sussidjarji. Ser nittratta dawn l-argumenti flimkien fil-parti (2).

1.      Fuq innuqqas li jiġi stabbilit li lProġett dwar lgħasafar talgħana għandu għan ta’ riċerka

54.      Kif tista’ l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk proġett, ippreżentat mil-leġiżlatur ta’ Stat Membru bħala proġett ta’ riċerka, ikunx fil-fatt qiegħed jiġi adottat għal għan ta’ riċerka, jew jekk l-Istat Membru jkunx qiegħed jinvoka deroga għal għanijiet ta’ riċerka sempliċement sabiex jippermetti attivitajiet li kieku kienu jkunu illegali?

55.      It-tweġiba loġika tkun li, jekk proġett jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha imposti mid-Direttiva dwar l-għasafar sabiex tintuża din id-deroga, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkonkludi li dan il-proġett ikun qiegħed jiġi adottat għal għanijiet ta’ riċerka.

56.      Madankollu, din il-proposta tidher iktar faċli milli fil-fatt hija. Filwaqt li tippermetti deroga għal għanijiet ta’ riċerka minn dak li kieku jkollu jitqies li huwa l-qbid u t-tfixkil ipprojbiti ta’ għasafar selvaġġi, id-Direttiva dwar l-għasafar ma tagħti ebda indikazzjoni dwar it-tifsira tal-espressjoni “għanijiet tar-riċerka” li tinsab fl-Artikolu 9(1)(b) tagħha.

57.      Bl-istess mod, ebda spjegazzjoni ma tinsab fid-Direttiva dwar il-habitats, li tista’ titqies li hija relatata mad-Direttiva dwar l-għasafar u li tipprevedi deroga għal għanijiet ta’ riċerka mfassla bi kliem kważi identiku, liema deroga tippermetti li wieħed jitbiegħed mill-protezzjoni prevista fl-ewwel direttiva għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-annimali u tal-pjanti koperti minnha (36).

58.      Sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira tal-kunċett ta’ “riċerka”, wieħed jista’ jispira ruħu mill-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u ta’ l-abitati naturali, li għaliha l-Unjoni hija Parti (37). L-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi derogi għal għanijiet ta’ riċerka li huma fformulati bi kliem simili għal dawk użati fid-Direttivi dwar l-għasafar u dwar il-habitats. Fir-rigward tat-tifsira ta’ dawn id-derogi, il-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna qies li r-“riċerka hija attività intellettwali bl-għan li jinkisbu konstatazzjonijiet xjentifiċi ġodda b’mod metodiku, sistematiku u verifikabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (38).

59.      Tali deskrizzjoni tippermetti li jinstiltu konklużjonijiet dwar ċerti elementi tal-kunċett ta’ “riċerka”, kemm minn perspettiva materjali u kemm minn perspettiva proċedurali. Id-dimensjoni materjali ta’ proġett ta’ riċerka hija l-għan tiegħu; din twieġeb għall-mistoqsija dwar il-qafas ta’ għarfien li l-proġett ikun intiż li jespandi u tispjega għaliex din il-mistoqsija għandha ssir fl-ewwel lok. Id-dimensjoni proċedurali tikkonċerna l-metodi xjentifiċi użati; fi kliem ieħor, kif ser jintlaħaq l-eżitu mixtieq.

60.      Għalhekk nipproponi li, għall-finijiet ta’ din il-kawża, u mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata definizzjoni iktar kompleta tal-kunċett ta’ “riċerka”, il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li proġett ta’ riċerka għandu jkollu għan espress f’mistoqsija tar-riċerka u għandu jkun imfassal b’tali mod li jippermetti li tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija. Dawn l-elementi ta’ kunċett ta’ riċerka, li fir-rigward tagħhom iż-żewġ partijiet jaqblu wkoll fuq il-fatt li dan jinvolvi “riċerka xjentifika”, ma ġewx ikkontestati (39)

61.      Meta kellha quddiemha kwistjoni simili għal dik li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ineżami, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ), f’kawża li kienet tikkonċerna l-proġett Ġappuniż ta’ kaċċa għall-baleni fl-Antartiku (40), qieset ukoll li ma kienx neċessarju li hija tipprovdi definizzjoni komprensiva tal-kunċett ta’ “riċerka”. Madankollu, dik il-qorti ppreċiżat li “kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk programm ikunx intiż għal għanijiet ta’ riċerka xjentifika ma jiddependix mill-intenzjonijiet tal-uffiċjali tal-gvernijiet individwali, iżda pjuttost mill-kwistjoni ta’ jekk it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programm ikunux raġonevoli sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ riċerka ddikjarati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (41).

62.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta metodu simili u tevalwa jekk it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana humiex raġonevoli fid-dawl tal-għanijiet ta’ riċerka ddikjarati ta’ dan il-proġett.

63.      Il-Kummissjoni għandha problema kemm bl-għanijiet ta’ riċerka ddikjarati kif ukoll bit-tfassil u bl-implimentazzjoni tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana. Ser nindirizza dawn il-problemi waħda wara l-oħra.

a)      Fuq ilmistoqsija tarriċerka u lgħan tagħha

64.      Il-mistoqsija tar-riċerka tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana hija fformulata kif ġej: “Minn fejn joriġinaw l-għasafar tal-għana li jpassu minn fuq Malta matul il-migrazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ riproduzzjoni (fil-ħarifa)?” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (42)

65.      Il-Kummissjoni ssostni li l-għan ta’ din il-mistoqsija tar-riċerka ma huwiex għan ta’ konservazzjoni. Għall-kuntrarju, Malta qiegħda tfittex tweġiba għal din il-mistoqsija bil-għan biss li tintroduċi (mill-ġdid) id-deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni.

66.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-deroga prevista fl-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar tista’ tiġi invokata biss għal riċerka li jkollha għan ta’ konservazzjoni.

67.      Malta kkonfermat li l-ħtieġa li tinsab tweġiba għall-mistoqsija tar-riċerka tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana kienet effettivament irrikonoxxuta wara li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għan-nuqqas ta’ għarfien fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta tagħha. Madankollu, hija ssostni li l-għan li jinġabar għarfien sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ għarfien li jwaqqaf lil Malta milli tintroduċi deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni jista’ jkun l-għan ta’ proġett ta’ riċerka taħt l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

68.      Barra minn hekk, Malta tispjega li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana għandu wkoll għan usa’ ta’ konservazzjoni. Hija ssostni li l-kisba ta’ għarfien dwar minn fejn jiġu l-għasafar tal-għana li jtiru minn fuq Malta tista’ tgħin lil Malta fit-tfassil tal-politika ta’ konservazzjoni tagħha. B’mod partikolari, id-data prodotta mill-Proġett dwar l-għasafar tal-għana għandha tippermetti l-identifikazzjoni ta’ rotot tal-passa rilevanti u, għalhekk, għandha tgħin sabiex jiġu ffokati l-isforzi fir-rigward tal-konservazzjoni tal-habitats u sabiex l-ippjanar dwar l-użu tal-art jitfassal b’mod li jiġu protetti s-siti tal-waqfiet u r-rotot essenzjali.

