Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Teħid ta’ responsabbiltà mill-istituzzjonijiet ta’ garanzija għall-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol – Esklużjoni fil-każ ta’ dikjarazzjoni tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol mill-ħaddiem impjegat”

Fil-Kawża C‑125/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel d’Aix‑en‑Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix‑en‑Provence, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Association Unedic délégation AGS de Marseille

vs

V,

W,

X,

Y,

Z,

Ilmandatarju stralċjarju talkumpannija K,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Association Unedic délégation AGS de Marseille, minn I. Piquet‑Maurin, avocate,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u T. Lechevallier, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche‑Duvieusart u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Association Unedic délégation AGS de Marseille (iktar ’il quddiem l-“AGS de Marseille”) u, min-naħa l-oħra, V, W, X, Y u Z (iktar ’il quddiem il-“ħaddiema inkwistjoni”) kif ukoll il-mandatarju stralċjarju tal-kumpannija K dwar il-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa ta’ dawn il-ħaddiema wara t-tqegħid fi stralċ ġudizzjarju ta’ din il-kumpannija.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 3 u 7 tad-Direttiva 2008/94 jipprovdu:

“(3)      Jeħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat fil-Komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati.

[...]

(7) L-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitazzjonijiet tar-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija. Dawk il-limitazzjonijiet għandhom ikunu kompatibbli ma’ l-għan soċjali tad-Direttiva u jistgħu jieħdu kont tal-livelli differenti tal-pretensjonijiet.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).

2.      L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ impjegati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bis-saħħa ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra ta’ garanzija jekk jiġi stabbilit li dawn joffru lill-persuni kkonċernati livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn din id-Direttiva.

[...]”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu jitqies bħala fi stat ta’ insolvenza meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi bbażati fuq l-insolvenza ta’ dak li jħaddem, kif ikun previst mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru, u li jinvolvu d-divestiment parzjali jew totali ta’ l-assi ta’ dak li jħaddem u l-ħatra ta’ stralċjarju jew ta’ persuna li twettaq kompitu simili, u ta’ l-awtorità li tkun kompetenti skond id-dispożizzjonijiet imsemmija tkun:

(a) jew iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri, jew

stabbilixxiet li l-impriża jew in-negozju ta’ min iħaddem ingħalqu b’mod definittiv u li l-assi disponibbli ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċeduri.

2.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tat-termini ‘impjegat’, ‘min iħaddem’, ‘paga’, ‘dritt li jagħti titolu immedjat’ u ‘dritt li jagħti titolu prospettiv’.

[...]”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.

Il-pretensjonijiet li tidħol għalihom l-istituzzjoni ta’ garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlas tal-paga relatati ma’ perijodu preċedenti ta’ żmien u/jew, skond il-każ applikabbli, wara data speċifikata stabbilita mill-Istati Membri.”

7        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/94 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija imsemmija fl-Artikolu 3.

2.      Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perijodu ta’ żmien li għalih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perijodu ta’ żmien li jkopri r-rimunerazzjoni ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ impjieg qabel u/jew wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3.

L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perijodu minimu ta’ tliet xhur f’perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur.

L-Istati Membri li jkollhom perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18‑il xahar jistgħu jillimitaw il-perijodu li għalih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perijodi ta’ żmien li jkunu l-aktar favorevoli għall-impjegat għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-perijodu minimu ta’ żmien.

3.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Dawn il-limiti massimi m’għandhomx jaqgħu taħt livell li jkun soċjalment kompatibbli ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva.

Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw din il-għażla, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni [Ewropea] bil-metodi użati sabiex jiġi stabbilit il-limitu massimu.”

8        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għall-impjegati.

L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha fl-ebda ċirkustanza tkun raġuni suffiċjenti għal rigressjoni relattivament għas-sitwazzjoni kurrenti fl-Istati Membri u relattivament għal-livell ġenerali ta’ protezzjoni ta’ impjegati fil-qasam kopert minnha”.

9        L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:

(a) li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi;

[...]”

