KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2011 (1)
Kawża C-439/09
Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS
vs
Président de l’Autorité de la Concurrence
u
Ministre de l’Économie, de l’Industrie et de l’Emploi
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Paris (Franza)]
“Artikolu 81(1) KE – Kompetizzjoni – Distribuzzjoni selettiva – Projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali lil utenti finali permezz tal-internet – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Regolament (KE) Nru 2790/1999 – Artikolu 4(ċ) – Restrizzjoni tal-bejgħ attiv u passiv – Restrizzjoni serja – Eżenzjoni individwali – Artikolu 81(3) KE”
I – Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest ta’ kawża mibdija minn Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS (iktar ’il quddiem “PFDC”) għall-annullament u sussidjarjament l-emendar tad-Deċiżjoni tal-Conseil de la concurrence (Il-Bord tal-Kompetizzjoni Franċiż, iktar ’il quddiem il-“Bord”) Nru 08‑D‑25 tat-28 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni kkonstatat li PFDC kienet kisret l-Artikolu L.420-1 tal-Code de Commerce (il-Kodiċi Kummerċjali) u l-Artikolu 81 KE (li llum sar l-Artikolu 101 TFUE) meta fil-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva imponiet projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali min-naħa tad-distributuri (awtorizzati) magħżulin lill-utenti finali permezz tal-internet. Il-Bord ikkunsidra li l-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet ħarġet mir-rekwiżit li kien hemm fil-kuntratti tad-distribuzzjoni li l-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni kellu jsir f’ambjent fiżiku fil-preżenza ta’ spiżjar kwalifikat.
II – Il-kontestazzjoni fil-proċeduri prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
2. Il-grupp Pierre Fabre jikkummerċjalizza numru ta’ sensiliet ta’ prodotti farmaċewtiċi, omeopatiċi u para-farmaċewtiċi. Il-PFDC tipproduċi u tikkumerċjalizza kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali u għandha diversi sussidjarji, inkluż il-laboratorji kożmetiċi: Avène, Klorane, Galénic u Ducray. Fl-2007, il-gruppi Pierre Fabre u Cosmétique Active France, li hija sussidjarja ta’ L’Oréal, kienu l-kumpanniji prinċipali, li kellhom sehem mis-suq ta’ 20 % u 18.6 % rispettivament, u li kienu stabbiliti sew u għandhom portafoll kbir ta’ marki kummerċjali.
3. Il-kuntratti mogħtija minn PFDC għad-distribuzzjoni tal-kożmetiċi u l-prodotti għall-iġjene personali fir-rigward tal-marki Avène, Klorane, Galénic u Ducray jipprovdu li l-bejgħ tagħhom irid isir f’ambjent fiżiku li fih irid ikun hemm preżenti spiżjar (2). Il-qorti tar-rinviju tgħid li hemm qbil bejn il-partijiet li dawk ir-rekwiżiti jeskludu de facto kull tip ta’ bejgħ mill-internet.
4. Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2006, il-Bord beda investigazzjoni ex officio dwar il-prattiċi fis-settur tad-distribuzzjoni tal-kożmetiċi u tal-prodotti għall-iġjene personali. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 07-D-07, tat-8 ta’ Marzu 2007, il-Bord approva u rrenda vinkolanti l-impenji proposti mill-impriżi li kienu qegħdin jiġu investigati, ħlief għall-grupp Pierre Fabre, biex jemendaw il-kuntratti għad-distribuzzjoni selettiva tagħhom sabiex il-membri tan-netwerks tagħhom ikunu jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom permezz tal-internet. Fit-30 ta’ Ottubru 2006, ir-Rapporteur General iddeċieda li l-prattiċi tal-grupp Pierre Fabre kienu ser jiġu eżaminati b’mod separat.
5. Il-prodotti milquta mill-investigazzjoni huma kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali mqassma permezz tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva u li jinbiegħu fuq il-parir ta’ spiżjar. Dawn il-prodotti, li jaqgħu taħt is-settur iktar wiesa’ tal-kożmetiċi u tal-iġjene personali, huma suġġetti għal diversi rekwiżiti marbutin mal-kompożizzjoni u t-tikkettjar tagħhom. Madankollu, peress li ma humiex ikklassifikati bħala mediċini u, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt il-monopolju tal-ispiżjara, ma hemm xejn x’jipprekludi li dawn il-prodotti jiġu kkummerċjalizzati liberament barra min-netwerk tal-ispiżjara.