69.      Fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, fis-sens li għan ta’ proġett ta’ riċerka taħt l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi għandu jkun biss għan ta’ konservazzjoni, ma tistax tiġi aċċettata. Riċerka li teħtieġ deroga mill-protezzjoni tal-għasafar tista’ sservi kwalunkwe interess leġittimu ta’ riċerka. F’dan ir-rigward, kemm-il darba l-insib rikreattiv għall-għasafar huwa kkunsidrat bħala użu meqjus awtorizzat tad-deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni, bil-kundizzjoni li jinqabdu biss numru żgħir ta’ għasafar, il-ġbir ta’ data għall-introduzzjoni ta’ tali deroga ma jistax jiġi kkritikat li għandu għan mhux leġittimu.

70.      Riċerka intiża li tippromwovi l-għanijiet ta’ konservazzjoni hija mħeġġa minn dispożizzjoni differenti tad-Direttiva dwar l-għasafar. L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-“Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu r-riċerka u kull ħidma meħtieġa bħala bażi tal-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-użu tal-popolazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1”. Dan huwa argument favur il-pożizzjoni tiegħi li l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti wkoll riċerka għal għanijiet leġittimi għajr il-konservazzjoni.

71.      Fl-istess ħin, jiena tal-fehma li, anki jekk ma huwiex neċessarju li tkun intiża li ttejjeb il-metodi ta’ konservazzjoni, riċerka skont dispożizzjoni derogatorja ma jistax ikollha l-effett li tipprevjeni jew tostakola l-għan ta’ konservazzjoni li jinżamm stat ta’ konservazzjoni tajjeb ta’ speċi.

72.      Biex nerġa’ niġi lura għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ir-Regolamenti Qafas tal‑2020 iddefinixxew l-għan tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana b’mod differenti minn kif għamlu r-Regolamenti Qafas tal‑2021. Ir-riferiment espliċitu għal deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni, li kien jinsab fir-Regolamenti Qafas tal‑2020, tneħħa fir-Regolamenti Qafas tal‑2021 (43). Madankollu, fis-seduta, Malta ppreċiżat li l-possibbiltà li tiġi introdotta deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni għadha waħda mill-għanijiet tar-Regolamenti Qafas tal‑2021 minkejja l-bidla fil-formulazzjoni.

73.      Fil-fehma tiegħi, il-mistoqsija tar-riċerka li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana huwa intiż li jwieġeb hija xierqa sabiex tindirizza n-nuqqas ta’ għarfien ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta fir-rigward tad-deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni.

74.      Għall-kuntrarju, anki jekk, skont Malta, il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana għandu għanijiet usa’ ta’ konservazzjoni, dan l-Istat Membru ma spjegax, ħlief f’termini wiesgħa ħafna, l-għanijiet ta’ konservazzjoni li dan il-proġett jixtieq jindirizza. Għalhekk huwa diffiċli li tiġi stabbilita r-rabta bejn il-mistoqsija tar-riċerka dwar il-provenjenza tal-għasafar li jtiru minn fuq Malta fil-ħarifa u eventwali għanijiet ta’ konservazzjoni.

75.      Madankollu, ser nagħti l-benefiċċju tad-dubju lil Malta u ser inkompli l-analiżi tiegħi bil-premessa li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana għandu wkoll għan usa’ ta’ konservazzjoni. Huwa meħtieġ li, fl-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tfassil ta’ proġett, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tiegħu. Għalhekk, ser nanalizza jekk it-tfassil tal-proġett jistax ikun iġġustifikat fid-dawl taż-żewġ għanijiet iddikjarati tiegħu.

b)      Fuq ittfassil talproġett u limplimentazzjoni tiegħu

76.      Kif diġà spjegajt, it-tfassil ta’ proġett u l-mod kif jiġi implimentat għandhom ikunu raġonevoli (44). Dan ifisser li t-tfixkil tal-għasafar, li, bħala prinċipju, huwa pprojbit mid-Direttiva dwar l-għasafar, għandu jkun iġġustifikat mill-għanijiet tal-proġett (45).

77.      Ser nifred il-kwistjonijiet tat-tfassil tar-riċerka u tal-implimentazzjoni tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana billi nittratta, minn naħa, dawk l-aspetti kkontestati mill-Kummissjoni li fil-fehma tiegħi huma elementi raġonevoli tat-tfassil ta’ dan il-proġett u, min-naħa l-oħra, dawk l-aspetti li fil-fehma tiegħi ma humiex raġonevoli.

1)      Fuq lelementi aċċettabbli tattfassil talProġett dwar lgħasafar talgħana

78.      Il-Kummissjoni targumenta li l-użu ta’ mnasab (clap-nets) ma huwiex iġġustifikat, li n-numru ta’ siti ta’ nsib huwa eċċessiv u li ma hemmx rabta ċara mal-mistoqsija li qiegħda tiġi indirizzata. Barra minn hekk, fid-dawl tan-numru żgħir ta’ kampjuni li għandhom ċurkett maqbuda f’Malta, il-ġbir ta’ data mill-għasafar li għandhom ċurkett sempliċement ma jistax jagħti tweġiba għall-mistoqsija tar-riċerka f’terminu raġonevoli. Qiegħed jiġi allegat li, bil-mod kif huwa attwalment imfassal il-proġett, ser ikun hemm bżonn ta’ madwar 70 sena biex jinġabar in-numru meħtieġ ta’ ċrieket.

79.      Fil-fehma tiegħi, Malta ppreżentat argumenti konvinċenti kontra dawn l-elementi mqajma mill-Kummissjoni bħala difetti fit-tfassil. L-ewwel, minn naħa, kemm l-imnasab (clap-nets) kif ukoll ir-ranji (mist-nets) huma, bħala prinċipju, ipprojbiti mill-Anness IV tad-Direttiva dwar l-għasafar u jistgħu jintużaw biss taħt waħda mid-derogi. B’hekk, jekk għandhom jinqabdu għasafar, u dan jidher li fil-preżent huwa l-uniku metodu xjentifikament disponibbli sabiex tinqara d-data miċ-ċrieket fuq l-għasafar tal-għana li jkollhom ċurkett, l-użu tal-imnasab (clap-nets) jippermetti qabda ta’ għasafar iktar selettiva mir-ranji (mist-nets). Peress li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana jkopri seba’ speċi speċifiċi ta’ għasafar tal-għana, tali għażla tidher li hija ġġustifikata.

80.      It-tieni, nista’ naċċetta li n-numru kbir ta’ għasafar maqbuda fiż-żona kbira tal-pajjiż ma huwiex neċessarjament difett tal-proġett. Tali tfassil iżid il-probabbiltajiet li jinqabad għasfur b’ċurkett u li tinġabar l-informazzjoni meħtieġa iktar malajr. Madankollu, argument imressaq minn Malta f’dan ir-rigward ma jistax jintlaqa’. Malta enfasizzat li, għall-kuntrarju ta’ proġett preċedenti għal għanijiet ta’ rikreazzjoni, l-insib għal numru kbir ta’ għasafar ma huwiex problema għaliex dawn jinħelsu mingħajr ma ssirilhom ħsara. Madankollu, il-fatt li l-għasafar tal-għana jinħelsu wara li jkunu nqabdu ma jistax jinftiehem bħala li jiġġustifika t-tfassil tal-proġett fih innifsu. Ma għandux jintesa li, skont id-Direttiva dwar l-għasafar, il-qbid u t-tfixkil tal-għasafar huma pprojbiti wkoll, u mhux biss iż-żamma jew il-qtil tagħhom.

