Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2024 (1)

Kawża C400/23

Proċeduri kriminali

kontra

VB,

fil-preżenza ta’

Sofiyska gradska prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt li persuna tkun preżenti fil-proċess tagħha – Artikolu 8(2) – Proċess li jwassal għal deċiżjoni ta’ kundanna jew ta’ liberazzjoni fil-kontumaċja – Modalitajiet għall-eżami tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid – Dritt tal-prosekuzzjoni u tad-difiża li jinstemgħu – Artikolu 8(4) – Forma u portata tar-rimedji legali disponibbli wara deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja – Għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja bid-drittijiet proċedurali tagħha – Modalitajiet – Artikolu 9 – Dritt għal proċess mill-ġdid – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid għall-preżentazzjoni minn qabel ta’ talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem awtorità ġudizzjarja li quddiemha l-persuna kkundannata fil-kontumaċja jkollha tidher personalment – Kompatibbiltà – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Artikolu 6 – Dritt li persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontriha”






I.      Introduzzjoni

1.        F’dan ir-rinviju preliminari, li huwa t-tieni rinviju magħmul fil-kuntest tal-kawża prinċipali, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet li jirrigwardaw, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent, fir-rigward ta’ persuna kkundannata fil-kontumaċja, tad-dritt għal proċess mill-ġdid tagħha u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni mogħtija lil din il-persuna dwar id-drittijiet proċedurali tagħha fis-sens tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (2).

2.        Fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Ġunju 2023, VB (Informazzjoni tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja) (3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, li jgħid li l-Istat Membru għandu jiżgura li meta l-persuna akkużata tiġi informata bid-deċiżjoni li tkun ingħatat fil-kontumaċja, b’mod partikolari meta din tiġi arrestata, hija għandha tiġi informata wkoll dwar il-possibbiltà li tikkontesta din id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid, ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali li tinkludi f’din id-deċiżjoni tali informazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-għażla tal-modalitajiet li skonthom tali informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna kkonċernata titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru, sakemm din tinġab għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata fil-mument meta din tiġi informata bid-deċiżjoni inkwistjoni (4).

3.        F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tixtieq tara dawn il-prinċipji fid-dawl tas-sistema proċedurali nazzjonali. Fil-fatt, hija tirrileva li, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, l-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi l-mertu tal-akkuża u li tagħti d-deċiżjoni fil-kontumaċja ma għandhiex il-kompetenza li tevalwa jekk il-persuna akkużata tistax tibbenefika minn proċess ġdid fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2016/343. F’dan ir-rigward, hija tindika li tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), li għandha tkun adita, minn qabel, b’talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali mill-persuna kkonċernata u li tiddeċiedi bil-kundizzjoni li din tidher personalment quddiemha.

4.        Il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ domandi preliminari intiżi li jiġi evalwat sa fejn tali modalitajiet jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fid-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (5), li tistabbilixxi wkoll mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li għalihom hija suġġetta l-persuna kkonċernata.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva 2012/13

5.        Id-Direttiva 2012/13 tistabbilixxi d-dritt għall-informazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

6.        L-Artikolu 3(1)(c) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi d-dritt li l-persuna tkun informata bid-drittijiet tagħha kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

[...]

(c)      id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6.”

7.        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

[...]”

2.      IdDirettiva 2016/343

8.        Id-Direttiva 2016/343 tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, regoli minimi komuni dwar, minn naħa, ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u, min-naħa l-oħra, id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fil-proċeduri kriminali tiegħu stess.

9.        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

(a)      il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

(b)      il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.

3.      Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata.

4.      Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9.”

10.      L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.”

B.      Iddritt Bulgaru

11.      L-Artikolu 15(2) u (3) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprovdi:

“(2)      Il-persuni akkużati u l-persuni l-oħra li jipparteċipaw fil-proċeduri kriminali għandu jkollhom il-mezzi proċedurali neċessarji kollha għad-difiża tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tagħhom.

(3)      L-imħallef, il-prosekutur u l-organi ta’ investigazzjoni għandhom jgħarrfu lill-persuni msemmija fil-paragrafu 2 bid-drittijiet proċedurali tagħhom u jiżgurawlhom il-possibbiltà li jeżerċitawhom.”

12.      L-Artikolu 423(1) sa (4) tan-NPK, jipprovdi:

“(1)      F’terminu ta’ sitt xhur minn meta tieħu konjizzjoni tal-kundanna kriminali definittiva […], il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess kriminali billi tinvoka l-assenza tagħha matul [il-proċedura kriminali]. Din it-talba għandha tintlaqa’, sakemm il-persuna kkundannata, wara li jkunu ġew ikkomunikati lilha l-kapi ta’ akkuża matul l-istruttorja, ma tkunx ħarbet, b’mod li l-proċedura prevista fl-Artikolu 247c(1) ma setgħetx tiġi eżegwita, jew ukoll, wara li l-imsemmija proċedura ġiet eżegwita, hija ma tkunx dehret fis-seduta mingħajr raġuni valida.

(2)      It-talba ma tissospendix l-eżekuzzjoni tal-kundanna kriminali, ħlief jekk il-qorti tipprovdi mod ieħor.

(3)      Il-proċedura għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura kriminali tingħalaq fil-każ li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma tidhirx mingħajr raġuni valida.

(4)      Meta persuna kkundannata fil-kontumaċja titqiegħed taħt detenzjoni b’eżekuzzjoni ta’ kundanna definittiva u l-qorti tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kriminali, hija għandha tiddeċiedi dwar il-miżura ta’ detenzjoni fid-deċiżjoni tagħha.”

13.      L-Artikolu 424(1) u (2) tan-NPK jipprovdi:

“(1)      It-talba għal ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali konformement mal-punt 5 tal-Artikolu 422(1) għandha tiġi eżaminata mill-Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell, il-Bulgarija) kompetenti, meta l-att imsemmi fl-Artikolu 419 jkun ingħata minn Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali, il-Bulgarija) jew minn Okrazhen sad (il-Qorti Reġjonali, il-Bulgarija) bħala qorti tal-appell, bl-eċċezzjoni ta’ sentenzi ġodda.

(2)      Barra mill-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid ta’ kawża kriminali għandha tiġi eżaminata mill-Varhoven kasatsionen sad [il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni].”

14.      L-Artikolu 425(2) tan-NPK jipprovdi:

“Fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 423(1), il-proċedura terġa’ tinfetaħ u l-kawża titmexxa għall-istadju li fih il-proċedura fil-kontumaċja tkun inbdiet.”

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari (6)

15.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra VB minħabba fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati punibbli b’piena ta’ priġunerija. Dawn il-proċeduri kriminali, sa mill-bidu tagħhom, tmexxew fl-assenza ta’ VB. Dan ma seta’ jirċievi ebda notifika formali tal-akkużi kontrih. Barra minn hekk, huwa ma seta’ jiġi informat la bil-fatt li l-każ tiegħu tressaq quddiem qorti, u lanqas, a fortiori, bid-data u lok tas-seduta jew bil-konsegwenzi tan-nuqqas li jidher. Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma rnexxielhomx jillokalizzaw lil VB, peress li dan ħarab matul il-fażi istruttorja, qabel l-operazzjoni tal-pulizija li kienet intiża li tarresta lill-persuni ssuspettati. Huwa ġie ddikjarat bħala “mfittex”, b’mod partikolari b’mandat ta’ arrest Ewropew, imma ma nstabx.

16.      Il-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għadhom pendenti u l-parti l-kbira tal-provi nġabru. Il-qorti nazzjonali adita b’dawn il-proċeduri kriminali, li inizjalment kienet l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), li wasslet għar-rinviju preliminari magħmul fil-kawża li wasslet għas-sentenza VB I u li llum hija s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), tistaqsi, minn naħa, fuq il-miżuri li hija jkollha tadotta sabiex tiggarantixxi li VB, jekk jiġi kkundannat fil-kontumaċja għal piena ta’ priġunerija, ikun informat, fil-mument tal-arrest tiegħu, bid-deċiżjoni mogħtija fil-konfront tiegħu kif ukoll bid-drittijiet proċedurali tiegħu skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza VB I.

17.      Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni Bulgara li tipprevedi mekkaniżmu li permezz tiegħu l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tiġi informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid biss fi tmiem is-seduta fejn tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, li għaliha hija jkollha tidher personalment, tissodisfax jew le r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2016/343 u, b’mod partikolari, id-dritt li tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid previst fl-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva [2016/343] għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn persuna tiġi kkundannata in absentia [fil-kontumaċja], mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, u fejn tkun ġiet imposta fuqha piena li ċċaħħadha mil-libertà, din il-persuna għandha tiġi informata bid-deċiżjoni tal-kundanna tagħha waqt l-arrest tagħha għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena?

b)      X’tifsira għandha tingħata lir-rekwiżit previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, [permezz tal-kliem] li ‘jiġu infurmati bid-deċiżjoni’, u dan ir-rekwiżit jeħtieġ li tingħata kopja ta’ din id-deċiżjoni?

c)      Fir-rigward ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni parti ta’ din l-ewwel domanda, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 tipprekludi d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li tiżgura li tingħata kopja ta’ din id-deċiżjoni?