 Iddritt Franċiż

10      L-Artikolu L. 3253–6 tal-code du travail (il-Kodiċi tax-Xogħol), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”), jipprovdi:

“Kull persuna li timpjega rregolata mid-dritt privat għandha tassigura lill-impjegati tagħha, inklużi dawk ikkollokati barra mill-pajjiż jew espatrijati msemmija fl-Artikolu L  5422–13, għar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas tas-somom dovuti lilhom b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, fil-każ ta’ proċedura ta’ salvagwardja, ta’ rkupru jew ta’ stralċ ġudizzjarju.”

11      L-Artikolu L. 3253‑8 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu L. 3253–6 għandha tkopri:

1°      Is-somom dovuti lill-impjegati fid-data tas-sentenza ta’ ftuħ ta’ kull proċedura ta’ rkupru jew ta’ stralċ ġudizzjarju, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-persuna li timpjega fil-kuntest tal-kuntratt ta’ sigurtà professjonali;

2°      Il-pretensjonijiet li jirriżultaw mit-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol li jseħħu:

(a)      Matul il-perjodu ta’ osservazzjoni;

(b)      Fi żmien xahar mis-sentenza li tadotta l-pjan ta’ salvagwardja, ta’ rkupru jew ta’ ċessjoni;

(c)      Fi żmien ħmistax‑il jum, jew wieħed u għoxrin jum meta jitfassal pjan ta’ salvagwardja tal-impjieg, mis-sentenza ta’ stralċ;

(d)      Matul iż-żamma provviżorja tal-attività awtorizzata mis-sentenza ta’ stralċ ġudizzjarju u fi żmien ħmistax‑il jum, jew wieħed u għoxrin jum meta jitfassal pjan ta’ salvagwardja tal-impjieg, mit-tmiem ta’ din iż-żamma tal-attività;

[...]”

12      Skont l-Artikolu L. 3253‑14 tal-imsemmi kodiċi:

“L-assigurazzjoni prevista fl-Artikolu L. 3253‑6 għandha tiġi implimentata minn assoċjazzjoni stabbilita mill-organizzazzjonijiet nazzjonali professjonali tal-persuni li jimpjegaw rappreżentattivi u awtorizzata mill-awtorità amministrattiva.

Din l-assoċjazzjoni għandha tikkonkludi ftehim ta’ ġestjoni mal-organu ġestjonarju tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-qgħad u mal-Agence centrale des organismes de sécurité sociale (l-Aġenzija Ċentrali tal-Organi ta’ Sigurtà Soċjali) għall-irkupru tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu L. 3253‑18.

[...]

Din l-assoċjazzjoni u dan l-organu ċċitati iktar’ il fuq jikkostitwixxu l-istituzzjonijiet ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      Matul ix-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2017, il-ħaddiema inkwistjoni ġew irreklutati mill-kumpannija K permezz ta’ kuntratti part‑time għal żmien determinat.

14      Fis‑26 ta’ Ġunju 2018, din il-kumpannija kienet is-suġġett ta’ rkupru ġudizzjarju.

15      Fid‑9 ta’ Lulju 2018, il-ħaddiema inkwistjoni ddikjaraw it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom.

16      Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2018, it-tribunal de commerce (il-Qorti Kummerċjali, Franza) ordnat l-istralċ ġudizzjarju tal-kumpannija K.

17      Fil‑31 ta’ Lulju 2018, il-ħaddiema inkwistjoni ressqu quddiem il-conseil de prud’ hommes de Draguignan (il-Qorti Industrijali ta’ Draguignan, Franza) talbiet għar-reġistrazzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom fil-lista’ ta’ kredituri tal-istralċ ġudizzjarju tal-kumpannija K, abbażi ta’ nuqqasijiet ta’ din il-kumpannija li dawn il-ħaddiema jqisu li huma suffiċjentement serji.