81.      It-tielet, fir-rigward tas-saturazzjoni stabbilita bħala 60 sa 70 ċurkett miġbur għal kull speċi ta’ għasfur tal-għana, li għandha tippermetti l-konklużjoni li nġabret data suffiċjenti sabiex jinstiltu konklużjoni affidabbli, ma nqisx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha informazzjoni suffiċjenti sabiex tagħti deċiżjoni dwar dan l-aspett. L-istess japplika għall-previżjonijiet fir-rigward tat-tmiem possibbli tal-proġett.

2)      Fuq innuqqasijiet inaċċettabbli fittfassil u flimplimentazzjoni tar-riċerka

82.      Kif diġà pproponejt, meta teżamina jekk proġett huwiex proġett ta’ riċerka ġenwin, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiffoka fuq in-natura raġonevoli tiegħu. L-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli ta’ proġett ta’ riċerka teħtieġ ibbilanċjar bejn, minn naħa, it-tfixkil tal-għasafar tal-għana selvaġġi meħtieġ mill-proġett, li huwa pprojbit mid-Direttiva dwar l-għasafar u, min-naħa l-oħra, l-għan xjentifiku tal-proġett. Iktar ma jkun importanti l-għan tal-proġett, iktar ikun faċli li jiġu ġġustifikati l-qbid u t-tfixkil. Inqas ma jkun importanti l-għan, iktar ikun diffiċli li jiġi ġġustifikat il-proġett, li jista’ jwassal għall-konklużjoni li l-qbid u t-tfixkil tal-għasafar ma għandhomx jiġu awtorizzati.

83.      L-eżerċizzju tal-ibbilanċjar għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-proġett inkwistjoni jinvolvi annimali ħajjin (46). Għandu jitfakkar li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 13 TFUE, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni (47). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet b’mod espliċitu l-importanza tagħha fir-rigward tad-Direttiva dwar l-għasafar (48).

84.      Fir-rigward tan-natura raġonevoli tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana, il-Kummissjoni tinnota n-nuqqasijiet li ġejjin fir-rigward tat-tfassil tal-proġett. L-ewwel, ma hemmx metodu komprensiv għall-ġbir ta’ data li jista’ jiġġustifika t-tfixkil tal-għasafar, u l-proġett jikkonċentra b’mod żbaljat fuq ir-reġistrazzjoni ta’ kampjuni li diġà jkollhom ċurkett. It-tieni, il-kolletturi tad-data li jipparteċipaw fil-proġett ma humiex imħarrġa b’mod adegwat u għandhom kunflitt ta’ interess li għandu jipprekludi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġett.

i)      Fuq lenfasi talproġett fuq ilkampjuni li diġà jkollhom ċurkett biss

85.      Fir-rigward tal-ewwel argument, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjonijiet tar-rapporti ta’ BirdLife Malta u ta’ EURING, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li l-fatt li l-proġett jikkonċentra fuq il-provenjenza tal-għasafar tal-għana huwa żbaljat. Fil-fehma tagħhom, “[s]abiex tinkiseb informazzjoni li tkun tista’ sservi ta’ bażi għal konservazzjoni u mmaniġġar aħjar tal-għasafar tal-għana li jqattgħu x-xitwa f’Malta, u sabiex ikun hemm bażi għall-monitoraġġ tal-effettività ta’ miżuri ta’ konservazzjoni futuri, huwa importanti li jinkiseb għarfien dwar id-distribuzzjoni, in-numri u r-rotazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar l-oriġini tal-passa tagħhom”. L-enfasi inizjali ta’ proġett kredibbli ma għandhiex tkun fuq l-oriġini tal-popolazzjoni, iżda l-proġett għandu l-ewwel jipprovdi stima tad-daqs, tal-kompożizzjoni u tar-rotazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-għana li jinsabu f’Malta matul l-istaġun li ma jkunx il-perijodu tat-tnissil. Dan il-komponent jista’ jiġi ssodisfatt permezz ta’ stħarriġ ibbażat fuq osservazzjonijiet, “li jista’ jipprovdi informazzjoni bażika dwar l-abbundanza staġjonali u l-użu tal-habitats, filwaqt li jiġu identifikati dawk iż-żoni u l-habitats l-iktar importanti u li għandhom jingħataw l-ogħla prijorità ta’ konservazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-ispeċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (49)

86.      Dan l-argument ma ġiex ikkontestat minn Malta. Fil-fatt, jekk jitqies biss fil-kuntest tal-għan tiegħu li jippermetti l-introduzzjoni (mill-ġdid) ta’ deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni, billi jindirizza n-nuqqas ta’ għarfien irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta, il-ġbir ta’ data dwar il-provenjenza tal-għasafar jista’ jidher li huwa mira adegwata tal-proġett. Madankollu, il-fatt li dan it-tip ta’ informazzjoni biss huwa fil-mira tal-proġett, b’mod partikolari meta hija nieqsa data rilevanti oħra li ma tistax tinġabar permezz tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana, ma jistax jiġġustifika t-tfixkil tal-għasafar fid-dawl ta’ għan usa’ ta’ konservazzjoni.

87.      It-tieni difett problematiku ħafna fit-tfassil tal-proġett huwa li l-qbid tal-għasafar huwa awtorizzat biss sabiex tinqara u tiġi rreġistrata data mill-kampjuni maqbuda li jkollhom diġà ċurkett. Kif issostni l-Kummissjoni, dan ma huwiex iġġustifikat minn perspettiva xjentifika jew etika. Meta l-għasafar jinqabdu matul operazzjonijiet sabiex jitlibbsu ċurkett, għandha tinġabar id-data xjentifika xierqa kollha sabiex jiġi żgurat li l-użu xjentifiku tad-data jkun jista’ jiġi mmassimizzat. Il-ġbir ta’ data mhux biss miċ-ċurkett iżda wkoll data addizzjonali dwar kull għasfur maqbud, bħall-età u s-sess, il-piż, l-istat tar-rix, il-kejl tal-ġwienaħ u data simili, flimkien mat-tqegħid ta’ ċurkett fuq kull kampjun maqbud, jistgħu effettivament jiġġustifikaw l-azzjonijiet li kieku huma pprojbiti mid-Direttiva dwar l-għasafar. Sabiex isir dan tkun meħtieġa l-parteċipazzjoni ta’ persuni li għandhom taħriġ u esperjenza fit-tqegħid ta’ ċrieket.

88.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif imfassal oriġinarjament taħt il-leġiżlazzjoni rilevanti, il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana fil-fatt ma kienx jipprevedi biss il-ġbir ta’ data minn għasafar li diġà kellhom ċurkett iżda wkoll it-tqegħid ta’ ċurkett fuq l-għasafar maqbuda kollha. Għall-implimentazzjoni ta’ din il-parti tal-proġett, kien previst li jkun jista’ jingħata permess speċjali għall-parteċipazzjoni fil-proġett lil persuni li jkollhom liċenzja biex ilibbsu ċrieket fuq l-għasafar. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja fil-proġett propost min-naħa tal-organizzazzjoni rilevanti fis-settur tat-tqegħid ta’ ċrieket – EURING, il-persuni li jlibbsu ċ-ċrieket attivi f’Malta rrifjutaw li jipparteċipaw fil-proġett (50). Fil-fatt, skont Malta, sejħa madwar l-Ewropa kollha għal tali persuni ma rnexxietx. Għal din ir-raġuni, matul it-tliet snin ineżami, il-proġett ġie implimentat biss sabiex tinġabar data minn għasafar li diġà kellhom ċurkett.