6. Il-kompetizzjoni bejn il-produtturi fis-suq tal-kożmetiċi u tal-prodotti għall-iġjene personali hija qawwija, u dan minħabba, b’mod partikolari, in-natura tal-prodotti fejn l-innovazzjoni għandha rwol prinċipali. Ġeneralment, id-distribuzzjoni ssir permezz tal-ispiżeriji, “para-spiżeriji” indipendenti u mill-para-spiżeriji li jkunu jinsabu f’supermarkits kbar tal-ikel, u permezz tal-ħwienet tal-fwieħa. Madankollu, l-ispiżeriji għadhom id-distributuri prinċipali ta’ dawn il-prodotti b’iktar minn żewġ terzi tal-bejgħ tagħhom li jinvolvuhom, u dan minħabba l-monopolju li kellhom fuq id-distribuzzjoni sa tmiem it-tmeninijiet u minħabba t-tqassim ġeografiku u wkoll, minħabba l-immaġni pożittiva li tingħata meta jkun preżenti l-ispiżjar u l-viċinanza tal-bejgħ tal-mediċini li jeħtieġu riċetta. Fl-istess ħin, il-bejgħ mill-internet żdied sew għall-prodotti kollha. Skont il-Bord, għalkemm għadu kmieni wisq biex titkejjel it-tendenza tal-bejgħ online ta’ kożmetiċi u ta’ prodotti għall-iġjene personali, reċentement il-marki ta’ lussu prinċipali fl-oqsma tal-fwejjaħ, ġojjelli u aċċessorji żviluppaw is-siti għall-bejgħ online tagħhom fi Franza u f’pajjiżi oħra.
7. Matul is-seduta quddiem ir-Rapporteur fil-11 ta’ Marzu 2008, ir-rappreżentanti ta’ inter alia PFDC, spjegaw ir-raġunijiet li kienu wasslu lill-grupp Pierre Fabre biex jipprojbixxi l-bejgħ tal-prodotti tagħhom permezz tal-internet: “Minħabba l-mod kif inhuma magħmula dawn il-prodotti jeħtieġ li jingħata parir minn spiżjar kwalifikat minħabba l-mod li bih jaħdmu dawn il-prodotti, peress li dawn ġew żviluppati bħala prodotti għall-kura tas-saħħa. [...] Il-prodotti tagħna huma tajbin għal problemi speċifiċi tal-ġilda, pereżempju, ġilda intolleranti meta jkun hemm ir-riskju ta’ reazzjoni allerġika. Għaldaqstant, inħossu li l-bejgħ mill-internet ma jkunx jilħaq l-aspettattivi li għandhom il-konsumaturi u l-professjonisti tas-saħħa fir-rigward tal-prodotti tagħna u konsegwentement ma jissodisfax ir-rekwiżiti li nistabbilixxu fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tagħna. Dawn il-prodotti huma rakkomandati wkoll mill-professjoni medika [...]”.
8. Il-Bord, minħabba li jista’ jkun hemm effett sostanzjali fuq il-kummerċ intrakomunitarju (3), eżamina l-prattiċi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.420-1 tal-Kodiċi Kummerċjali u tal-Artikolu 81 KE. Fid-Deċiżjoni, il-Bord ikkonstata li bil-fatt li tipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati milli jbiegħu prodotti fuq l-internet, il-PFDC tillimita l-libertà kummerċjali tad-distributuri billi teskludi mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-kożmetiċi u l-prodotti għall-iġjene personali. Il-PFDC tillimita wkoll l-għażla tal-konsumaturi li jkunu jixtiequ jixtru l-prodott online. Il-Bord innota wkoll li l-projbizzjoni fuq id-distributuri awtorizzati ċċaħħadhom mill-possibbiltà li javviċinaw klijenti billi jibagħtulhom messaġġi jew li jissodisfaw rikjesti mhux mitluba magħmula lis-sit tagħhom, u li, għaldaqstant, il-prattika inkwistjoni hija ekwivalenti għal restrizzjoni fuq il-bejgħ attiv jew passiv tad-distributuri.