2)      a)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ eżami ta’ akkuża kriminali u ta’ għoti ta’ deċiżjoni ta’ kundanna fl-assenza tal-persuna kkundannata, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, ma tipprevedi ebda modalità u ebda kundizzjoni ta’ informazzjoni tal-persuna kkundannata in absentia dwar id-dritt tagħha għal proċess ġdid fil-preżenza tagħha u, b’mod iktar preċiż, ma tipprevedix li tali informazzjoni għandha tingħata waqt l-arrest tal-persuna kkundannata in absentia, hija kompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343?

b)      Huwa rilevanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 423 tan-[NPK] tipprevedi l-għoti lill-persuna kkundannata in absentia ta’ informazzjoni dwar id-dritt tagħha għal proċess ġdid, iżda dan biss wara li din il-persuna tkun talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ kundanna u proċess ġdid fil-preżenza tagħha, billi din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha fil-forma ta’ deċiżjoni ġudizzjarja adottata b’reazzjoni għal din it-talba?

c)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, ir-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2016/343 ikunu osservati jekk il-qorti li teżamina akkuża kriminali u tagħti deċiżjoni ta’ kundanna fil-konfront ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ proċedura kriminali in absentia, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, tindika, fis-sentenza tagħha, id-dritt ta’ din il-persuna għal proċess ġdid jew għal rimedju ġudizzjarju ieħor u tobbliga lill-persuni li jwettqu l-arrest tal-persuna kkundannata jagħtuha kopja ta’ din id-deċiżjoni?

d)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jipprekludi d-deċiżjoni ta’ qorti, li tagħti deċiżjoni ta’ kundanna fil-konfront ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ proċedura kriminali in absentia, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, tindika, fid-deċiżjoni ta’ kundanna tagħha, id-dritt ta’ din il-persuna għal proċess ġdid jew għal rimedju ġudizzjarju ieħor taħt l-Artikolu 9 ta[l-imsemmija] Direttiva u tobbliga lill-persuni li jkunu ser iwettqu l-arrest tal-persuna kkundannata jagħtuha kopja ta’ din id-deċiżjoni ta’ kundanna?

3)      Liema huma l-ewwel u l-aħħar mumenti possibbli li fihom il-qorti għandha tiddetermina jekk il-proċedura kriminali żvolġietx fl-assenza tal-persuna li kienet is-suġġett tal-proċedura mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 u tieħu miżuri sabiex tiżgura li din il-persuna tiġi informata konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva?

4)      Fl-għoti tad-deċiżjoni msemmija fit-tielet domanda, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-prosekutur u tal-avukat difensur tal-persuna li hija s-suġġett ta’ proċedura kriminali in absentia?

5)      a)      X’tifsira għandha tingħata lill-espressjoni ‘possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni’ li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343: dritt għal azzjoni legali quddiem istanza superjuri jew kontestazzjoni ta’ deċiżjoni li kisbet is-saħħa ta’ res judicata?

b)      X’għandha tinkludi l-informazzjoni li għandha tingħata, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, lil persuna kkundannata in absentia, f’sitwazzjoni fejn ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2), dwar ‘id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9’: informazzjoni dwar id-dritt li tikseb tali rimedju ġudizzjarju jekk tikkontesta l-kundanna in absentia tagħha jew dwar id-dritt li tressaq talba f’dan is-sens, talba li l-fondatezza tagħha ser tiġi evalwata fi stadju ulterjuri?

6)      X’tifsira għandha tingħata lill-espressjoni ‘rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali’, użata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343?

7)      Leġiżlazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 423(3) tan-NPK) li tirrikjedi d-dehra personali tal-persuna kkundannata in absentia bħala kundizzjoni preliminari obbligatorja għall-eżami u għall-aċċettazzjoni tat-talba tagħha għal proċess ġdid hija konformi mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343?

8)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 japplikaw għall-persuni meħlusa mill-akkuża?”

19.      Hija l-Kummissjoni Ewropea biss li ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Analiżi

20.      Qabel neżamina dawn id-domandi, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2016/343, l-istess bħad-Direttiva 2012/13, ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 82(2) TFUE. Minn dan l-artikolu jirriżulta li, sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku kif ukoll il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi regoli minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri kriminali. Id-Direttiva 2016/343, skont il-premessa 9 u l-Artikolu 1 tagħha, għandha għaldaqstant bħala għan li ssaħħaħ id-dritt fundamentali għal proċess mill-ġdid fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’mod li żżid il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra, billi tiddefinixxi regoli minimi komuni li jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu (7). Dawn ir-regoli msejħa “minimi” jirrigwardaw, fir-realtà, prinċipji proċedurali li minnhom l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw u li huma essenzjali sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża u r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari tal-persuni li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja.

21.      Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, skont l-aħħar sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 82(2) TFUE, jieħu inkunsiderazzjoni t-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri, b’mod li ma tistax tiġi imposta sistema proċedurali unika, dawn is-sistemi proċedurali nazzjonali għandhom madankollu josservaw mhux biss il-prinċipji inkwistjoni, taħt piena li jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt irrikonoxxut lill-persuna akkużata biex tkun preżenti għal proċess tagħha, imma wkoll ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jwasslu għal kundanna fil-kontumaċja ta’ din il-persuna (8).

22.      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li, sa fejn il-kooperazzjoni transkonfinali tista’ tidher neċessarja, din tfittex li tiggarantixxi li d-deċiżjoni ta’ kundanna li din ser tagħti fi tmiem il-proċeduri li ser jitmexxew fl-assenza ta’ VB tkun tosserva l-garanziji proċedurali, b’mod li din id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membri l-oħra fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-eventwali mandat ta’ arrest Ewropew (9).

23.      Għal dan il-għan, din il-qorti għamlet diversi domandi preliminari li jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġbor flimkien għall-iskopijiet tal-eżami tagħhom.

A.      Leżami talkundizzjonijiet li jirregolaw irrikonoxximent ta’ dritt għal proċess ġdid (ittielet, irraba’, isseba’ u ttmien domanda preliminari)

24.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-kundizzjonijiet li taħthom hija tista’ tikkonstata li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma ġewx issodisfatti u li dawk li jirrigwardaw ir-rikonoxximent ta’ dritt għal proċess ġdid, fis-sens tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, ġew issodisfatti. Għalkemm, permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-eżami għandux isir meta l-persuna akkużata tkun ingħatat deċiżjoni li tilliberaha, hija tistaqsi, permezz tat-tielet domanda tagħha, fuq l-“ewwel u l-aħħar mumenti possibbli” li fihom għandu jsir l-imsemmi eżami u, permezz tar-raba’ domanda tagħha, fuq in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet kemm tal-prosekutur kif ukoll tal-avukat tad-difiża, għall-iskopijiet ta’ dan.

25.      L-analiżi ta’ kull waħda minn dawn id-domandi teħtieġ li jitfakkar, b’mod preliminari, is-sens u l-portata tal-evalwazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343.

26.      L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxu sistema legali li tiggarantixxi lill-persuna ssuspettata u lill-persuna akkużata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali d-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom (10). Filwaqt li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istat Membru l-obbligu li jiżgura l-osservanza tad-dritt li persuna tkun preżenti għall-proċess tagħha, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(2) u (4) tal-imsemmija direttiva, jistabbilixxi żewġ sistemi legali li jippermettu lill-Istat Membru li jiddeċiedi fuq il-mertu tal-akkuża fi tmiem il-proċedura mmexxija fl-assenza tal-persuna akkużata, filwaqt li jiggarantixxu r-rispett effettiv tad-dritt għall-proċess.

27.      Is-sistema stabbilita fl-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 2016/343, moqri fid-dawl tal-premessi 35 sa 37 ta’ din id-direttiva, tikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru jista’ jipprovdi li proċess ikun jista’ jitmexxa u jkun jista’ jirriżulta f’“deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza” tal-persuna akkużata u jeżegwixxi din id-deċiżjoni mingħajr ma jipprovdi d-dritt għal proċess mill-ġdid minħabba li din il-persuna tkun irrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku li tidher għall-proċess tagħha jew li tiddefendi ruħha, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Kull rinunzja għad-dritt li persuna tidher jew li tiddefendi ruħha timplika għaldaqstant l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fi tmiem il-proċess immexxi fil-kontumaċja u l-impossibbiltà tal-persuna akkużata li tikkontesta din id-deċiżjoni u li titlob ġudizzju ġdid.

28.      Min-naħa l-oħra, is-sistema prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 tippreżumi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma setgħux ikunu ssodisfatti, peress li l-persuna akkużata ma setgħetx tinstab minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet kompetenti. Hija tippermetti lill-Istat Membru jipprovdi li din il-persuna tkun tista’ tiġi ġġudikata fl-assenza tagħha u li tkun tista’ tingħata “deċiżjoni” bil-kundizzjoni li l-imsemmija persuna tkun debitament informata bil-possibbiltà li tikkontesta din id-deċiżjoni u bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor, skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva (11).

29.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

1.      Ilbenefiċjarji taddritt għallproċess millġdid

30.      Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt għal proċess mill-ġdid, previsti rispettivament fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, japplikawx meta l-persuna akkużata tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ liberazzjoni mogħtija f’kontumaċja.

31.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom “deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata” (12) tista’ tiġi eżegwita fi tmiem proċess li jkun tmexxa fl-assenza tagħha, tali preċiżazzjoni la tinsab fl-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva, li jirregola ċ-ċirkustanzi li fihom “xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita” (13), u lanqas fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom “id-deċiżjoni oriġinali” (14) tkun tista’ tiġi annullata minħabba li jseħħ proċess ġdid.

32.      L-ewwel nett, jidhirli li din id-domanda tikkonċerna ipoteżi pjuttost teoretika fejn persuna lliberata fl-assenza tagħha tikkontesta d-deċiżjoni ta’ liberazzjoni u titlob għal proċess ġdid bir-riskju li, din id-darba, tiġi kkundannata.

33.      Imbagħad, meħuda inkunsiderazzjoni r-rabta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi bejn l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, ma hemm ebda dubju li dawn id-dispożizzjonijiet jifformaw grupp bejniethom, li jeħtieġu qari u fehim flimkien. Mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din id-direttiva jirriżulta għaldaqstant li dan il-leġiżlatur ried fil-fatt jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-tmexxija ta’ proċess fil-kontumaċja u, b’mod partikolari, tal-garanziji proċedurali li huma assoċjati miegħu, bħala li jkopru kull proċedura kriminali li l-għan tagħha huwa li tiġi evalwata “l-kwistjoni tal-ħtija tal-persuna akkużata (kemm id-deċiżjoni dwar il-kundanna u dik dwar il-liberazzjoni)” (15).