89.      Fil-fehma tiegħi, il-qbid ta’ għasafar fuq skala kbira, kif previst fil-Proġett dwar l-għasafar tal-għana, bl-iskop biss li tinġabar id-data mill-għasafar li jkollhom ċurkett ma jistax jiġġustifika l-proġett, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-għan tiegħu huwiex biss li jippermetti l-introduzzjoni (mill-ġdid) tad-deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni jew jekk għandux effettivament għanijiet usa’ ta’ konservazzjoni. Fiż-żewġ każijiet, it-tfixkil tal-għasafar fuq skala daqstant kbira jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċju xjentifiku tal-proġett (51).

90.      L-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-persuni li jlibbsu ċrieket fuq l-għasafar fil-Proġett dwar l-għasafar tal-għana setgħet possibbilment tiġi evitata li kieku l-leġiżlatur irrinunzja għal parti mill-proġett kif imfassal. Waħda mill-kwistjonijiet kontroversjali li minħabba fiha l-persuni li jlibbsu ċ-ċrieket fuq l-għasafar irrifjutaw li jipparteċipaw fil-Proġett dwar l-għasafar tal-għana kienet marbuta mal-użu ta’ għasafar ħajjin għat-taħrik u għall-għajjat. Madankollu, dan ma jidhirx li huwa meħtieġ biex jippermetti l-qbid tal-għasafar tal-għana permezz ta’ mnasab (clap-nets). L-użu ta’ apparat elettroniku b’tisfir ta’ għasafar irrekordjat minn qabel huwa daqstant ieħor effettiv (52). Peress li tali bidla fit-tfassil tal-proġett tista’ ttejjeb in-natura raġonevoli tiegħu, sa fejn l-għasafar ikunu jistgħu jitlibbsu ċurkett filwaqt li tkun tista’ tiġi rkuprata l-informazzjoni eżistenti fuq iċ-ċrieket, u dan mingħajr ma titnaqqas l-effettività tal-metodu tal-qbid, wieħed għandu jistaqsi jekk din il-parti tat-tfassil tal-proġett għandhiex skop differenti mill-għan tar-riċerka. Din il-parti tat-tfassil tippermetti t-tkomplija tal-attivitajiet rikreattivi tal-insib għall-għasafar tal-għana li fil-kuntest tagħhom kienu tradizzjonalment jintużaw għasafar ħajjin għat-taħrik u għall-għajjat (53).

ii)    Fuq ilkolletturi taddata u fuq ixxjenza taċċittadini

91.      Dan iwassalni għall-argument segwenti mressaq mill-Kummissjoni, li jikkonċerna n-natura mhux xierqa tal-parteċipazzjoni fil-proġett ta’ persuni li pparteċipaw fi proġett derogatorju preċedenti għal għanijiet ta’ rikreazzjoni.

92.      It-tweġiba ewlenija li Malta toffri għal dawn l-allegazzjonijiet hija x-xjenza taċ-ċittadini. Malta ssostni li x-xjenza taċ-ċittadini hija idea li tirċievi appoġġ qawwi min-naħa tal-Kummissjoni u hija sorpriża bil-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’din il-kawża (54). Hija ssostni wkoll li l-inklużjoni tal-persuni li kellhom liċenzja bħala nassaba, li kienu kisbu din il-liċenzja fil-kuntest ta’ deroga għall-insib għal għanijiet ta’ rikreazzjoni, kienet xierqa sa fejn dawn il-persuni jafu kif jużaw l-imnasab (clap-nets). Fl-aħħar nett, Malta tinsisti li huma biss in-nassaba li jkunu segwew taħriġ li jistgħu jiksbu l-liċenzja speċjali li tippermettilhom jipparteċipaw fil-Proġett dwar l-għasafar tal-għana.

93.      Ix-xjenza taċ-ċittadini hija fil-fatt idea li tirċievi appoġġ mill-Unjoni (55). Madankollu, l-idea li ċ-ċittadini jiġu inklużi fi proġetti xjentifiċi ma hijiex li l-proġetti jitfasslu bil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini bħala l-għan tagħhom, iżda pjuttost li ċ-ċittadini jiġu inklużi fi proġetti ta’ riċerka li minnhom innifishom jkunu ġġustifikati minn xi għan ta’ riċerka rilevanti. Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għandha tkun possibbli għall-individwi kollha li jkunu jixtiequ jipparteċipaw fil-proġett u ma għandhiex tkun diskriminatorja, anki jekk jistgħu jiġu imposti ċerti kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni.

94.      Għall-kuntrarju, il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana huwa mfassal b’tali mod li huma biss il-persuni li għandhom il-liċenzja ġenerali għall-insib, li ma għadhiex tinħareġ iżda li tinsab fil-pussess biss tal-persuni li kienu jipparteċipaw fil-proġett derogatorju għal għanijiet ta’ rikreazzjoni, li jistgħu japplikaw għal-liċenzja speċjali għall-parteċipazzjoni fil-Proġett dwar l-għasafar tal-għana (56). Malta kkonfermat dan waqt is-seduta. Madankollu, dan l-Istat Membru ma offriex spjegazzjoni raġonevoli għaliex il-proġett, kemm-il darba huwa bbażat fuq l-idea tax-xjenza taċ-ċittadini, ma huwiex miftuħ għaċ-ċittadini kollha li jistgħu jkunu jixtiequ jipparteċipaw fih. Ġie propost argument fis-sens li l-persuni li għandhom liċenzja ġenerali għall-insib jafu kif jużaw l-imnasab (clap-nets). Madankollu, dan l-argument ma ġie kkorroborat bl-ebda spjegazzjoni dwar għaliex ċittadini oħra ma setgħux jitgħallmu kif dawn l-imnasab għandhom jintużaw għall-finijiet tal-proġett.

95.      It-taħriġ li huwa rekwiżit obbligatorju sabiex wieħed ikun eliġibbli għal-liċenzja speċjali jidher li huwa kkonċentrat biss fuq l-għoti ta’ informazzjoni lill-parteċipanti potenzjali dwar it-tfassil legali tal-proġett, inkluż, minn tal-inqas, l-obbligu li l-għasafar maqbuda jinħelsu immedjatament. Skont id-data ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li t-taħriġ inkwistjoni joħloq il-kompetenzi neċessarji sabiex tinġabar id-data, pereżempju, kif jintużaw b’mod korrett l-imnasab (clap-nets) jew kif issir distinzjoni bejn is-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana u bejn dawn l-ispeċi u għasafar oħra (57). Effettivament, dan it-taħriġ ma jidhirx li huwa taħriġ suffiċjenti li jista’ jippermetti lil kull ċittadin interessat jipparteċipa fil-proġett.