9. Il-Bord ikkonstata li l-projbizzjoni għandha neċessarjament l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni li jiżdied mal-limitazzjoni fuq il-kompetizzjoni li hija inerenti fl-għażla nfisha tal-produttur li jkollu sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li tillimita n-numru ta’ distributuri li jkunu awtorizzati biex iqassmu l-prodott u timpedixxi lid-distributuri milli jbiegħu l-prodotti lil distributuri mhux awtorizzati. Peress li s-sehem mis-suq tal-prodotti Pierre Fabre huwa inqas minn 30 %, il-Bord eżamina jekk il-prattika restrittiva hijiex koperta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (4) li jeżiġi li l-istess prattika restrittiva ma tistax tkun restrizzjoni serja. Il-Bord ikkonstata li għalkemm il-prattika tal-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet ma hijiex imsemmija espressament fir-Regolament tal-Kummissjoni, hija tammonta għal projbizzjoni fuq il-bejgħ attiv u passiv. Għaldaqstant, il-projbizzjoni li tiġi applikata f’netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tikkostitwixxi restrizzjoni serja taħt l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 li ma tistax tiġi eżentata b’mod awtomatiku taħt dak ir-regolament.
10. Il-PFDC sostniet inter alia li hija kellha d-dritt li tipprojbixxi l-bejgħ mill-internet peress li l-organizzatur ta’ netwerk iżomm id-dritt li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ distributur awtorizzat “minn post ta’ stabbiliment li m’huwiex awtorizzat”. Il-PFDC qalet li anki jekk il-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tikkostitwixxi restrizzjoni serja, huwa l-obbligu tal-awtorità tal-kompetizzjoni li turi l-għan jew l-effett tal-prattika billi teżamina b’mod individwali dik il-prattika, ħaġa li r-Rapporteur ma għamilx f’dan il-każ. Il-PFDC sostniet ukoll li fid-dawl tal-kopertura eċċezzjonali u omoġenea min-naħa tal-ħwienet tad-distributuri, il-konsumaturi kollha għandhom aċċess għad-distributuri ta’ PFDC u għaldaqstant il-prattika ma għandhiex effett fuq il-kompetizzjoni bejn il-marki.
11. Il-Bord ikkunsidra li s-sit tal-internet ma huwiex il-post fejn jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti iżda huwa mod alternattiv ta’ kif isir il-bejgħ. Il-Bord ikkonstata wkoll, inter alia, li l-prattiċi serji għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 2790/1999 huma r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem ir-“restrizzjonijiet minħabba l-għan”) u ma huwiex meħtieġ li jintwera f’iktar dettall b’liema mod dak l-għan jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew li jiġu analizzati l-effetti ta’ dawk il-prattiċi.
12. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE [li llum sar l-Artikolu 101(3) TFUE] u l-Artikolu L.420‑4 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-Bord ħa l-pożizzjoni li l-PFDC ma wrietx progress ekonomiku jew li dik ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kienet indispensabbli f’ċirkustanzi li jrenduha eliġibbli għal eżenzjoni individwali, u nnota b’mod partikolari li l-PFDC ma ġabitx prova li l-prattika inkwistjoni kkontribwixxiet biex ittejjeb id-distribuzzjoni tal-prodotti dermo-kożmetiċi filwaqt li tevita r-riskji tal-prodotti foloz u tal-parassitiżmu bejn l-ispiżeriji reġistrati, u lanqas ma ppruvat li l-istess prattika tiżgura l-benesseri tal-konsumatur billi teżiġi l-preżenza fiżika tal-ispiżjar fil-punt tal-bejgħ tal-prodott.
13. Id-Deċiżjoni, b’żieda mal-konstatazzjoni li l-PFDC kienet kisret l-Artikolu L.420‑1 tal-Kodiċi Kummerċjali u l-Artikolu 81 KE, ordnat lil PFDC biex, fi żmien tliet xhur min-notifika tad-Deċiżjoni, hija tneħħi mill-kuntratti għad-distribuzzjoni selettiva t-termini kollha li jammontaw għal projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tal-kożmetiċi u tal-prodotti għall-iġjene personali u biex tipprovdi espressament l-għażla lid-distributuri tagħha biex jużaw dak il-metodu ta’ distribuzzjoni. Il-PFDC ġiet ordnata wkoll biex fi żmien tliet xhur min-notifika tad-Deċiżjoni, hija tibgħat ittra lill-ħwienet tagħha kollha biex tinformahom bl-emendi għall-kuntratti tagħhom għad-distribuzzjoni selettiva u biex, jekk jidhrilha xieraq, tissorvelja l-ħolqien ta’ siti internet għan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha billi tistabbilixxi regoli dwar it-taqsim u l-konfigurazzjoni tas-siti internet, u biex tinforma b’dan lill-Bord fi żmien tliet xhur min-notifika tad-Deċiżjoni. Il-PFDC ngħatat multa ta’ EUR 17 000.