34.      Fl-aħħar nett, jekk il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja tiġi eskluża, fil-prinċipju, mid-dritt għal proċess ġdid, minħabba li hija ġiet illiberata, ikun ifisser li ġie miksur, b’mod manifest, is-sens u l-għan tad-dritt li persuna tkun preżenti għall-proċess tagħha u tinkiser in-natura ekwa tal-proċeduri li minnhom hija tikkostitwixxi element essenzjali (16). Fil-fatt, anki jekk din il-persuna tiġi lliberata, hija tista’ tikkunsidra lilha nnifisha bħala li ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li “tinstema’” mill-qorti u li tikkontrasta lix-xhieda u/jew lill-vittmi, ħaġa li hija element fundamentali mill-proċess kriminali (17).

35.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, minn dan jiena nikkonkludi li l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma japplikaw għall-persuna li fil-konfront tagħha ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja ta’ liberazzjoni.

2.      Ilmodalitajiet proċedurali tależami li jirregolaw irrikonoxximent taddritt għal smigħ xieraq

36.      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 2016/343 ma tagħmilx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċeduri kriminali (18). Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sostantivi li taħthom l-Istat Membru huwa meħtieġ li jiżgura li l-persuna li fir-rigward tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja tibbenefika jew le minn dritt għal proċess mill-ġdid skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, huwa ma jiddeterminax, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet proċedurali li permezz tagħhom għandha ssir l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, u b’mod partikolari, il-kuntest kif ukoll it-terminu li fihom din għandha sseħħ.

37.      Skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali huwa għalhekk l-obbligu tal-Istat Membru li jiddefinixxi, skont il-partikolaritajiet tas-sistema legali tiegħu, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet proċedurali li jirrigwardaw dan l-eżami bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli minn dawk f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (19).

38.      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 47 tad-Direttiva 2016/343, l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali rrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (20) kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (21).

39.      Huwa fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi u b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u tad-dritt għal smigħ xieraq li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk Stat Membru pprevediex proċeduri li jippermettu r-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid wara li l-awtorità ġudizzjarja tkun iddeċidiet fuq il-mertu tal-akkuża u tat deċiżjoni fil-kontumaċja (22).

40.      L-“ewwel mument” li fih l-Istat Membru jista’ jipprevedi l-proċeduri li jirrigwardaw dan l-eżami huwa, fil-fehma tiegħi, faċilment identifikabbli, peress li jikkorrispondi għall-ftuħ tal-proċess. Fil-fatt, huwa biss b’effett mill-mument li l-awtorità ġudizzjarja tikkonstata li l-persuna akkużata hija assenti mill-proċess tagħha jew li ma hijiex irrappreżentata, li hija tista’ tevalwa sa fejn din il-persuna rrinunzjat b’mod inekwivoku milli tidher jew milli tiddefendi ruħha u biex tmexxi l-proċeduri kriminali fil-kontumaċja.

41.      Min-naħa l-oħra, l-“aħħar mument”, b’mod ġenerali, jikkorrispondi, fil-fehma tiegħi, għall-mument li fih l-awtoritajiet kompetenti jkunu fiħsiebhom jeżegwixxu d-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, filwaqt li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma jkunux issodisfatti. Fil-fatt, is-sistema legali tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva ma hijiex li tipprevedi l-possibbiltà li persuna tiġi ġġudikata fl-assenza tagħha, imma li tippreċiża l-konsegwenzi marbutin mal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, barra mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva. Fil-proċeduri kriminali, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna tippreżumi li din tkun eżekuttiva u definittiva. F’każ fejn l-awtorità ġudizzjarja tkun iddeċidiet fuq il-mertu tal-akkuża u tat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li l-persuna akkużata kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun possibbli biss jekk din il-persuna ma teżerċitax ir-rimedji previsti mid-dritt nazzjonali jew ma titlobx proċess mill-ġdid. F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li xejn ma jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi proċedura li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jeżaminaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tad-dritt għal smigħ xieraq fi stadju ulterjuri tal-proċeduri kriminali, wara li l-awtorità ġudizzjarja tkun tat deċiżjoni fil-kontumaċja, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun ġiet sospiża sa tmiem dan l-eżami.

42.      Madankollu, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-“aħħar mument” possibbli li fih hija tista’, bħala qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-akkuża, tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti, b’mod, jekk ikun il-każ, li tinforma lill-persuna akkużata bil-possibbiltà li tikkontesta d-deċiżjoni li hija tkun ser tagħti u bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid, dan l-“aħħar mument” huwa dak fejn din il-qorti tagħti d-deċiżjoni li permezz tagħha hija tiddeċiedi fuq il-ħtija jew l-innoċenza ta’ din il-persuna peress li, imbagħad, din il-qorti tkun għamlet xogħolha.

43.      Jeħtieġ issa li jiġi eżaminat sa fejn il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-prosekuzzjoni u dawk tal-avukat tad-difiża għall-iskopijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343.

44.      Infakkar li dan l-eżami jikkostitwixxi fażi essenzjali tal-proċeduri kriminali peress li, mill-eżitu tiegħu jiddependu kemm l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, kif ukoll it-tmexxija ta’ proċess mill-ġdid. L-imsemmi eżami għandu, għaldaqstant, iseħħ b’osservanza tal-garanziji proċedurali li jiżguraw lill-persuni kkonċernati r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta.

45.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża, jimplika b’mod partikolari li l-partijiet f’kawża għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti jew l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom (23). Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq, dan jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż il-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha (24).

46.      Fil-kuntest ta’ proċedura intiża li tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 kinux issodisfatti, il-persuna akkużata għandha tkun tista’ tinstema’ u tinvoka b’mod effettiv, jekk ikun il-każ, permezz tal-avukat tagħha, il-motivi kollha li jiġġustifikaw li wieħed jirrikonoxxilha d-dritt għal proċess mill-ġdid, speċjalment meta r-rappreżentanza tagħha minn avukat hija, fil-prinċipju, tali li turi li hija tixtieq tiggarantixxi d-dritt tagħha li tiddefendi ruħha (25).

47.      Fid-dawl tan-natura tal-eżami magħmul mill-awtorità kompetenti, il-persuna akkużata għandha tkun tista’ tiddibatti bil-mezz tal-kontradittorju fuq il-punti ta’ fatt li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura. Hija għandha, b’mod partikolari, tinstema’ fuq il-punt dwar jekk hija kinitx taf bin-natura u bil-kawża tal-akkuża miġjuba kontra tagħha kif ukoll dwar jekk hija ġietx innotifikata personalment b’din l-akkuża jew ġietx imħarrka debitament. Għaldaqstant, dan l-eżami jeżiġi mill-awtorità kompetenti li hija tistabbilixxi l-eżistenza jew le ta’ rinunzja fuq il-bażi ta’ fatti preċiżi, oġġettivi u rilevanti. F’dan il-kuntest, l-osservazzjonijiet magħmula kemm mill-prosekuzzjoni kif ukoll mid-difiża jidhru essenzjali u jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343.

48.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru jista’ jipprevedi proċeduri li jirrigwardaw l-eżami tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ dritt għal proċess mill-ġdid, stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, wara li l-awtorità ġudizzjarja tkun tat deċiżjoni fil-kontumaċja kontra l-persuna akkużata, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tiġi sospiża sa tmiem dan l-eżami u li l-awtorità kompetenti tisma’, għal dan il-għan, kemm lill-prosekuzzjoni kif ukoll lid-difiża.

49.      Madankollu, għal darba oħra hawnhekk, il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda fil-mument fejn hija għandha tiddeċiedi fil-kontumaċja u tixtieq tkun taf jekk, għall-iskopijiet li jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti jew le, hija għandhiex tisma’ l-opinjoni tal-prosekuzzjoni u tal-avukat maħtur biex jiddefendi l-interessi tal-persuna akkużata. Fil-fehma tiegħi, il-prinċipji msemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet huma applikabbli.

3.      Ilmodalitajiet proċedurali li jirrigwardaw irrikonoxximent taddritt għal proċess millġdid, previsti flArtikolu 423 tanNPK

50.      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema proċedurali nazzjonali li fiha l-persuna, li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni ta’ kundanna ta’ priġunerija fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, hija obbligata, biex tibbenefika mid-dritt għal proċess mill-ġdid, li tippreżenta talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), u li tidher personalment quddiemha.

51.      Sistema proċedurali bħalma hija dik inkwistjoni ma jidhirlix li tista’ tiġi kkritikata, minnha nnifisha, mhux biss għar-raġunijiet esposti fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, imma wkoll fid-dawl tar-regola stabbilita mill-Artikolu 82(2) TFUE, jiġifieri li r-regoli adottati fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri.

52.      Jibqa’ meħtieġ, madankollu, li din is-sistema proċedurali tosserva, fl-istadju tal-implimentazzjoni tagħha, il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid stabbiliti mill-Artikolu 8(2) u (4), kif ukoll mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u tippermetti, minħabba l-karatteristiċi tagħha, lill-persuna li tkun ġiet ikkundannata fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod sħiħ, ħaġa li jeħtieġ li tiġi eżaminata hawnhekk (26).

53.      Issa, mingħajr ħsara għall-verifiki li jkollha tagħmel il-qorti tar-rinviju, jidhirli li l-karatteristiċi ta’ din is-sistema, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jippermettux li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet proċedurali ta’ din il-persuna.