18      Permezz ta’ sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 2020, dik il-qorti, l-ewwel, iddikjarat li d-dikjarazzjoni, mill-ħaddiema inkwistjoni, tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom kienet tipproduċi l-effetti ta’ tkeċċija mingħajr raġuni reali u serja, it-tieni, irreġistrat il-pretensjonijiet tagħhom fil-lista ta’ kredituri tal-istralċ ġudizzjarju tal-kumpannija K bħala tfakkira, b’mod partikolari, tas-salarji, tal-leave mħallas, tal-allowance kumpensatorja għal avviż tat-temm ta’ impjieg, tal-allowance għal tkeċċija mingħajr raġuni reali u serja u, it-tielet, iddikjarat li s-sentenza komuni kienet infurzabbli kontra l-AGS de Marseille, marbuta b’garanzija għas-somom li huma s-suġġett tal-imsemmija pretensjonijiet.

19      Fit‑28 ta’ Lulju 2020, l-AGS de Marseille adixxiet lill-conseil de prud’ hommes de Draguignan (il-Qorti Industrijali ta’ Draguignan) b’rikors għal nuqqas li tingħata deċiżjoni.

20      Permezz ta’ sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2021, dik il-qorti ddikjarat li ma kienx hemm lok li s-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 2020 jiġu rrettifikati.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-AGS de Marseille appellat mill-imsemmija sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2021 quddiem il-cour d’appel d’Aix‑en‑Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix‑en Provence, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju.

22      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dikjarazzjoni tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tikkostitwixxi, fid-dritt Franċiż, mod ta’ terminazzjoni unilaterali ta’ dan il-kuntratt, irriżervat għall-impjegat, li permezz tiegħu dan tal-aħħar jiddeċiedi li jittermina l-imsemmi kuntratt minħabba li l-persuna li timpjega tkun wettqet nuqqasijiet suffiċjentement serji li jimpedixxu t-tkomplija tal-kuntratt ta’ xogħol. Fil-mument stess li fih l-impjegat jiddikjara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, dan jieqaf immedjatament milli jipproduċi kull effett.

23      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-każ fejn qorti adita minn waħda mill-partijiet fil-kuntratt ta’ xogħol tkun tqis li l-fatti invokati mill-impjegat jkunu jiġġustifikaw din id-dikjarazzjoni, it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tipproduċi l-effetti ta’ tkeċċija mingħajr raġuni reali u serja. Konsegwentement, il-persuna li timpjega tkun obbligata tħallas l-allowances marbuta ma’ tali tkeċċija, jiġifieri l-ħlas ta’ allowance kumpensatorja għal avviż tat-temm ta’ impjieg u għal leave imħallas, ta’ allowance statutorja jew kuntrattwali għal tkeċċija kif ukoll ta’ allowance għal tkeċċija mingħajr raġuni reali u serja.

24      Fi Franza, kull persuna li timpjega rregolata mid-dritt privat għandha l-obbligu tassigura lill-impjegati tagħha mal-association pour la gestion du régime de garantie des créances des salariés (l-Assoċjazzjoni għall-Ġestjoni tal-Iskema ta’ Garanzija għall-Pretensjonijiet tal-Impjegati (iktar ’il quddiem l-“AGS”) għar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas tas-somom dovuti lilhom b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, fil-każ ta’ proċedura ta’ salvagwardja, ta’ rkupru jew ta’ stralċ ġudizzjarju.

25      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), fir-rigward ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li tkun seħħet matul il-perijodi msemmija fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 3253‑8, tal-Kodiċi tax-Xogħol, il-garanzija tal-AGG tkopri biss il-pretensjonijiet li jirriżultaw minn tali terminazzjoni li tkun seħħet fuq l-inizjattiva tal-amministratur ġudizzjarju, tal-mandatarju stralċjarju jew tal-persuna li timpjega kkonċernata. Konsegwentement, l-imsemmija garanzija tkun eskluża fil-każ ta’ dikjarazzjoni tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol minn impjegat, fil-każ tal-irtirar tiegħu jew fil-każ ta’ xoljiment ġudizzjarju tal-kuntratt ta’ xogħol.