96.      Il-proġetti l-oħra allegatament paragunabbli mal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana, li Malta semmiet fir-risposta tagħha bħala li jinvolvu liċ-ċittadini fir-riċerka dwar l-għasafar, ma kinux jinvolvu ċittadini f’azzjonijiet invażivi li jikkonċernaw l-għasafar. Għall-kuntrarju, dawn il-proġetti kienu jikkonċernaw prinċipalment l-osservazzjoni u l-komunikazzjoni tad-data osservata (58). Barra minn hekk, kif tispjega EURING, iċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-proġetti tat-tqegħid taċ-ċrieki jsegwu taħriġ serju, li ħafna drabi jkun mifrux fuq sena, u jipparteċipaw fil-proġett flimkien ma’ persuni li l-professjoni tagħhom hija li jlibbsu ċrieket fuq l-għasafar (59).

97.      Nista’ naqbel ma’ Malta li l-inklużjoni tal-persuni li qabel kienu jipparteċipaw fl-insib rikreattiv għall-għasafar tal-għana ma hijiex, fiha nnifisha, problema u jista’ saħansitra jkollha komponent edukattiv, speċjalment peress li ż-żamma tal-għasafar hija pprojbita fil-kuntest tal-proġett.

98.      Madankollu, dan ma jispjegax għaliex dawn il-persuni biss huma mistiedna jipparteċipaw fl-opportunitajiet tax-xjenza taċ-ċittadini tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana. Dan ma huwiex konformi mal-kunċett ta’ xjenza taċ-ċittadini. Dan huwa pjuttost indikazzjoni li l-proġett effettivament tfassal u ġie implimentat bl-għan li jippermetti lil dan il-grupp partikolari ta’ ċittadini jkomplu bl-attivitajiet rikreattivi tagħhom ta’ nsib għall-għasafar tal-għana.

99.      Malta enfasizzat li l-proġett jipprevedi l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-infurzar, li għandu jwaqqaf lill-kolletturi tad-data milli jżommu l-għasafar maqbuda. Barra minn hekk, iċ-ċifri għall-aħħar sentejn tal-implimentazzjoni tal-proġett juru l-kontrolli ta’ implimentazzjoni effettivi fil-prattika. F’dan ir-rigward, Malta pprovdiet ċifri sostanzjali dwar sforzi qawwija sabiex jittejjeb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tagħha. Pereżempju, għas-sena 2021, matul iż-żmien li fih kienu miftuħa l-“perijodi ta’ riċerka”, u fid-dawl tal-fatt li kienu nħarġu 2 904 liċenzji speċjali taħt din id-deroga, kien hemm rekwiżit legali ta’ 50 uffiċjal matul is-sigħat awtorizzati u dawn l-uffiċjali wettqu b’kollox 3 111-il kontroll fuq il-post, li kkonstataw 122 illegalità (60).

100. Jista’ jkun minnu li dan wassal għal numru iżgħar ta’ każijiet li fihom l-għasafar maqbuda ma nħelsux. Madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, huwa stramb li proġett ta’ riċerka ġenwin jeħtieġ mobilizzazzjoni daqstant kostanti u sinjifikattiva ta’ riżorsi tal-infurzar tal-liġi.

101. Fl-aħħar nett, mhux biss huwa diffiċli li t-tfassil tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana jiġi difiż mill-perspettiva tax-xjenza taċ-ċittadini, iżda dan il-proġett barra minn hekk lanqas ma huwa involut f’kooperazzjoni ma’ xi proġetti oħra ta’ riċerka. Madankollu, wieħed kien jistenna li proġett li jiddependi minn data minn pajjiżi oħra u li jista’ jikkontribwixxi għal proġetti oħra dwar il-passa tal-għasafar jkun jipprevedi kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali ma’ proġetti simili (61).

102. Bħala konklużjoni, naqbel mal-Kummissjoni li l-provi prodotti ma jurux li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana huma ġenwini u raġonevoli fid-dawl tat-twettiq tal-għanijiet iddikjarati tiegħu. Għal din ir-raġuni, dan il-proġett ma jistax jiġi ġġustifikat taħt id-deroga għal għanijiet ta’ riċerka prevista fl-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

2.      Fuq lassenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra u fuq lobbligu ta’ motivazzjoni

103. Il-Kummissjoni targumenta li Malta ma spjegatx għaliex il-mistoqsija tar-riċerka ma tistax tingħata tweġiba b’metodi oħra, u lanqas ma spjegat dan b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni li tintroduċi d-deroga.

104. Malta twieġeb li r-rapporti li għalihom jirreferu d-Dikjarazzjonijiet li jimplimentaw ir-Regolamenti Qafas tal‑2020 u tal‑2021 jispjegaw b’mod ċar biżżejjed għaliex ma hemm l-ebda alternattiva xierqa għall-Proġett dwar l-għasafar tal-għana.

105. L-ewwel, tkun xi tkun ir-raġuni għad-deroga permessa taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar, din id-dispożizzjoni tinkludi, fil-paragrafu 1 tagħha, kundizzjoni li tipprovdi li tali deroga tista’ tintuża biss “fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti”.

106. Diġà spjegajt għaliex inqis li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ma humiex raġonevoli sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ riċerka tiegħu. Għalhekk inqis li dan il-proġett ma ġiex adottat għal għanijiet ta’ riċerka. Għaldaqstant, ma tqumx il-kwistjoni dwar soluzzjoni alternattiva.

107. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ġie adottat għal għanijiet ta’ riċerka, jiena tal-fehma li, kif tallega l-Kummissjoni, Malta ma spjegatx b’mod ċar għaliex iż-żewġ alternattivi msemmija huma insuffiċjenti.

108. L-għan tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana huwa li jiġi stabbilit minn fejn joriġinaw l-għasafar tal-għana li jtiru minn fuq Malta. Għal dan l-għan, il-proġett jipproponi li jintużaw metodi li huma pprojbiti mid-Direttiva dwar l-għasafar, jiġifieri l-qbid tal-għasafar u l-użu ta’ mnasab (clap-nets). Sabiex il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana ikun jista’ jiġi ġġustifikat abbażi tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar, huwa għalhekk meħtieġ li Malta tistabbilixxi li ma humiex disponibbli metodi oħra li ma jmorrux kontra din id-direttiva, jew li jinvolvu deroga mingħajr ma jkunu daqstant invażivi.

109. L-ewwel alternattiva msemmija mill-Kummissjoni tikkonċerna l-involviment ta’ ornitoloġisti esperti. Il-Kummissjoni ma spjegatx b’mod ċar kif dawn għandhom ikunu involuti. Ċertament, huma għandhom ikunu involuti fit-tfassil tal-proġett, fl-analiżi tad-data miġbura, fl-identifikazzjoni tal-konklużjonijiet li għandhom jinstiltu minn din l-analiżi u, fl-aħħar nett, fil-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-proġett (62).

110. Madankollu, il-problema bin-nuqqas ta’ involviment tal-ornitoloġisti fit-tfassil tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana, enfasizzata mill-Kummissjoni, tikkonċerna l-involviment fil-punt tal-ġbir tad-data miċ-ċrieket fuq l-għasafar u tal-ġbir ta’ informazzjoni addizzjonali mill-għasafar maqbuda.