54.      Infakkar li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali tikkostitwixxi fażi partikolari tal-proċedura kriminali li l-importanza tagħha tista’ tirriżulta li hija kardinali għall-persuna li tkun ġiet ikkundannata għall-priġunerija fil-kontumaċja. Il-possibbiltà li tiġi ppreżentata tali talba hija, għaldaqstant, essenzjali, speċjalment meta, peress li l-appell ma jkunx iktar possibbli, din tkun l-unika azzjoni disponibbli biex twassal għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-mertu tal-kawża (27).

55.      Issa, skont l-Artikolu 423(2) tan-NPK, il-preżentata ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali ma għandhiex effett sospensiv “ħlief jekk il-qorti tipprovdi mod ieħor”. Minnha nnifisha, tali modalità jidhirli li tmur kontra l-prinċipju li jgħid li deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja ma tistax tkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni immedjata sakemm ma jkunx ġie stabbilit jekk il-persuna kkonċernata għandhiex dritt jew le għal proċess mill-ġdid.

56.      Barra minn hekk, mill-Artikolu 423(3) tan-NPK jirriżulta li l-eżami tat-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali jeżiġi, fil-prinċipju, id-dehra personali tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja (28). Din il-proċedura tingħalaq fil-fatt meta din il-persuna ma tidhirx personalment quddiem il-qorti kompetenti, sakemm ma jkollhiex ġustifikazzjoni valida.

57.      Indipendentement min-natura ta’ din il-ġustifikazzjoni u minn kemm din il-persuna tkun tista’ tkun irrappreżentata minn avukat, tali rekwiżit iwassal biex jissuġġetta d-dritt għal proċess mill-ġdid iggarantit mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għall-kundizzjoni li ma hijiex prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

58.      Ċertament, dan ir-rekwiżit jissodisfa x-xewqa leġittima li ma tkunx ostakolata abbużivament l-effettività tal-prosekuzzjonijiet u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (29). Fil-kuntest ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, wieħed ma jistax fil-fatt jikkritika lil Stat Membru li jixtieq jevita s-sitwazzjonijiet fejn din it-talba tiġi ppreżentata b’mod abbużiv, b’nuqqas ta’ serjetà jew motivazzjoni, sabiex jostakola l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja. Wieħed lanqas ma jista’ jikkritikah li jippreferi x-xhieda personali tal-persuna inkwistjoni sabiex jevalwa r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-assenza tagħha mill-proċess. Kif irrikonoxxiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dehra hija importanti minħabba kemm id-dritt tal-persuna akkużata li tinstema’ u biex tagħti lill-qorti “il-verżjoni tal-fatti tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (30) kif ukoll minħabba l-ħtieġa li tivverifika l-eżattezza tal-affermazzjonijiet tagħha (31).

59.      Madankollu, tali rekwiżit jista’ jinvolvi restrizzjoni partikolarment severa tad-dritt li persuna tibbenefika minn proċess mill-ġdid, meta l-persuna inkwistjoni tkun ikkundannata għal piena ta’ priġunerija. Fil-fatt, f’tali każ, jidher li din il-persuna ma għandhiex għażla oħra ħlief li tidher personalment, u konsegwentement, tikkostitwixxi ruħha priġuniera b’eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja, jekk hija tixtieq tibbenefika minn proċess mill-ġdid, peress li l-assenza tagħha “mingħajr raġuni valida” tkun timplika, skont l-Artikolu 423(3) tan-NPK, għeluq il-proċeduri u għaldaqstant, ir-rinunzja tagħha għal proċess ġdid. Peress li t-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali ma għandhiex effett sospensiv, l-imsemmija persuna tittieħed fil-prinċipju f’detenzjoni għall-iskopijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fil-kontumaċja “ħlief jekk il-qorti tipprovdi mod ieħor”, u dan minkejja li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ma tkunx għadha stabbilixxiet jekk hija kinitx irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha. Barra minn hekk, inżid li d-deċiżjoni ta’ kundanna ssir irrevokabbli fil-każ fejn din it-talba tkun ġiet miċħuda, peress li t-terminu għall-appell ikun skada u d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tiċħad it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali ma hijiex fiha nnifisha appellabbli.

60.      Meħuda inkunsiderazzjoni l-importanza tat-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li tista’ tirriżulta li hija kruċjali għall-persuna kkundannata għall-piena ta’ priġunerija fil-kontumaċja, naħseb li r-rekwiżit għad-dehra personali, inkwantu jikkostitwixxi prerekwiżit u kundizzjoni obbligatorja għall-eżami tat-talba u, għaldaqstant, għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, ma jiġġustifikax li din tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid peress li hija ma dehritx personalment għalih. Tali modalità, miżjuda mal-karatteristiċi l-oħra ta’ din il-proċedura, tista’ twassal għal restrizzjoni eċċessiva tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja, u dan speċjalment meta, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 423 tan-NPK jistabbilixxi l-unika rimedju disponibbli kontra kundanna fil-kontumaċja ladarba din tikseb, fis-sittax-il jum wara l-għoti tagħha, l-awtorità ta’ res judicata.

61.      Din l-interpretazzjoni taqa’ taħt il-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jeħtieġ li issa tittieħed inkunsiderazzjoni (32). Din tgħid li d-dritt għal proċess mill-ġdid jieħu preċedenza fuq l-importanza tad-dehra tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja quddiem il-qorti. Il-fatt li l-persuna akkużata, għalkemm debitament informata, ma tidhirx, peress li hija prekluża jew tippreferi tastjeni għal raġunijiet personali, ma jistax, skont din u anki fin-nuqqas ta’ skuża, jiġġustifika li hija tiġi mċaħħda mid-dritt li tibbenefika minn proċess ġdid. Din il-qorti tgħid ukoll li r-regola li tgħid li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma tistax tkun irrappreżentata minn avukat tidher li hija wkoll manifestament sproporzjonata, peress li hija twassal biex tissanzjona in-nuqqas tar-rikorrent li jidher bi projbizzjoni assoluta kontra kull difiża (33).

62.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis ukoll li huwa sproporzjonat li jiġi impost tali rekwiżit biex wieħed jikseb proċess mill-ġdid jekk l-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu, barra minn hekk, għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja (34). Fil-fehma tagħha, tali modalità twassal biex il-benefiċċju tad-dritt għal smigħ xieraq ikun suġġett għal “tip ta’ garanzija, li hija l-libertà fiżika tal-persuna kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u hija intiża li tissostitwixxi proċeduri li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija b’obbligu li jaqa’ fuq l-akkużat stess (35). Issa, għalkemm ir-rieda li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji hija minnha nnifisha leġittima, din il-qorti tgħid li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom mezzi oħra li jippermettulhom jiżguraw ruħhom bil-preżenza tal-persuna kkundannata (36). Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, persuna libera ma għandhiex tkun obbligata tikkostitwixxi ruħha priġuniera b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja, indipendentement mid-dewmien, anki jekk qasir, taċ-ċaħda tal-libertà biex tibbenefika mid-dritt li tkun iġġudikata mill-ġdid taħt kundizzjonijiet konformi mal-Artikolu 6 tal-KEDB, peress li tali modalità tikser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza (37).

63.      Fis-sentenza Khalfaoui vs Franza, li kienet tirrigwarda dispożizzjoni tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Franċiż li tgħid li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tal-preparazzjoni tal-kawża ssanzjonat bir-revoka tal-appell tal-kassazzjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet “fid-dawl tal-importanza tal-istħarriġ finali mwettaq mill-Qorti tal-Kassazzjoni [Franza] fil-qasam kriminali u tal-importanza ta’ dan l-istħarriġ għal dawk li jistgħu jkunu kkundannati għal pieni ħorox ta’ priġunerija, il-Qorti ssostni li din hija sanzjoni partikolarment ħarxa fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal qorti ggarantit mill-Artikolu 6 tal-[KEDB]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (38). Hija żiedet, barra minn hekk, li “l-inammissibbiltà ta’ appell ta’ kassazzjoni, ibbażata biss [...] fuq il-fatt li r-rikorrent ma kkostitwixxiex ruħu priġunier b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li hija s-suġġett tal-appell, torbot lill-persuna kkonċernata biex timponi fuqha stess mill-ewwel iċ-ċaħda tal-libertà li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li din id-deċiżjoni ma tistax titqies bħala definittiva sakemm ma jkunx ġie deċiż l-appell jew li t-terminu tal-appell ma jkunx iddekorra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (39). Din il-qorti qieset li dan jista’ “jippreġudika għaldaqstant is-sustanza stess tad-dritt ta’ appell, billi r-rikorrent ikollu fuqu piż sproporzjonat, li jikser il-bilanċ ġust li għandu jeżisti bejn, minn naħa, ir-rieda leġittima li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ aċċess għall-qorti ta’ kassazzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (40).

64.      Konsegwentement, għalkemm is-sistema proċedurali inkwistjoni ma jidhirlix li tista’ tiġi kkritikata fejn teżiġi li l-persuna akkużata tippreżenta, quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali sabiex tibbenefika minn proċess ġdid, jidhirli, min-naħa l-oħra, li ċerti karatteristiċi ta’ din il-proċedura u, b’mod partikolari, il-fatt li ma hijiex akkumpanjata b’effett sospensiv u l-fatt li teżiġi d-dehra personali ta’ din il-persuna, ma jippermettux li jiġi ggarantit lil din il-persuna li teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt li tkun preżenti għal proċess tagħha.

65.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidhirli li t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jistabbilixxi proċedura li teżiġi mingħand il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, li hija tippreżenta, quddiem l-awtorità kompetenti, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali sabiex din l-awtorità tevalwa, fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, jekk din il-persuna tibbenefikax mid-dritt għal proċess mill-ġdid, sakemm il-karatteristiċi ta’ dawn il-proċeduri jippermettu li jiggarantulha d-dritt li tkun preżenti għall-proċess tagħha kif ukoll li teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha.