26      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li ma tirrinvijax lill-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) domanda prijoritarja ta’ kostituzzjonalità dwar il-portata effettiva tal-interpretazzjoni mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 3253‑8, tal-Kodiċi tax-Xogħol, minħabba, minn naħa, li l-għan tal-garanzija prevista f’din id-dispożizzjoni huwa l-ħlas minn qabel mill-AGS tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mit-terminazzjonijiet tal-kuntratti ta’ xogħol li jseħħu għall-bżonnijiet tat-tkomplija tal-attività tal-impriża, taż-żamma tal-impjieg u tal-clearance tal-passiv u, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, hekk kif interpretata b’mod kostanti mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li teskludi l-garanzija tal-AGS għat-terminazzjonijiet ta’ kuntratt li ma jirriżultawx mill-inizjattiva tal-amministratur ġudizzjarju, tal-mandatarju stralċjarju jew tal-persuna li timpjega kkonċernata, tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq differenza fis-sitwazzjoni relatata direttament mal-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni.

27      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol meta l-persuna li timpjega tkun tinsab fi stat ta’ insolvenza, id-Direttiva 2008/94 ma tidhirx li tagħmel l-intervent tal-istituzzjoni ta’ garanzija, fir-rigward tal-kumpensi għad-dannu għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, dipendenti fuq l-awtur ta’ din it-terminazzjoni.

28      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2008, Velasco Navarro (C‑246/06, EU:C:2008:19, punti 35 u 36), li tipprovdi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel d’Aix‑en‑Provence (il-Qorti tal-Appell ta’ Aix‑en‑Provence) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-Direttiva [2008/94] tista’ tiġi interpretata fis-sens li hija tippermetti li l-istituzzjoni ta’ garanzija tkun eskluża milli tassumi r-responsabbiltà għall-ħlas tal-kumpens fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, fejn impjegat jiddikjara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu wara li tkun inbdiet proċedura ta’ insolvenza?

2)      Tali interpretazzjoni hija konformi mal-kliem u mal-iskop ta’ din id-direttiva u tippermetti li jinkisbu r-riżultati mfittxija minn din tal-aħħar?

3)      Tali interpretazzjoni, ibbażata fuq il-persuna li tittermina l-kuntratt ta’ xogħol waqt il-perijodu ta’ insolvenza, twassal għal differenza fit-trattament bejn l-impjegati?

4)      Tali differenza fit-trattament, kemm-il darba teżisti, hija oġġettivament iġġustifikata?”

 Fuq ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja

30      L-AGS de Marseille ssostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali u, f’dan il-każ, l-Artikolu L. 3253‑8 tal-Kodiċi tax-Xogħol, hija ma tistax ikollha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni sabiex tesprimi ruħha fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali u lanqas għandha ġurisdizzjoni sabiex tesprimi ruħha fuq il-konformità ta’ tali dispożizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Getin Noble Bank (Terminu ta’ preskrizzjoni għal azzjonijiet għal restituzzjoni), C‑28/22, EU:C:2023:992, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domandi magħmula jirrigwardaw espressament l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/94.

33      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li d-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Franċiż u, għalhekk, l-argument tal-AGS de Marseille bbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi miċħud.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