111. F’dan ir-rigward, jidhirli li Malta ma tistax targumenta li l-iktar alternattiva sodisfaċenti ma kinitx tkun il-parteċipazzjoni ta’ ornitoloġisti fil-proġett, peress li inizjalment hija kienet ipprevediet il-parteċipazzjoni ta’ persuni li jlibbsu ċrieket fuq l-għasafar fil-punt tal-ġbir tad-data. Madankollu, wara li t-tentattiv tagħha li tinvolvi ornitoloġisti ma rnexxiex, Malta warrbet dan l-aspett oriġinali tat-tfassil tal-proġett u kompliet bl-implimentazzjoni tiegħu mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ ornitoloġisti. Soluzzjoni alternattiva oħra kienet teżisti b’mod ċar, iżda twarrbet minn Malta.

112. It-tieni soluzzjoni alternattiva msemmija kienet l-immudellar fuq skala kbira. Minkejja li tressaq diversi raġunijiet għaliex din l-alternattiva hija inqas effettiva mill-proġett ibbażat fuq il-ġbir ta’ data miċ-ċrieket tal-għasafar, Malta ma targumentax li tali metodu ma jistax iwassal għal tweġiba għall-mistoqsija tar-riċerka u b’hekk jindirizza n-nuqqas ta’ għarfien inkwistjoni. Peress li l-immudellar fuq skala kbira huwa metodu ta’ riċerka li ma huwiex intrużiv, u għalhekk ma huwiex kuntrarju għad-Direttiva dwar l-għasafar, kienet meħtieġa spjegazzjoni iktar iddettaljata għaliex dan il-metodu twarrab.

113. Fil-fehma tiegħi, Malta ma spjegatx b’mod ċar għaliex metodi oħra disponibbli ma humiex xierqa sabiex jindirizzaw in-nuqqas ta’ għarfien, li l-identifikazzjoni tiegħu hija r-raġuni għaliex ġie żviluppat il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana. Għaldaqstant, il-motivazzjoni mogħtija fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni (id-Dikjarazzjonijiet) ma tissodisfax l-istandard ta’ ċertezza legali stabbilit mill-ġurisprudenza (63), li jeħtieġ motivazzjoni ċara u suffiċjenti li tispjega kif il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 huma ssodisfatti, inklużi r-raġunijiet għaliex l-awtorità li tintroduċi l-miżura derogatorja tqis li ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra (64).

114. La fir-Regolamenti Qafas tal‑2020 u lanqas f’dawk tal‑2021 ma tingħata motivazzjoni dwar is-soluzzjoni alternattiva disponibbli. It-tliet Dikjarazzjonijiet ta’ implementazzjoni, li jiftħu l-perijodu ta’ riċerka għas-snin 2020, 2021 u 2022, fihom ċerta motivazzjoni. Filwaqt li d-Dikjarazzjoni tal‑2020 tindika biss b’mod impliċitu studji sottostanti użati għat-tfassil tal-proġett, id-Dikjarazzjonijiet sussegwenti jindikaw dawn l-istudji b’mod iktar espliċitu f’noti ta’ qiegħ il-paġna. Madankollu, la dawn l-istudji u lanqas l-argumenti ppreżentati matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtu tweġiba ċara għall-kwistjoni dwar għaliex il-metodi l-oħra kellhom jitwarrbu. Ma huwiex argumentat li dawn ma humiex xierqa, iżda biss li huma inqas effiċjenti.

115. Għalhekk, il-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li Malta naqset milli tipprovdi motivazzjoni dwar l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra u naqset milli turi li ma kienx hemm soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

116. Fid-dawl tal-premess, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5 u 8(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(1) tagħha.

VI.    Fuq lispejjeż

117. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika ta’ Malta tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VII. Konklużjoni

118. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        Tiddikjara li, billi adottat sistema derogatorja li tippermetti l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi (l-isponsun, Fringilla coelebs, il-ġojjin, Carduelis cannabina, il-gardell, Carduelis carduelis, il-verdun, Carduelis chloris, taż-żebbuġ, Coccothraustes coccothraustes, l-apparell, Serinus serinus u l-ekru, Carduelis spinus), ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5 u 8(1) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva;

–        Tikkundanna lir-Repubblika ta’ Malta tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Huston, J., The Maltese Falcon, Warner Bros, 1941. Dwar il-fatti storiċi marbuta ma’ din l-istorja, ara Falzon, M.‑A., Birds of Passage, Hunting and Conservation in Malta, Berghahn Books, New York, Oxford, 2020, p. 26.


3      Nifhem li l-insib għall-għasafar tal-għana kien ipprattikat f’Malta sabiex dawn l-għasafar jintużaw bħala għasafar għat-taħrik u għall-għajjat għall-kaċċa jew għal iktar insib. L-għasafar kienu wkoll jinżammu f’gaġeġ u użati għat-tagħmir jew bħala annimali domestiċi, jew għall-pjaċir li wieħed jisma’ l-kapaċitajiet vokali tagħhom. Ara, f’dan ir-rigward, Falzon, M.‑A., Birds of Passage, Hunting and Conservation in Malta, op.cit., p. 14 sa 15, 51, u 55 sa 56.


4      Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), li ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”).


5      It-Trattat ta’ Adeżjoni ppreveda perijodu tranżitorju li matulu Malta kellha progressivament twaqqaf l-attivitajiet tal-insib għall-għasafar ipprojbiti mid-Direttiva dwar l-għasafar. Ara t-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 17, fil-paġna 870).


6      Is-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi inkwistjoni huma s-segwenti: l-isponsun (Fringilla coelebs), il-ġojjin (Carduelis cannabina), il-gardell (Carduelis carduelis), il-verdun (Carduelis chloris), taż-żebbuġ (Coccothraustes coccothraustes), l-apparell (Serinus serinus), u l-ekru (Carduelis spinus).


7      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2018:477, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta”).


8      Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta, punti 62 sa 76. Raġunijiet oħra għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar kienu li l-imnasab (clap-nets) ma kinux metodi selettivi ta’ qbid, li l-insib kien intensiv ħafna u li d-deroga ma kinitx implimentata taħt kundizzjonijiet strettament ikkontrollati (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta, punti 71, 79, 81, 84 u 97).


9      Il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana huwa bbażat fuq il-leġiżlazzjoni spjegata fil-Parti II ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Fis-seduta, il-Kummissjoni spjegat li hija ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, u mhux abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni li tintroduċi l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana hija allegatament iġġustifikata minn dispożizzjoni differenti tad-Direttiva dwar l-għasafar. B’hekk, minkejja li, skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni l-ġdida hija estensjoni tas-sistema preċedenti, il-fatt li tinvoka raġuni differenti għal deroga kien jeħtieġ il-ftuħ ta’ proċedura ġdida għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.


11      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”).


12      Dwar l-importanza tal-bijodiversità, ara l-kummenti tal-bidu fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:90, punti 1 sa 3).


13      Enfasi miżjuda. Għandu jiġi spjegat li l-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar jelenka l-għasafar li, skont l-Artikolu 4 tagħha, għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza tagħhom. L-Anness II jelenka l-ispeċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kaċċa konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u l-Anness III jelenka l-ispeċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kummerċ taħt kundizzjonijiet speċifiċi. L-għasafar tal-għana, li huma s-suġġett tal-Proġett dwar l-għasafar għal-għana, ma jidhru fl-ebda wieħed mill-Annessi tad-Direttiva dwar l-għasafar. Madankollu, dawn l-għasafar tal-għana għandhom ikunu suġġetti għal miżuri speċjali ta’ konservazzjoni abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li jeżiġi tali trattament “għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I”.