66.      Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu r-regola li tgħid li tali proċedura ma għandhiex effett sospensiv u teżiġi, iktar minn hekk, id-dehra personali tal-persuna kkundannata għall-priġunerija fil-kontumaċja.

B.      Ilportata u lkontenut tad-dritt għallinformazzjoni talpersuna kkundannata filkontumaċja (lewwel, ittieni u lħames domanda preliminari)

67.      Permezz tal-ewwel, it-tieni u l-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li persuna li fil-konfront tagħha ngħatat, fil-kontumaċja, deċiżjoni ta’ kundanna ta’ priġunerija, meta ma jkunx ġie stabbilit, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, ma tkunx informata, fil-mument tal-arrest tagħha, la b’din id-deċiżjoni, la bil-possibbiltà li tikkontestaha u lanqas bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal xi rimedju legali ieħor. Din il-qorti tistaqsi wkoll fuq il-forma u l-kontenut li għandu jkollha din l-informazzjoni.

68.      L-imsemmija qorti tagħmel dawn id-domandi inkwantu, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, id-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja ma tkunx innotifikata lill-persuna inkwistjoni u din ma tiġix, barra minn hekk, informata bid-drittijiet proċedurali tagħha u, b’mod partikolari, bil-possibbiltà li tippreżenta talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali skont l-Artikolu 423 tan-NPK.

69.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għaldaqstant sa fejn Stat Membru huwa obbligat jipprevedi proċeduri biex, fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront tagħha jew fil-mument tal-arrest ta’ din il-persuna, din tkun informata b’din id-deċiżjoni, jekk ikun il-każ, billi jiżgura li tingħatalha kopja sħiħa ta’ din id-deċiżjoni.

70.      Barra minn hekk, permezz tat-tieni domanda tagħha, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar il-mod li bih Stat Membru għandu jissodisfa d-dmir tiegħu li jipprovdi l-informazzjoni f’sistema proċedurali bħalma hija dik inkwistjoni, fejn, fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew fil-mument tal-arrest tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja, l-awtoritajiet kompetenti jkunu għadhom ma ddeċidewx dwar l-eżistenza tad-dritt għal proċess mill-ġdid, peress li dan id-dritt jingħata fi stadju ulterjuri, fi tmiem l-eżami ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li din il-persuna jkollha tippreżenta.

1.      Ilkuntest tależami taddomandi

71.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-persuna li fil-konfront tagħha tkun ġiet adottata deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, meta din tiġi informata b’din id-deċiżjoni, b’mod partikolari fil-mument li tiġi arrestata, tiġi informata wkoll dwar il-possibbiltà li tikkontestaha u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra.

72.      Mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod inekwivoku li l-leġiżlatur tal-Unjoni jitfa’ fuq l-Istat Membru obbligu li jkollu riżultat preċiż, dak li jiżgura li l-persuna li fil-konfront tagħha tkun ġiet adottata deċiżjoni fil-kontumaċja tkun informata bid-drittijiet proċedurali tagħha fil-mument li hija tkun informata b’din id-deċiżjoni u, l-iktar tard, fil-mument tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari, fil-mument tal-arrest tal-persuna kkundannata f’każ ta’ kundanna għal piena ta’ priġunerija. Din hija regola minima, li tirrigwarda prinċipju proċedurali essenzjali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ din il-persuna, li minnha l-Istat Membru ma jistax jidderoga.

73.      Għaldaqstant, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jipprekludi li persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, ma tiġix informata, fil-mument tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew fil-mument tal-arrest tagħha, la bl-imsemmija deċiżjoni, la bil-possibbiltà li tikkontestaha u lanqas bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal xi rimedju legali ieħor. Fil-fatt, tali sitwazzjoni twassal biex jiġu mċaħħda minn kull effettività d-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna u sabiex jixxejjen il-kontenut tad-dritt għal proċess mill-ġdid sanċit fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

74.      Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 la għandha bħala suġġett u lanqas bħala għan li tiddetermina l-modalitajiet ta’ dan id-dmir ta’ informazzjoni u, b’mod partikolari, dawk li permezz tagħhom il-persuna akkużata għandha, fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew fil-mument tal-arrest tagħha, tiġi informata, minn naħa, b’din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal xi rimedju legali ieħor.

75.      Fil-fehma tiegħi, dawn il-modalitajiet partikolari għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ġenerali previsti mid-Direttiva 2012/13 dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, li għaliha tagħmel riferiment il-premessa 8 tad-Direttiva 2016/343 (41). Kif jirriżulta mill-premessa 25 tad-Direttiva 2012/13, din hija marbuta mill-qrib mad-Direttiva 2010/64/UE (42) li tagħti lil dawk, fost dawn il-persuni, li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċeduri kriminali kkonċernati d-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni tal-informazzjoni hekk ikkomunikata.

76.      Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2012/13 hija intiża li tistabbilixxi regoli minimi komuni li jikkonċernaw id-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u tal-akkuża miġjuba kontrihom (43). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt imsemmi f’dan l-Artikolu 1 jikkonċerna, tal-inqas, żewġ drittijiet distinti (44).

77.      L-ewwel wieħed huwa d-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati li jkunu informati “bħala minimu”, b’ċerti drittijiet proċedurali, kif japplikaw fid-dritt nazzjonali. Dan id-dritt huwa sanċit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13 u huwa fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni li ser neżamina l-modalitajiet li jirrigwardaw ir-rispett tad-dritt li persuna tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor sanċit fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343.

78.      It-tieni wieħed huwa d-dritt li persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontriha, sanċit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13. Huwa fid-dawl ta’ dan l-aħħar artikolu li ser neżamina l-kundizzjonijiet li taħthom il-persuna kkundannata fil-kontumaċja għandha, fil-mument tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront tagħha jew fil-mument tal-arrest tagħha, tkun informata b’din id-deċiżjoni.

79.      Biex tkun żgurata l-effettività tad-dritt għall-informazzjoni hekk prevista, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13 jistabbilixxi li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jew l-avukati tagħhom għandhom ikollhom id-dritt li jikkontestaw, skont il-proċeduri nazzjonali, il-fatt eventwali li l-awtoritajiet kompetenti ma jipprovdux jew jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni skont din id-direttiva.

2.      Linformazzjoni dwar iddeċiżjoni ta’ kundanna mogħtija filkontumaċja

80.      Mill-kliem tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta, inekwivokament, li dan l-artikolu la għandu bħala suġġett u lanqas bħala għan li jiddetermina l-modalitajiet li bihom Stat Membru għandu jiżgura, meta tkun qiegħda tiġi eżegwita deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew mal-arrest ta’ persuna li fil-konfront tagħha tkun ġiet adottata din id-deċiżjoni, li din il-persuna tkun informata bl-imsemmija deċiżjoni. Bil-fatt li l-Istat Membru jiġi obbligat jipprovdi biex il-persuna akkużata tkun informata bid-drittijiet proċedurali tagħha meta din tiġi “infurmat[a]” bid-deċiżjoni mogħtija fil-konfront tagħha, “b’mod partikolari meta d[i]n [t]inqab[a]d”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jobbliga lil dan tal-aħħar biex jibgħat kopja sħiħa ta’ din id-deċiżjoni, li magħha tkun miżjuda dikjarazzjoni tad-drittijiet fil-mument stess tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni jew meta jipproċedi għall-arrest ta’ din il-persuna.

81.      Tali modalitajiet għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu ddeterminati fid-dawl tar-regoli li jirrigwardaw id-dritt li persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontra tagħha, previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 u ta’ dawk li jikkonċernaw id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

82.      Fis-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (45), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 2, 3 u 6 tad-Direttiva 2012/13, in-notifika ta’ digriet kriminali, bħalma hija dik prevista fid-dritt Ġermaniż, għandha titqies bħala forma ta’ komunikazzjoni tal-akkuża mressqa kontra l-persuna kkonċernata, b’tali mod li din għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 6 (46). Infakkar li, skont id-dritt Ġermaniż, id-digriet kriminali huwa deċiżjoni provviżorja mogħtija minn qorti fuq talba tal-prosekutur għal reati minuri li ma jeħtiġux id-dehra fiżika tal-persuna kkundannata. Dan id-digriet, li jingħata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ssimplifikata, mingħajr seduta, isir res judicata mal-iskadenza tat-terminu ta’ ġimagħtejn min-notifika tal-imsemmi digriet, jekk ikun il-każ, lir-rappreżentanti tal-persuna kkundannata (47).

83.      Għal raġunijiet simili għal dawk adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, nikkunsidra li l-informazzjoni dwar deċiżjoni li ngħatat fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li l-persuna akkużata rrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, għandha titqies bħala forma ta’ komunikazzjoni tal-akkuża miġjuba kontra din il-persuna, b’mod li din l-informazzjoni għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13.

84.      Minn naħa, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2012/13 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda b’mod ċar li din id-direttiva tapplika matul il-proċeduri kriminali kollha, sa mill-ewwel suspetti sal-għoti tas-sentenza, jekk ikun il-każ, wara l-eżawriment tar-rimedji legali (48).

85.      Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija fil-kontumaċja skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, id-deċiżjoni tingħata, minkejja li jkunx magħruf jekk il-persuna akkużata riditx tirrinunzja milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, b’mod li din l-informazzjoni tista’ tirrappreżenta, fir-realtà, l-ewwel okkażjoni għal din il-persuna biex tkun informata bl-akkuża miġjuba kontra tagħha. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li din il-persuna, jekk hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, tista’ tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess jew l-aċċess għal rimedju legali ekwivalenti li fil-kuntest tiegħu hija tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha, qabel ma l-awtorità ġudizzjarja tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-fondatezza tal-akkuża fil-fatt kif ukoll fid-dritt.