34      Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tad-domandi preliminari, il-Gvern Franċiż isostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, ċertament, esklużjoni ta’ garanzija għall-pretensjonijiet tal-impjegati, imsemmija fl-ewwel domanda, hija prevista, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 3253‑8, tal-Kodiċi tax-Xogħol), hekk kif interpretat mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni). Madankollu, skont dan il-gvern, fil-każ ta’ dikjarazzjoni tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mill-impjegat wara d-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ rkupru ġudizzjarju, l-istituzzjoni ta’ garanzija tkun obbligata, fi kwalunkwe każ, tiggarantixxi l-pretensjonijiet salarjali li jkunu dovuti lill-impjegat inkwistjoni f’din id-data, skont il-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 3253‑8, tal-Kodiċi tax-Xogħol.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali li għandha tevalwa n-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari u r-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, liema domandi jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, meta d-domanda magħmula tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett ta’ din it-tilwima, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu), C‑287/22, EU:C:2023:491, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, minn naħa, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-konsegwenzi marbuta, fil-qasam tal-ħlas tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema impjegati minn istituzzjoni ta’ garanzija, mal-użu ta’ metodu ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol fuq l-inizjattiva tal-ħaddiem impjegat, f’ċirkustanzi li fihom il-persuna li timpjega tkun tinsab fi stat ta’ insolvenza. Għalhekk huwa paċifiku li tali sitwazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tindika li hija kkonfrontata b’diffikultà ta’ interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li din tal-aħħar ma tidhirx li tagħmel l-intervent tal-istituzzjoni ta’ garanzija, fir-rigward tal-kumpensi għad-dannu għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, dipendenti fuq l-awtur ta’ din it-terminazzjoni.

37      Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq ilmertu

38      Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/94 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kopertura tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol mill-iskema li tiżgura l-ħlas tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema impjegati minn istituzzjoni ta’ garanzija, stabbilita konformement mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tkun fuq l-inizjattiva tal-amministratur ġudizzjarju, tal-mandatarju stralċjarju jew tal-persuna li timpjega kkonċernata, iżda teskludi l-kopertura ta’ tali pretensjonijiet minn din l-istituzzjoni ta’ garanzija meta l-ħaddiem inkwistjoni jkun iddikjara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu minħabba nuqqasijiet suffiċjentement serji min-naħa tal-persuna li timpjegah li jimpedixxu t-tkomplija tal-imsemmi kuntratt u qorti nazzjonali tkun iddeċidiet li din id-dikjarazzjoni hija ġġustifikata.

39      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94, din tapplika għall-pretensjonijiet tal-ħaddiema impjegati li jkunu jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jkunu eżistenti fil-konfront ta’ persuni li jimpjegaw li jkunu jinsabu fi stat ta’ insolvenza, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

40      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4 tagħha, il-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema impjegati li jkunu jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol inkluż, meta d-dritt nazzjonali jkun jipprevedi dan, tal-kumpensi għad-dannu għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol.

41      Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/94, meta l-Istati Membri jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, huma għandhom jistabbilixxu t-tul tal-perijodu li jagħti lok għall-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa minn dawn l-istituzzjonijiet. Huma jistgħu wkoll jistabbilixxu limiti massimi għall-ħlasijiet imwettqa mill-imsemmija istituzzjonijiet.

42      Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu L. 3253‑6 tal-Kodiċi tax-Xogħol jimponi fuq il-persuni li jimpjegaw irregolati mid-dritt privat l-obbligu li jassiguraw lill-impjegati tagħhom għar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas tas-“somom dovuti lilhom b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol”.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitqies, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-pretensjonijiet li jirriżultaw minn terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu pretensjonijiet ta’ kumpensi għad-dannu għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94.

44      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li xejn fit-test ta’ din id-direttiva ma jippermetti li jiġi konkluż li l-garanzija tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema minn istituzzjoni ta’ garanzija tista’ tiġi eskluża, minn Stat Membru, fil-każ fejn it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tkun fuq l-inizjattiva ta’ dan il-ħaddiem minħabba nuqqas tal-persuna li timpjega. Fil-fatt, id-Direttiva 2008/94 ma tistabbilixxi ebda distinzjoni fir-rigward tal-kopertura ta’ dawn il-pretensjonijiet mill-imsemmija istituzzjoni skont jekk l-awtur tat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol ikunux l-impjegat jew le.