14      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 79, 81 u 84 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta.


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, One Voice u Ligue pour la protection des oiseaux (C‑900/19, EU:C:2021:211, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, iktar ’il quddiem is-“sentenza One Voice”).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (247/85, EU:C:1987:339, punt 8); tat‑28 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑57/89, EU:C:1991:89, punt 22); tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (Kaċċa fir-rebbiegħa għall-kampjuni rġiel tal-ispeċi ta’ għasfur edredun) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 85); kif ukoll is-sentenza One Voice (punt 35).


17      Avviż Legali 79 tad‑29 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi r-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar Selvaġġi (Anness A.1 tar-rikors).


18      Avviż Legali 399 tas‑27 ta’ Ottubru 2020.


19      Avviż Legali 400 tal‑2020 dwar dikjarazzjoni dwar deroga li tippermetti perijodu ta’ riċerka fl‑2020.


20      Avviż Legali 394 tal‑2021.


21      Avviż Legali 395 tal‑2021 dwar dikjarazzjoni dwar deroga li tippermetti riċerka xjentifika fl‑2021.


22      Avviż Legali 257 tal‑2022 dwar dikjarazzjoni dwar deroga li tippermetti riċerka xjentifika fl‑2022.


23      Dan huwa previst fir-Regolament 1(2) kemm tar-Regolamenti Qafas tal‑2020 u kemm fir-Regolamenti Qafas tal‑2021. Madankollu, l-espressjoni “taħt kondizzjonijiet strettament sorveljati u b’mod selettiv” iddaħħlet bir-Regolamenti Qafas tal‑2021.


24      Ara, f’dan ir-rigward, ir-Regolament 2(c) tad-Dikjarazzjoni tal‑2021, li jispjega li l-persuni li jlibbsu ċrieket fuq l-għasafar mill-iskema nazzjonali ta’ tqegħid taċ-ċrieket fuq l-għasafar ma jistgħux jużaw u huma etikament kontra l-użu ta’ għasafar ħajjin għat-taħrik u għall-għajjat għall-iskop ta’ tqegħid ta’ ċrieket u ta’ kontroll.


25      Permezz tad-Dikjarazzjoni tal‑2021, adottata fl-istess jum bħar-Regolamenti Qafas tal‑2021, Malta fetħet perijodu ta’ riċerka ieħor mill‑20 ta’ Ottubru 2021 sal‑20 ta’ Diċembru 2021. Perijodu ta’ riċerka simili nfetaħ, mill‑20 ta’ Ottubru 2022 sal‑20 ta’ Diċembru 2022, permezz tad-Dikjarazzjoni tal‑2022.


26      Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1983, Il‑Kummissjoni vs Franza (42/82, EU:C:1983:88, punt 20).


27      Ara r-Regolament 1(2) tar-Regolamenti Qafas tal‑2020 u tar-Regolamenti Qafas tal‑2021.


28      Ara r-Regolament 2(2), li jiddefinixxi l-“ispeċi rilevanti”, tar-Regolamenti Qafas tal‑2020 u tar-Regolamenti Qafas tal‑2021.


29      Ara r-Regolamenti 5 sa 7 tar-Regolamenti Qafas tal‑2020 u r-Regolamenti 10 sa 12 tar-Regolamenti Qafas tal‑2021.


30      Ara r-Regolament 4 tar-Regolamenti Qafas tal‑2020 u r-Regolament 8 tar-Regolamenti Qafas tal‑2021.


31      Ara r-Regolament 3 tar-Regolamenti Qafas tal‑2021.


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑105/91, EU:C:1992:441, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑211/13, EU:C:2014:2148, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑105/91, EU:C:1992:441, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad‑9 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑417/02, EU:C:2004:503, punt 17); u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑211/13, EU:C:2014:2148, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza One voice (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Ara l-Artikolu 16(1)(d) tad-Direttiva dwar il-habitats. Hemm differenza żgħira li tinsab fl-użu tal-forma bis-singular fil-verżjoni bl-Ingliż tad-Direttiva dwar il-habitats (“purpose”, tradotta bħala “għan” fil-verżjoni bil-Malti). Ma naħsibx li din hija differenza sinjifikattiva jew intenzjonata. Barra minn hekk, il-verżjoni bil-Franċiż kemm tad-Direttiva dwar il-habitats kif ukoll tad-Direttiva dwar l-għasafar tuża l-plural, u nifhem li l-plural huwa iktar xieraq biex jirreferi kemm għar-riċerka kif ukoll għat-tagħlim (“edukazzjoni” fil-verżjoni bil-Malti tad-Direttiva dwar il-habitats).


37      L-Avukata Ġenerali Kokott qieset li l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar jimplimenta l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u ta’ l-abitati naturali, miftuħa għall-firma f’Berna fid‑19 ta’ Settembru 1979 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 282) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”), li għaliha l-Unjoni hija Parti (Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat‑3 ta’ Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 280, rettifika fil-ĠU 2018, L 311, p. 39)), u b’hekk din il-konvenzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar l-għasafar. Ara l-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 73).


38      Kumitat Permanenti, Provisions on Exceptions in accordance with Article 9 of the Bern Convention, T-PVS/Inf (2011) 23, punt 3.5.5, p. 19, disponibbli fuq is-sit https://rm.coe.int/0900001680746b62 (ikkonsultat l-aħħar fid‑29 ta’ Frar 2024).


39      Filwaqt li tinvoka lil Day, R. u Gastel, B., How to Write and Publish a Scientific Paper, id-disa’ edizzjoni, Cambridge University Press, 2022, Malta ppreżentat dawn l-elementi bħala komponenti ta’ proġett ta’ riċerka xjentifika: dan il-proġett għandu jistabbilixxi mistoqsija tar-riċerka; għandu jagħmel għażla dwar it-tfassil tar-riċerka; għandu jipprevedi l-metodi tal-ġbir tad-data u tal-analiżi tad-data; u, fl-aħħar nett, għandu jinterpreta u jagħti rendikont tar-riżultati. Malta ssostni li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana fih dawn l-elementi kollha. Il-Kummissjoni ma tikkontestax id-definizzjoni ta’ riċerka xjentifika mogħtija minn Malta. Madankollu, hija ma taqbilx li l-Proġett dwar l-għasafar tal-għana jissodisfa din id-definizzjoni.


40      Sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Marzu 2014, Kaċċa għall-baleni fl-Antartiku (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun: b’intervent min-New Zealand), Rapporti tal-QĠI, 2014, p. 226, p. 258.


41      Ibid, punt 97 tas-sentenza.


42      Din il-mistoqsija hija ppreżentata bħala l-mistoqsija li fuqha huwa msejjes il-Proġett dwar l-għasafar tal-għana fir-rapport intitolat “Malta’s finches research project: scope and methodology”, Taqsima tar-Regolamentazzjoni, p. 4. Dan ir-rapport jidher li huwa rapport ta’ espert stabbilit qabel l-introduzzjoni tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana. Id-dokument ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (bħala l-Anness B.2 tar-risposta) jiddikjara li ġie adottat f’Mejju 2020 iżda li kien ippubblikat biss sussegwentement, f’Marzu 2023, bħala verżjoni aġġornata. Fis-sottomissjonijiet tagħha, Malta kkonfermat li din hija effettivament il-mistoqsija tar-riċerka tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana.