86.      Għaldaqstant, jidhirli li d-dritt li persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontriha, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, jinvolvi wkoll id-dritt, għall-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, li tkun informata b’din id-deċiżjoni.

87.      Ċertament, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2012/13 ma tirregolax il-modalitajiet kif l-informazzjoni dwar l-akkuża, prevista fl-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi kkomunikata lill-persuna akkużata (49). L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istat Membru għandu jiżgura li tiġi kkomunikata fil-pront u b’mod suffiċjentement iddettaljat lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata l-informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu sabiex tkun iggarantita n-natura ekwa tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirrigwarda speċifikament il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata li tiġi arrestata jew detenuta. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jiżgura li din tkun informata bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħha, inkluż bl-att kriminali li hija tkun issuspettata jew akkużata li wettqet. Fl-aħħar nett, skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, l-Istat Membru għandu jiżgura li, mhux iktar tard minn meta l-qorti tkun mitluba tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-akkuża, tingħata informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża, inklużi dwar in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll dwar in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

88.      Meħud inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikonoxxi lill-Istati Membri, huma dawn tal-aħħar li għandhom l-obbligu li jiddefinixxu, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-sistema proċedurali tagħhom, il-modalitajiet li bihom il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, għandha tiġi informata b’din id-deċiżjoni. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn il-modalitajiet ma għandhomx jiksru l-għan imfittex b’mod partikolari mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 27 tal-imsemmija direttiva, fil-possibbiltà li din il-persuna tipprepara d-difiża tagħha u fil-garanzija tan-natura ekwa tal-proċedura (50).

89.      Fil-kuntest partikolari fejn il-persuna akkużata tiġi arrestata b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna li tkun ingħatat fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, l-informazzjoni li din il-persuna tirċievi fil-mument stess tal-arrest tagħha hija intiża li tinformaha bir-raġunijiet għall-arrest tagħha u bl-akkużi miġjuba kontriha, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, kif ukoll bid-drittijiet proċedurali tagħha.

90.      Dan l-għan ma jeżiġix, fil-fehma tiegħi, li dan l-Istat Membru jkun obbligat, meta l-awtoritajiet kompetenti jipproċedu għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew għall-arrest tal-persuna akkużata, li dawn l-awtoritajiet iwettqu dmirhom li jagħtu l-informazzjoni billi jagħtuha, fil-mument ta’ din l-eżekuzzjoni jew ta’ dan l-arrest, kopja sħiħa ta’ din id-deċiżjoni. Tali rekwiżit ma huwiex neċessarju. Is-sempliċi informazzjoni dwar il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni u dwar il-fatt li ngħatat fl-assenza ta’ din il-persuna tidher suffiċjenti.

91.      Min-naħa l-oħra, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv, il-persuna kkundannata fil-kontumaċja għandu jkollha għarfien sħiħ tar-raġunijiet li għalihom hija tkun ġiet ikkundannata. L-Istat Membru għandu għaldaqstant jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu ħsieb b’mod partikolari javżaw fil-pront u b’mod uffiċjali lil din il-persuna bid-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja fil-konfront tagħha bi proċedura ta’ notifika pereżempju (51). Fil-fatt, din id-deċiżjoni ssir eżekuttiva biss b’effett mill-mument li fih l-imsemmija persuna tkun ġiet avżata uffiċjalment, wara l-iskadenza tar-rimedji li t-terminu għalihom jibda jiddekorri, fil-prinċipju, mit-twettiq ta’ din il-proċedura u wara li hija tkun irrinunzjat għad-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew li dan id-dritt ma jkunx ġie rrikonoxxut lilha. Barra minn hekk, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 4a(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (52), kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (53), jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew jekk dan il-mandat jindika b’mod partikolari li l-persuna kkonċernata ser tirċievi mingħajr dewmien, wara l-konsenja tagħha, in-notifika tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja.

92.      Fl-aħħar nett, inżid li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13, meta persuna tiġi arrestata u detenuta, ikun xi jkun l-istadju tal-proċeduri kriminali, l-Istat Membru għandu jiżgura li dokumenti relatati mal-każ speċifiku li jkunu essenzjali sabiex tiġi kkontestata b’mod effettiv skont id-dritt nazzjonali l-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni, isiru disponibbli għal dik il-persuna. Issa, kif tippreċiża d-Direttiva 2010/64, id-deċiżjoni ta’ kundanna jew is-“sentenza” tikkostitwixxi dokument essenzjali li l-komunikazzjoni tagħha, u t-traduzzjoni wkoll, ikunu meħtieġa biex jippermettu lill-persuna kkundannata teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha u biex tiggarantixxi n-natura ekwa tal-proċedura (54).

93.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jipproċedu għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jew għall-arrest ta’ persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat din id-deċiżjoni, dawn l-awtoritajiet huma obbligati jinformaw din il-persuna bl-akkuża miġjuba kontriha, inkluż bir-raġunijiet għall-kundanna tagħha, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(c) u fl-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2012/13. L-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ma jinkludix l-obbligu għall-Istat Membru li jipprevedu li tintbagħat lill-imsemmija persuna, fil-mument ta’ din l-eżekuzzjoni jew dan l-arrest, kopja sħiħa tal-imsemmija deċiżjoni.

3.      Linformazzjoni dwar iddritt għal proċess millġdid jew għal rimedju legali ieħor

94.      Infakkar li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tippreċiża l-modalitajiet li jirrigwardaw r-rispett tad-dritt li persuna tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343.

95.      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tfittex li tqabbel il-prinċipji misluta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza VB I, mas-sistema proċedurali Bulgara. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-għażla tal-modalitajiet li skonthom [l-informazzjoni dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid u għall-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja] għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, sakemm din tinġab għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata fil-mument meta din tiġi informata bid-deċiżjoni inkwistjoni” (55). Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sistema proċedurali Bulgara, l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu fuq l-eżistenza tad-dritt għal proċess mill-ġdid fi tmiem l-eżami ta’ talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali li għandha tressaq il-persuna kkundannata fil-kontumaċja.

96.      Fis-sentenza VB I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 ma tiddeterminax il-modalitajiet preċiżi li skonthom il-persuna kkundannata fil-kontumaċja għandha tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor (56). Hija biss il-premessa 39 ta’ din id-direttiva li tippreċiża li din l-informazzjoni għandha tingħata jew bil-miktub, jew oralment, bil-kundizzjoni, f’dan l-aħħar każ, li l-fatt li din l-informazzjoni tkun ingħatat jiġi rreġistrat skont il-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista fid-dritt nazzjonali (57).

97.      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2012/13. Fil-fatt, inkwantu d-dritt li persuna tkun informata bid-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor jikkostitwixxi dritt proċedurali, it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandha tinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2012/13.

98.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/13, jeżiġi mill-Istati Membri li jiżguraw li jingħataw fil-pront “informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin [fil-punti (a) sa (e)], kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet” (58). Din id-dispożizzjoni tagħti lista li tinkludi d-dritt ta’ aċċess għal avukat; id-dritt għal parir legali mingħajr ħlas u l-kundizzjonijiet biex jinkiseb tali parir; id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża miġjuba kontriha; id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni, kif ukoll id-dritt li persuna tibqa’ siekta. Kif jixhed l-użu tal-espressjoni “tal-anqas”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jillimita d-drittijiet proċedurali li bihom il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati għandhom jiġu informati, peress li din id-direttiva tapplika barra minn hekk sa meta tingħata s-sentenza finali. Barra minn hekk, mill-premessa 20 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li dawn ir-regoli “ma jippreġudika[w]x l-informazzjoni li tingħata dwar drittijiet proċedurali oħrajn li joħorġu mill-Karta, il-KEDB, id-dritt nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni applikabbli”.

99.      Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13, din l-informazzjoni għandha tingħata “fil-pront” lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli (59). Waqt l-arrest jew id-detenzjoni ta’ din il-persuna, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jeżiġi mill-Istat Membri li jiżgura li tiġi pprovduta fil-pront lil din il-persuna ittra tad-drittijiet proċedurali tagħha, kif japplikaw fid-dritt nazzjonali. Din l-ittra għandha tinkiteb, f’lingwa sempliċi, aċċessibbli u li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tifhem. Hija għandu jkun fiha l-informazzjoni li tikkonċerna d-drittijiet proċedurali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13, li l-lista tagħhom ma hijiex eżawrjenti, u d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ din id-direttiva, bħalma huwa d-dritt ta’ aċċess għall-materjal tal-każ kif ukoll l-informazzjoni bażika fuq il-possibbiltajiet li jipprevedi d-dritt nazzjonali biex tiġi kkontestata, b’mod partikolari, il-legalità tal-arrest. Fil-każ fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ xi Stat Membru jipproċedu bl-arrest tal-persuna akkużata, biex jeżegwixxu deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija fil-kontumaċja, jidhirli li din l-ittra tad-drittijiet bil-miktub tkun tista’ tinkludi d-dritt għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor (60).

100. Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata, jidhirli li dan għandu jiġi evalwat, minn naħa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-proċeduri nazzjonali involuti u, min-naħa l-oħra, skont l-għan tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, jiġifieri biex tkun iggarantita l-effettività tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata u d-dritt tagħha għal proċess mill-ġdid sanċit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343.

101. Fil-fatt, diġà indikajt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jimponi sistema proċedurali unika li fiha l-Istat Membru jkun obbligat jipprevedi l-bżonn li jorganizza proċess mill-ġdid fl-istadju tal-għoti tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja. Barra minn hekk, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2012/13, hemm espressament indikat li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-persuna akkużata l-informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom “kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali”. Dan jimplika, f’sistema proċedurali bħal dik inkwistjoni, li l-ittra tad-drittijiet tindika lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja, il-proċedura li mbagħad titpoġġa għad-dispożizzjoni tagħha sabiex hija tkun tista’ titlob, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, proċess mill-ġdid.

102. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 15(3) tan-NPK jipprovdilha bażi legali suffiċjenti biex jippermettilha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-persuna akkużata tkun informata bid-drittijiet proċedurali tagħha skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jipprekludi, fil-fehma tiegħi, li din il-qorti tindika, fid-deċiżjoni li hija tagħti fil-kontumaċja, il-modalitajiet li bihom il-persuna inkwistjoni tista’ titlob proċess mill-ġdid jew rimedju legali ieħor taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

103. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fis-sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jipproċedu bl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jew għall-arrest ta’ persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni ta’ kundanna fil-kontumaċja, dawn l-awtoritajiet huma obbligati, fil-kuntest tal-ittra tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13, li jinformawha bid-dritt eventwali tagħha għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor, kif dan ikun japplika fid-dritt nazzjonali.

104. F’sistema proċedurali bħalma hija dik inkwistjoni li tistabbilixxi proċedura li permezz tagħha din il-persuna għandha, għall-iskopijiet tar-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, tippreżenta talba minn qabel għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, l-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva jeżiġi li din l-ittra tad-drittijiet issemmi din il-proċedura.

C.      Ilforma u lportata tarrimedji legali disponibbli wara deċiżjoni mogħtija filkontumaċja (ilħames u ssitt domanda preliminari)

105. Permezz tal-ħames u s-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja għandhiex tibbenefika minn żewġ rimedji legali distinti li jippermettu, wieħed, li tippreżenta appell minn din id-deċiżjoni u, l-ieħor, li tibbenefika minn proċess għal smigħ ġdid jew minn rimedju legali ieħor skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

106. Infakkar li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jeżiġi li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja tkun, meta tiġi informata b’din id-deċiżjoni, informata wkoll bil-“possibbiltà li jikkontesta[...] [l-imsemmija ]deċiżjoni u dwar id-dritt [tagħha] għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra”, peress li dan tal-aħħar jippermetti, skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, “eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża […] u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali”.

107. Mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 u, b’mod partikolari, mill-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, ikollha l-possibbiltà tikkontesta din id-deċiżjoni jew billi titlob proċess mill-ġdid jew billi teżerċita rimedju ieħor.

108. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (61), din il-possibbiltà għandha tippermetti lill-persuna kkonċernata li tikseb ftuħ mill-ġdid tal-proċess jew l-aċċess għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami mill-ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-każ. Il-portata ta’ din il-proċedura ġudizzjarja ġdida hija ddefinita espressament fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri obbligi preċiżi u inekwivoki. Huwa jeżiġi minn dawn tal-aħħar jew li jipprovdu għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċess, jew li jistabbilixxu proċedura li tippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża, inkluż eżami tal-provi ġodda, u li tippermetti li twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali. Barra minn hekk, huwa jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-persuna akkużata tkun tibbenefika, fil-kuntest ta’ dan il-proċess ġdid jew tal-eżerċizzju ta’ dan ir-rimedju legali ġdid, mid-dritt li tkun preżenti u li tipparteċipa b’mod effettiv għall-istanza li tirriżulta minnu, skont il-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali, u li hija tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża.

109. Kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza (62), il-leġiżlatur tal-Unjoni jintegra r-rekwiżiti essenzjali tal-proċedura ġudizzjarja l-ġdida misluta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (63). Fil-fatt, din teżiġi li l-persuna akkużata jkollha l-possibbiltà li tikseb evalwazzjoni ġdida tal-fondatezza tal-akkużi miġjuba kontriha, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, minn qorti “mogħnija b’ġurisdizzjoni sħiħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li tisma’ l-kawża fil-preżenza tagħha (64), li toffrilha l-garanziji kollha ta’ smigħ xieraq offruti mill-Artikolu 6 tal-KEDB. Infakkar li hija tħalli madankollu lill-Istati kontraenti “libertà kbira fl-għażla tal-mezzi intiżi li jippermettu lis-sistemi ġudizzjarji tagħhom josservaw ir-rekwiżiti [ta’ dan l-artikolu]”, sakemm “ir-riżorsi offruti mid-dritt intern jirriżultaw li huma effettivi jekk l-akkużat la rrinunzja milli jidher u milli jiddefendi ruħu u lanqas kellu l-intenzjoni li jaħrab mill-ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (65).

110. Infakkar ukoll li, bl-istess mod, id-Direttiva 2016/343 ma tagħmilx armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċeduri kriminali. Skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant diskrezzjoni wiesgħa biex jiddefinixxu s-sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja sakemm, minn naħa, dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw is-sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

111. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jipprovdu biex il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija rrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, tkun tista’ tibbenefika minn żewġ rimedji legali distinti li jippermettulha tikkontesta din id-deċiżjoni kemm billi tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess, jew billi taċċedi għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-każ skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

V.      Konklużjoni

112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) bil-mod kif ġej:

1)      L-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

huma japplikaw għall-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja li tilliberaha.

2)      L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva u tar-rikonoxximent ta’ dritt għal proċess mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva,

a)      l-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-merti tal-akkuża miġjuba kontra l-persuna akkużata tista’ skont is-sistema proċedurali nazzjonali, tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti u, fin-nuqqas, tinforma lil din il-persuna fid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, bil-possibbiltà li tikkontesta din id-deċiżjoni u bid-dritt tagħha għal proċess ġdid;

b)      din l-awtorità hija obbligata tisma’ kemm lill-prosekutur kif ukoll lid-difiża għall-iskopijiet ta’ dan l-eżami;

c)      l-Istat Membru jista’ jistabbilixxi proċedura li teżiġi mill-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja, meta ma jkunx ġie stabbilit li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, li hija tippreżenta, quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, sakemm il-karatteristiċi ta’ din il-proċedura jippermettu li jiġi ggarantit lil din il-persuna d-dritt li tkun preżenti fil-proċess tagħha kif ukoll l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

Ir-regola li tgħid li tali proċedura ma jkollhiex effett sospensiv u tkun teżiġi, iktar minn hekk, id-dehra personali tal-persuna li tkun ġiet ikkundannata għal priġunerija fil-kontumaċja hija inkompatibbli ma’ dawn il-prinċipji.

–        Għal dak li jirrigwarda l-modalitajiet li jirrigwardaw l-informazzjoni tal-persuna akkużata, li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni ta’ kundanna fil-kontumaċja, filwaqt li ma jkunx ġie stabbilit, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, li hija rrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha,

a)      dan jipprekludi li din il-persuna ma tiġix informata, fil-mument tal-arrest tagħha, la b’din id-deċiżjoni, la bil-possibbiltà li tikkontestaha, u lanqas bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal xi rimedju legali ieħor;

b)      huwa jeżiġi li l-Istat Membru jinforma lill-imsemmija persuna bir-raġunijiet għall-arrest tagħha, skont id-dritt tagħha li tiġi informata bl-akkuża miġjuba kontriha msemmi fl-Artikolu 3(1)(c) u fl-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali. L-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ma jinvolvix l-obbligu fuq l-Istat Membru li jibgħatilha kopja sħiħa tal-imsemmija deċiżjoni fil-mument li tiġi arrestata;

c)      huwa jeżiġi li l-Istat Membru, fil-kuntest tal-ittra tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/13, jinforma lill-istess persuna bid-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor, kif dan ikun japplika fid-dritt nazzjonali;

d)      fis-sistema proċedurali li tistabbilixxi proċedura li permezz tagħha persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja għandha, għall-iskopijiet tar-rikonoxximent tad-dritt għal proċess mill-ġdid imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, tippreżenta talba minn qabel għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, huwa meħtieġ li din l-ittra tad-drittijiet ssemmi din il-proċedura.

–        Għal dak li jirrigwarda l-forma u l-portata tar-rimedji legali disponibbli wara deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, il-persuna li fil-konfront tagħha tkun ingħatat tali deċiżjoni, meta ma jkunx ġie stabbilit, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, li hija kienet irrinunzjat milli tidher jew milli tiddefendi ruħha, għandha tibbenefika minn żewġ rimedji legali distinti li jippermettulha tikkontesta din id-deċiżjoni jew billi tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess, jew billi taċċedi għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-każ skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2016, L 65, p. 1.


3      C‑430/22 u C‑468/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza VB I”, EU:C:2023:458.


4      Ara s-sentenza VB I (punt 30).


5      ĠU 2012, L 142, p. 1.


6      Il-fatti huma identiċi għal dawk esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza VB I.


7      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punti 25 u 36).


8      Ara l-premessi 2, 4 u 10 tad-Direttiva 2016/343 u, bħala eżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026), dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’ persuna li kien ġie kkundannat b’mod definittiv għal piena ta’ priġunerija fi tmiem proċedura li tmexxiet fl-assenza tiegħu.


9      Ara, bħala eżempju, il-kawża Khuzdar (C‑95/24), li għadha pendenti.


10      Il-premessa 35 tad-Direttiva 2016/343 tippreċiża fil-fatt li d-dritt tal-persuna ssuspettata jew akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess ma huwiex assolut u li taħt ċerti kundizzjonijiet, il-persuna ssuspettata jew akkużata għandha tkun tista’ tirrinunzja, espressament jew taċitament, għal dak id-dritt, iżda inekwivokabbilment (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 26), li tikkonċerna sa fejn persuna li ħarbet tibbenefika minn proċedura ġudizzjarja ġdida).


11      Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:26).