45      Ċertament, huwa kull Stat Membru, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, li għandu jiddetermina l-allowances li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Checa Honrado, C‑57/17, EU:C:2018:512, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Madankollu, il-possibbiltà rrikonoxxuta lill-Istati Membri, mill-imsemmija direttiva, li jippreċiżaw il-benefiċċji li għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni ta’ garanzija hija suġġetta għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, sakemm differenzazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Checa Honrado, C-57/17, EU:C:2018:512, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol wara d-dikjarazzjoni tat-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt mill-ħaddiem, minħabba nuqqasijiet suffiċjentement serji tal-persuna li timpjega li jimpedixxu t-tkomplija tal-imsemmi kuntratt, ikkunsidrata minn qorti nazzjonali bħala ġġustifikata, ma jistax jitqies bħala li jirriżulta mir-rieda tal-ħaddiem, peress li dan ikun, fir-realtà, il-konsegwenza tal-imsemmija nuqqasijiet tal-persuna li timpjega.

48      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li l-ħaddiema li jiddikjaraw it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik li jinsabu fiha l-ħaddiema li l-kuntratti tagħhom intemmu fuq l-inizjattiva tal-amministratur ġudizzjarju, tal-mandatarju stralċjarju jew tal-persuna li timpjega kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Checa Honrado, C57/17, EU:C:2018:512, punt 39).

49      Il-Gvern Franċiż isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mit-tieni punt tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 3253‑8 tal-Kodiċi tax-Xogħol, hekk kif interpretat mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), skont jekk l-awtur tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol ikunx l-impjegat jew le, hija ġġustifikata għall-finijiet tat-tkomplija tal-attività tal-impriża, taż-żamma tal-impjieg u tal-clearance tal-passiv. Skont dan il-gvern, it-terminazzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol fuq l-inizjattiva tal-impjegat, bħal dikjarazzjoni tat-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt , li jseħħu wara d-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ rkupru ġudizzjarju, ma jissodisfawx dawn il-bżonnijiet.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minbarra l-fatt li t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol permezz ta’ dikjarazzjoni tat-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt minn ħaddiem ma jistax jitqies bħala li jirriżulta mir-rieda ta’ dan il-ħaddiem fil-każ fejn dan ikun, fir-realtà, il-konsegwenza tan-nuqqasijiet tal-persuna li timpjega, hekk kif imsemmi fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija bżonnijiet ma jistgħux jaħbu l-iskop soċjali tad-Direttiva 2008/94.

51      Issa, dan l-iskop soċjali jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 3 tagħha, f’li jiġi ggarantit lill-ħaddiema impjegati kollha livell minimu ta’ protezzjoni fuq il-livell tal-Unjoni fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega permezz tal-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Checa Honrado, C‑57/17, EU:C:2018:512, punt 46).

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li d-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kopertura tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol mill-iskema nazzjonali li tiżgura l-ħlas tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema impjegati minn istituzzjoni ta’ garanzija, stabbilita konformement mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tkun fuq l-inizjattiva tal-amministratur ġudizzjarju, tal-mandatarju stralċjarju jew tal-persuna li timpjega kkonċernata, iżda teskludi l-kopertura ta’ tali pretensjonijiet minn din l-istituzzjoni ta’ garanzija meta l-ħaddiem inkwistjoni jkun iddikjara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu minħabba nuqqasijiet suffiċjentement serji min-naħa tal-persuna li timpjegah li jimpedixxu t-tkomplija tal-imsemmi kuntratt u qorti nazzjonali tkun iddeċidiet li din id-dikjarazzjoni hija ġġustifikata.

 Fuq lispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kopertura tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol mill-iskema nazzjonali li tiżgura l-ħlas tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema impjegati minn istituzzjoni ta’ garanzija, stabbilita konformement mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tkun fuq l-inizjattiva tal-amministratur ġudizzjarju, tal-mandatarju stralċjarju jew tal-persuna li timpjega kkonċernata, iżda teskludi l-kopertura ta’ tali pretensjonijiet minn din l-istituzzjoni ta’ garanzija meta l-ħaddiem inkwistjoni jkun iddikjara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu minħabba nuqqasijiet suffiċjentement serji min-naħa tal-persuna li timpjegah li jimpedixxu t-tkomplija tal-imsemmi kuntratt u qorti nazzjonali tkun iddeċidiet li din id-dikjarazzjoni hija ġġustifikata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.