43      Ir-Regolament 2(1) tar-Regolamenti Qafas tal‑2020 isemmi b’mod espliċitu l-ġbir ta’ data għall-introduzzjoni fil-futur tad-deroga għal għanijiet ta’ rikreazzjoni bħala għan tal-Proġett dwar l-għasafar tal-għana. Ir-Regolament 2(1) tar-Regolament Qafas tal‑2021 ma għadux isemmi b’mod espliċitu dan il-għan.


44      Ara l-punti 60 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Fir-rigward tan-neċessità ta’ proporzjonalità ta’ kwalunkwe miżura bbażata fuq l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Malta (C‑76/08, EU:C:2009:535, punt 57) u s-sentenza One Voice (punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet etiċi u l-proċeduri li għandhom jiġu inklużi fil-proġetti proposti taħt il-programm Orizzont 2020, fl-indirizz li ġej: https://ec.europa.eu/research/participants/docs/h2020-funding-guide/cross-cutting-issues/ethics_en.htm.


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 63), u tad‑29 ta’ Frar 2024, cdVet Naturprodukte (C‑13/23, EU:C:2024:175, punt 49). F’dan ir-rigward, l-Unjoni adottat id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU 2010, L 276, p. 33, rettifiki fil-ĠU 2016, L 15, p. 71 u fil-ĠU 2022, L 125, p. 4).


48      Sentenza One Voice (punti 39 u 65).


49      EURING, Advice to the European Commission on Collection of data to inform the conservation and management of Maltese Finch Populations (Anness A.21 tar-rikors), p. 12.


50      Ara, f’dan ir-rigward, il-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Ornis Malti ta’ nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Awwissu 2020 (Anness A.20 tar-rikors), punt 5.29, p. 13.


51      Skont id-data li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, 10 ċrieket biss inġabru fl‑2020 (Taqsima tar-Regolamentazzjoni, Report on the Outcome of the Autumn 2020 Research Derogation to Determine Malta’s reference population of the seven finch species, Marzu 2021 (Anness A.11 tar-rikors), punt 5.2) u 22 ċurkett fl‑2021 (Taqsima tar-Regolamentazzjoni, Report on the Outcome of the Autumn 2021 Research Derogation to Determine Malta’s reference population of the seven finch species, Marzu 2022 (Anness B.27 tar-risposta), punt 5.2).


52      Fil-fatt, waqt il-laqgħa tiegħu, il-Kumitat Ornis Malti vvota favur l-inklużjoni tal-apparat elettroniku b’tisfir ta’ għasafar irrekordjat minn qabel mal-użu min-nassaba ta’ għasafar ħajjin għat-taħrik u għall-għajjat. Rappreżentant ta’ BirdLife Malta vvota kontra minħabba li kienu ser jibqgħu jintużaw għasafar ħajjin għat-taħrik u għall-għajjat. Ara, f’dan ir-rigward, il-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Ornis Malti ta’ nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Awwissu 2020 (nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet), punti 5.14, 5.26 u 5.30. Fis-seduta, Malta ma spjegatx għaliex din il-bidla ma ġietx introdotta, iżda sempliċement tenniet li l-użu ta’ apparat elettroniku b’tisfir ta’ għasafar irrekordjat minn qabel ġie inkluż bħala possibbiltà addizzjonali għall-użu ta’ għasafar ħajjin għat-taħrik u għall-għajjat.


53      Ara, f’dan ir-rigward, il-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Ornis Malti ta’ nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Awwissu 2020 (nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet), punt 5.14.


54      F’dan ir-rigward, Malta ssemmi l-Green Paper tal‑2013 dwar ix-Xjenza taċ-Ċittadini, disponibbli fis-sit http://socientize.eu/sites/default/files/Green%20Paper%20on%20Citizen%20Science%202013.pdf; Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/736 tal‑1 ta’ Marzu 2024 dwar Kodiċi ta’ Prattika dwar l-involviment taċ-ċittadini għall-valorizzazzjoni tal-għarfien (ĠU L 2024/736).


55      Il-Kummissjoni tiffinanzja l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej dwar ix-Xjenza fil-Proġett Orizzont 2020 tagħha, kif spjegat fis-sit: https://eu-citizen.science/. Dan is-sit jelenka 328 proġett li jinvolvu lill-pubbliku fir-riċerka permezz ta’ attivitajiet ta’ xjenza taċ-ċittadini.


56      Regolament 5.3(a) tar-Regolamenti Qafas tal‑2020 u Regolament 10.5(a) tar-Regolamenti Qafas tal‑2021. Ara wkoll Taqsima tar-Regolamentazzjoni, Report on the Outcome of the Autumn 2020 Research Derogation to Determine Malta’s reference population of the seven finch species, Marzu 2021 (Anness A.11 tar-rikors), punt 4.1; u Taqsima tar-Regolamentazzjoni, Report on the Outcome of the Autumn 2021 Research Derogation to Determine Malta’s reference population of the seven finch species, Marzu 2022 (Anness B.27 tar-risposta), punt 4.1.


57      Fl-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni ddettaljata oħra dwar it-taħriġ, dan jista’ jiġi konkluż mill-kampjun tat-test li l-kandidati għal-liċenzja huma meħtieġa jgħaddu minnu, li kien inkluż fid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-Anness B.3 tar-risposta.


58      Malta rreferiet għal eBird, għal Christmas Bird Count u għal Breeding Bird Survey li, kif ammettiet fis-sottomissjonijiet tagħha, jiffokaw fuq l-osservazzjoni u l-kontroll mhux invażivi.


59      Ara, pereżempju, il-British Trust for Ornithology u l-Bird Banding Laboratory fl-Istati Uniti tal-Amerika.


60      Dawn iċ-ċifri ġew ikkonfermati b’ittra tal-Kummissarju tal-Pulizija. Ara l-Anness B.28 tar-risposta.


61      Ara, b’mod simili, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2014 tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, Kaċċa għall-baleni fl-Antartiku (L‑Awstralja vs Il‑Ġappun: b’intervent min-New Zealand), Rapporti tal-QĠI, 2014, punti 220 sa 222.


62      Il-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna spjega li, kemm jekk tkun organizzata minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati, jew anki minn individwi, ir-riċerka għandha titwettaq mir-“riċerkatur [...] li jkollu bażi tajba fit-taħriġ edukattiv korrispondenti” u għandha tkun “maħsuba sabiex ikollha effett pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kumitat Permanenti, Provisions on Exceptions in accordance with Article 9 of the Bern Convention, T-PVS/Inf (2011) 23, p. 20, disponibbli fis-sit https://rm.coe.int/0900001680746b62 (ikkonsultat l-aħħar fid‑29 ta’ Frar 2024).


63      Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata); is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta (punt 34); u s-sentenza One voice (punt 28).


64      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑164/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:672, punt 26); is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta (punt 50); u s-sentenza One Voice (punt 31).