12      Enfasi miżjuda minni.


13      Enfasi miżjuda minni.


14      Enfasi miżjuda minni.


15      Ara l-punt 40 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (COM(2013) 821 finali), kif ukoll il-premessa 23 li tippreċiża li, “[f]’ċerti kundizzjonijiet iddefiniti sew li jiżguraw konformità effettiva mad-dritt għal proċess ġust, għandu jkun possibbli li prova li tirriżulta fid-deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza sseħħ fl-assenza tal-persuna suspettata jew akkużata”.


16      Ara l-premessa 33 tad-Direttiva 2016/343.


17      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll li l-preżenza tal-persuna akkużata fil-proċess tagħha huwa ta’ importanza kardinali minħabba kemm id-dritt għal smigħ kif ukoll in-neċessità li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-affermazzjonijiet tagħha u li dawn jiġu kkonfrontati ma’ dak li tgħid il-vittma, li wkoll jeħtieġ li jiġu protetti l-interessi tagħha, kif ukoll tax-xhieda (ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Mejju 2000, Van Pelt vs Franza (CE:ECHR:2000:0523JUD003107096, punt 66)).


18      Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑15 ta’ Settembru 2022, HN (Proċess ta’ akkużat imkeċċi mit-territorju) (C-420/20, EU:C:2022:679, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment fl-appell) (C‑556/21, EU:C:2023:272, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


21      Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


22      Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li l-KEDB tħalli lill-Istati kontraenti libertà kbira fl-għażla tal-mezzi intiżi li jippermettu lis-sistemi ġudizzjarji tagħhom josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, bil-kundizzjoni madankollu li r-riżorsi offruti mid-dritt intern jirriżultaw li huma effettivi jekk l-akkużat la jkun irrinunzja milli jidher u milli jiddefendi ruħu u lanqas kellu l-intenzjoni li jaħrab mill-ġustizzja (ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Medenica vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2001:0614JUD002049192, punt 55)).


23      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et. (C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 49).


25      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li d-dritt ta’ kull akkużat li jkun effettivament assistit minn avukat, jekk ikun il-każ ex officio, huwa fost wieħed mill-elementi fundamentali tas-smigħ xieraq u li akkużat ma jistax jitlef il-benefiċċju tiegħu minħabba s-sempliċi fatt li kien assenti mid-dibattiti. Hija tikkunsidra li huwa ta’ importanza kruċjali għall-ekwità tas-sistema kriminali li l-assenza tal-persuna akkużata għall-proċess tagħha ma tiġix issanzjonata billi jitneħħa d-dritt għal assistenza minn difensur u li hija tkun assistita b’mod adegwat kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell (sentenzi tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 1999, Van Geyseghem vs Il‑Belġju (CE:ECHR:1999:0121JUD002610395, punt 34); tat‑13 ta’ Frar 2001, Krombach vs Franza (CE:ECHR:2001:0213JUD002973196, punt 89); u tal‑1  ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L‑Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 91)).


26      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijet tal-Bniedem jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet u n-natura tal-proċedura inkwistjoni, tal-importanza tagħha fil-kuntest globali tal-proċess, tal-mod li bih ġew esposti l-interessi tal-persuna kkonċernata u tal-mod li dawn għandhom ikunu protetti, fid-dawl tal-kwistjoni li jkun jeħtieġ li tiġi deċiża u l-importanza tagħha għal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Marzu 1998, Belziuk vs Il‑Polonja (CE:ECHR:1998:0325JUD002310393, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


27      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, it-terminu għall-appell kontra kundanna fil-kontumaċja huwa biss ta’ ħmistax-il jum u jiddekorri, mingħajr interruzzjoni, b’effett mid-data ta’ din il-kundanna, anki jekk il-persuna akkużata ma setgħetx tkun taf bl-imsemmija kundanna.


28      Mill-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali u mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax jekk il-persuna kkundannata fil-kontumaċja setgħetx tkun irrappreżentata minn avukat.


29      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 37).


30      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Diċembru 1989, Kamasinski vs L‑Awstrija (CE:ECHR:1989:1219JUD000978382, punt 74).


31      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Novembru 1993, Poitrimol vs Franza (CE:ECHR:1993:1123JUD001403288, punt 35).


32      Il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-fatt, fil-premessi 11, 13, 27, 45, 47 u 48 tad-Direttiva 2016/343 espona b’mod ċar ir-rieda tiegħu li jsaħħaħ u jiggarantixxi applikazzjoni effettiva tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali billi integra, fid-dritt tal-Unjoni, il-ġurisprudenza żviluppata minn din il-qorti fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2020, Spetsializirana prokuratura (Seduta fl-assenza tal-persuna akkużata) (C‑688/18, EU:C:2020:94, punti 34 u 35)).


33      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Frar 2001, Krombach vs Franza (CE:ECHR:2001:0213JUD002973196, punt 84 u 90), dwar l-Artikolu 630 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Franċiż, li jistabbilixxi projbizzjoni assoluta għall-kontumaċi milli jkun irrappreżentat minn avukat u li minnu l-cour d’assises (il-Qorti tal-Assiżi) li tiddeċiedi fil-kontumaċja ma għandhiex il-possibbiltà li tidderoga.


34      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 2015, Sanader vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2015:0212JUD006640812, punti 80 et seq.).


35      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑13 ta’ Frar 2001, Krombach vs Franza (CE:ECHR:2001:0213JUD002973196, punt 87).


36      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑14 ta’ Diċembru 1999, Khalfaoui vs Franza (CE:ECHR:1999:1214JUD003479197, punt 44), iktar ’il quddiem is-“sentenza Khalfaoui vs Franza”.


37      Ara s-sentenza Khalfaoui vs Franza, punt 49.


38      Sentenza Khalfaoui vs Franza (punt 47).


39      Sentenza Khalfaoui vs Franza (punt 40).


40      Sentenza Khalfaoui vs Franza (punt 40).


41      Għal komprensjoni tar-rabtiet kollha eżistenti bejn id-Direttivi 2016/343, 2012/13 u 2010/64, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:292, punt 60).


42      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 26).


43      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 10 u 14 tad-Direttiva 2012/13, kif ukoll is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 34).


44      Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45      C‑216/14, EU:C:2015:686.


46      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:686, punt 61).


47      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Covaci (C‑216/14, EU:C:2015:686, punt 20).


48      Dan l-artikolu jipprovdi kif ġej: “Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell”.


49      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara l-kawża li wasslet għad-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Qorti EDB tat‑30 ta’ Jannar 2007, Pala vs Franza (CE:ECHR:2007:0130DEC003338704), li fiha l-persuna kkundannata fil-kontumaċja kienet ġiet informata, b’ittra rreġistrata, bil-preżentazzjoni tas-sentenza ta’ kundanna fil-kontumaċja, fil-kunsill lokali.


52      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


53      ĠU 2009, L 81, p. 24.


54      Kif tgħid espressament il-premessa 25 tad-Direttiva 2012/13, meta l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati skont din id-direttiva, il-persuni kkonċernati għandhom jiġu pprovduti, jekk ikun meħtieġ, bi traduzzjoni jew interpretazzjoni f’lingwa li huma jifhmu, f’konformità mal-istandards stabbiliti fid-Direttiva 2010/64. Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, fil-każ li din il-persuna ma tifhimx il-lingwa tal-proċeduri kriminali kkonċernati, il-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li l-Istat Membru jipprovdi, f’terminu raġonevoli, traduzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tkun bil-miktub u ta’ kwalità. Huwa biss f’każ eċċezzjonali li dan tal-aħħar jista’ jipprovdi traduzzjoni orali jew sunt orali ta’ dan id-dokument, bil-kundizzjoni madankollu li tali formalitajiet ma jippreġudikawx in-natura ekwa tal-proċeduri.


55      Sentenza VB I (punt 30).


56      Ara s-sentenza VB I (punt 27).


57      Ara s-sentenza VB I (punt 28).


58      Enfasi miżjuda minni.


59      Għal dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni konkreta u effettiva ta’ dan l-obbligu, il-premessa 38 ta’ din id-direttiva tipprovdi li din tista’ tinkiseb “b’mezzi differenti [...] bħal taħriġ adatt għall-awtoritajiet kompetenti jew permezz ta’ Ittra tad-Drittijiet imfassla b’lingwaġġ sempliċi u mhux tekniku biex tinftiehem faċilment minn persuna mhux esperta li ma jkollha l-ebda għarfien tal-liġi proċedurali kriminali”.


60      Skont ir-rapport magħmul fl-2016 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), “Id-Drittijiet tal-Persuni Ssuspettati u Akkużati fl-Unjoni Ewropea: Traduzzjoni, Interpretazzjoni u Informazzjoni”, 26 Stat Membru stabbilixxew ittra tad-drittijiet, 23 minnhom għandhom ittra tad-drittijiet uniformi mogħtija mill-awtoritajiet tal-pulizija fil-mument tal-arrest tal-persuna akkużata (punt 3.3, “Letter of Rights”, p. 69 et seq.).


61      C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 59.


62      Konklużjonijiet fil-kawża Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:26).


63      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:26, punt 43). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżiġi għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-individwu kkundannat in absentia jkun jista’ jikseb ulterjorment li l-qorti adita tiddeċiedi mill-ġdid, wara li tkun semgħatu, fuq il-fondatezza tal-akkuża fil-fatt u fid-dritt, meta ma jkunx ġie stabbilit li huwa kien irrinunzja għad-dritt tiegħu li jidher u li jiddefendi ruħu jew li huwa kellu l-intenzjoni li jaħrab mill-ġustizzja (ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L‑Italja (CE:ECHR:2006:0301JUD005658100, punt 82)). Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Medenica vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2001:0614JUD002049192, punt 55).


64      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L‑Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punti 31 u 32).


65      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Medenica vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2001:0614JUD002049192, punt 55). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L‑Italja (CE:ECHR:1985:0212JUD000902480, punt 30).