14. Fl-24 ta’ Diċembru 2008, il-PFDC fetħet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju għall-annullament u sussidjarjament biex id-Deċiżjoni tiġi emendata. Insostenn tal-appell tagħha, il-PFDC issostni fl-ewwel lok, li d-Deċiżjoni ma hijiex motivata biżżejjed f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-għan antikompetittiv. Il-PFDC sostniet inter alia li l-Bord naqas milli janalizza l-kuntest legali u ekonomiku tal-prattika, eżerċizzju li huwa obbligatorju biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan. Fit-tieni lok, il-PFDC issostni li d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi żball inkwantu tirreferi għal għan li huwa “neċessarjament” antikompetittiv. Il-PFDC tosserva, inter alia, li l-għan tal-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva ma huwiex li jirrestrinġu l-kompetizzjoni iżda, min-naħa l-oħra, li jiżguraw livell ta’ servizz sodisfaċenti għall-konsumatur. Il-ftehim huma intiżi sempliċiment li jippermettu lill-konsumatur jitlob u jikseb, fi kwalunkwe ħin, parir speċjalizzat fuq l-għażla ta’ prodotti Pierre Fabre li tkun l-iktar xierqa. Il-PFDC issostni li l-klassifikazzjoni tal-prattika kkontestata bħala ksur per se tikkuntrasta mat-tendenza ġenerali fid-dritt tal-kompetizzjoni. Skont il-PFDC, id-Deċiżjoni ċaħħditha mill-possibbiltà li turi li l-prattika antikompetittiva inkwistjoni kienet legali u dan billi tipprovdi ġustifikazzjonijiet oġġettivi. Fit-tielet lok, il-PFDC issostni li d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi żball ta’ dritt u bi żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu ma tatx lill-prattika inkwistjoni l-benefiċċju tal-eżenzjoni ġenerali pprovduta mir-Regolament Nru 2790/1999. Fl-aħħar nett, il-PFDC issostni li d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi żball ta’ dritt inkwantu teskludi l-prattika inkwistjoni mill-eżenzjoni individwali kif provdut fl-Artikolu 81(3) KE, minkejja li l-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tiżgura l-benesseri tal-konsumatur minħabba l-fatt li jkun hemm preżenti spiżjar kwalifikat meta jinbiegħ il-prodott, u tevita wkoll ir-riskji tal-prodotti foloz u tal-parassitiżmu. Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ dik il-projbizzjoni ma twassalx għal iktar kompetizzjoni jew, b’mod partikolari, għal xi tnaqqis fil-prezzijiet.
15. Permezz ta’ dokument datat 11 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Cour d’appel de Paris taħt l-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (5). Skont il-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni osservat li kull projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ online ta’ prodotti tal-kuntratt lill-utenti finali, li tiġi imposta minn produttur fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tikkostitwixxi restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, indipendentement mis-sehem mis-suq ta’ dak il-produttur. Il-Kummissjoni kkunsidrat li fil-każ ta’ distribuzzjoni selettiva huwa irrilevanti jekk il-bejgħ online jiġix ikklassifikat bħala attiv jew passiv, inkwantu kull restrizzjoni fuq il-bejgħ, kemm jekk ikun bejgħ attiv jew passiv, tikkostitwixxi restrizzjoni serja. Barra minn hekk, jekk id-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt ma tkunx regolata, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li tista’ tinġieb ġustifikazzjoni oġġettiva. Għal dak li jirrigwarda l-eżenzjoni ġenerali prevista fir-Regolament Nru 2790/1999, il-Kummissjoni kkunsidrat li ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni, bħalma hija dik li tipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati milli jbiegħu l-prodotti online, ma huwiex kopert b’eżenzjoni ġenerali taħt dak ir-regolament u dan peress li dak l-użu tal-internet ma jistax jitqabbel ma’ produttur li jiftaħ ħanut f’post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat mill-produttur. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż dejjem li r-restrizzjoni tista’ tkun tissodisfa l-erba’ restrizzjonijiet kumulattivi relatati mal-eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE u, għaldaqstant, li tkun koperta b’dik l-eżenzjoni. Taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, l-oneru tal-prova li l-erba’ kundizzjonijiet huma sodisfatti jaqa’ fuq l-impriża li titlob dik l-eżenzjoni.
16. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Paris iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2009 u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Il-projbizzjoni ġenerali u assoluta li jinbiegħu prodotti kuntrattwali fuq l-Internet lill-utenti finali, li hija imposta fuq id-distributuri awtorizzati fil-qafas ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tikkostitwixxi effettivament restrizzjoni serja bl-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE li mhijiex koperta mill-eżenzjoni ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 2790/1999, iżda li eventwalment tista’ tibbenefika minn eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE?”
III – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
17. Il-PFDC, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża (iktar ’il quddiem l-“Awtorità”) (6) il-Gvern Franċiż, Pollakk u Taljan, il-Kummissjoni u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Saret seduta fil-11 ta’ Novembru 2010.
IV – Preliminari
18. Jiena tal-opinjoni li, kif argumentaw l-Awtorità u l-Kummissjoni, id-domanda li saret mill-Cour d’appel de Paris tista’ tinqasam fi tliet domandi. Fl-ewwel lok, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta li jinbiegħu prodotti tal-kuntratt fuq l-internet lill-utenti finali, li hija imposta fuq id-distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE? Fit-tieni lok, tali restrizzjoni tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 2790/1999? Fit-tielet lok, fil-każ li r-restrizzjoni inkwistjoni ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali, tista’ hija tibbenefika minn eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) KE?
V – Domanda I – L-għan antikompetittiv
19. Il-PFDC issostni li restrizzjoni serja skont ir-Regolament Nru 2790/1999 ma tikkostitwixxix minnha nfisha ksur minħabba l-għan taħt l-Artikolu 81(1) KE u għaldaqstant ma tistax teżenta lill-awtorità jew qorti rilevanti milli tipprova, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ dak il-ksur. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom janalizzaw, b’mod individwali u in concreto, il-ftehim jew prattika fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku. Il-PFDC issostni li fid-deċiżjoni ma saritx tali analiżi mentri d-deċiżjoni kkonstatat biss li restrizzjoni serja tikkostitwixxi ksur minħabba l-għan. Il-PFDC tindika wkoll li l-għan tal-ftehim kien favur il-kompetizzjoni u riedet tiżgura li l-konsumaturi jkollhom l-aħjar parir possibbli meta jixtru wieħed mill-prodotti tagħha. L-ispiżjar, sabiex jagħti l-aħjar parir possibbli, irid jara hu personalment il-ġilda, xahar u qurriegħa tal-klijent. Parir ta’ din il-kwalità ma jistax jingħata fil-bejgħ mill-internet. Barra minn hekk, il-PFDC issostni li, li kieku awtorizzat il-bejgħ mill-internet, ir-rekwiżit li spiżjar irid ikun preżenti f’ħanut fiżiku jista’ jitqies bħala diskriminatorju. Il-PFDC tinnota wkoll li l-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva ma għandhomx jiġu eżaminati biss abbażi tal-prezz imma wkoll fid-dawl tas-servizzi pprovduti lill-konsumaturi. Iktar minn hekk, fid-dawl tal-livell qawwi ta’ kompetizzjoni bejn il-marki li tirriżulta mit-23 000 ħanut fi Franza, l-eżami in concreto juri li l-għan tal-ftehim ma huwiex li tiġi limitata l-kompetizzjoni.
20. L-Awtorità ssostni li l-projbizzjoni, minħabba l-għan antikompetittiv tagħha, hija restrizzjoni serja skont l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 u hija pprojbita taħt l-Artikolu 81(1) KE. Il-projbizzjoni tillimita l-bejgħ attiv u passiv fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999. L-Awtorità tinnota li l-internet jirrappreżenta mezz ġdid ta’ distribuzzjoni u għodda importanti biex tiżdied il-kompetizzjoni li għandhom jiġu rikonċiljati mal-mezzi iktar tradizzjonali bħalma hija d-distribuzzjoni selettiva li allura jiġġustifika li jiġu imposti ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet u l-eliminazzjoni totali tal-vantaġġi ovvji ta’ dawn minn aspett ta’ kompetizzjoni hija sproporzjonata. Il-projbizzjoni hija ta’ detriment għall-kompetizzjoni u għall-konsumaturi u tostakola l-integrazzjoni tas-suq intern u għaldaqstant tmur kontra wieħed mill-iktar għanijiet essenzjali tat-trattat. Il-kuntest ekonomiku u legali tal-proċeduri prinċipali ma jaffettwax din il-konklużjoni. Filwaqt li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tkun permissibbli jekk tosserva l-ġurisprudenza li taffettwaha, tali sistema twassal għal tnaqqis fil-kompetizzjoni, u għaldaqstant il-bżonn li jibqa’ jkun hemm kompetizzjoni isir iktar rilevanti.
21. Il-Gvern Franċiż isostni li f’dan il-każ jistgħu jingħataw żewġ interpretazzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE. Fl-ewwel lok, il-projbizzjoni tista’ titqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, liema restrizzjoni mhux biss għandha effett negattiv fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni minħabba li timponi effettivament restrizzjonijiet territorjali fuq id-distributuri, iżda tippreġudika wkoll l-interess tal-konsumaturi u ma hijiex oġġettivament ġustifikata. Fit-tieni lok, il-Gvern Franċiż isostni li fil-preżent ma hemmx biżżejjed esperjenza fuq jekk il-projbizzjoni inkwistjoni għandhiex, minnha nfisha, l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, hija indispensabbli li ssir evalwazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-projbizzjoni inkwistjoni. Il-Gvern Franċiż jinnota li l-projbizzjoni tista’ tikkontribwixxi biex tittejjeb l-immaġni tat-trademark tal-prodott għall-benefiċċju tal-kompetizzjoni bejn il-marki. Il-Gvern Taljan u Pollakk isostnu li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.
22. Il-Kummissjoni ssostni li l-projbizzjoni tikkostitwixxi ksur minħabba l-għan peress li, min-natura tagħha stess, x’aktarx li tnaqqas kunsiderevolment il-possibbiltà għad-distributur li jbiegħ lil klijenti barra mit-territorju mogħti lilu bil-kuntratt jew iż-żona ta’ attività tiegħu. Dan japplika b’mod partikolari fil-kuntest tad-distribuzzjoni selettiva li twassal għar-riskju ta’ tqassim tas-suq. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li din l-interpretazzjoni ma taffettwax id-dritt tal-produttur li jagħżel id-distributuri tiegħu abbażi ta’ kriterji speċifiċi u li jimponi kundizzjonijiet kwalitattivi li jirrigwardaw ir-reklamar, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni. L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA ssostni li, fl-ewwel lok, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ prodotti tal-kuntratt lill-utenti finali permezz tal-internet, li ġiet imposta fuq id-distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tista’ titqies bħala proporzjonata biss skont il-ġurisprudenza li tirrigwarda s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettivi, u għaldaqstant titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE jekk ir-rekwiżiti leġittimi li fuqhom tkun ibbażata s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ma jkunux jistgħu jiġu sodisfatti fil-każ ta’ bejgħ mill-internet u fit-tieni lok, tammonta għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1)KE jekk, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u legali, hija tkun intiża li taqsam is-swieq nazzjonali jew li trendi iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali, b’mod partikolari billi tipprevjeni jew tirrestrinġi l-kummerċ parallel.
A – Restrizzjoni serja/restrizzjoni minħabba l-għan
23. Skont id-digriet tar-rinviju, id-deċiżjoni kkonstatat, inter alia, li r-rekwiżit fil-kuntratti ta’ distribuzzjoni ta’ PFDC biex il-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni jsir f’ambjent fiżiku fil-preżenza ta’ spiżjar kwalifikat kien jikkostitwixxi projbizzjoni de facto fuq il-bejgħ mill-internet, jammonta għal restrizzjoni fuq il-bejgħ attiv jew passiv tad-distibuturi awtorizzati u għandu neċessarjament l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ġie kkonstatat li l-projbizzjoni tillimita l-libertà kummerċjali tad-distributuri ta’ PFDC billi teskludi mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha li jirrestrinġi wkoll l-għażla tal-konsumaturi li jkunu jixtiequ jixtru online. Il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk fid-dawl tal-fatt li fir-Regolament Nru 2790/1999 ma tissemma ebda projbizzjoni fuq il-bejgħ online, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ prodotti tal-kuntratt lill-utenti finali permezz tal-internet, li hija imposta fuq distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, tikkostitwixxix restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.
24. Jidhirli li fl-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hemm ċerta konfużjoni fir-rigward tal-kunċetti differenti tar-restrizzjoni minħabba l-għan u r-restrizzjoni serja. Fit-trattazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-PFDC irreferiet fit-tul għal din il-konfużjoni. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni lill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003, jidher (7) li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-projbizzjoni inkwistjoni “tikkostitwixxi restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 81(2) KE” (8). Madankollu, il-Kummissjoni fit-trattazzjoni tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-pożizzjoni tagħha fuq dan il-punt billi qalet li għalkemm jista’ jkun hemm xi rabtiet bejniethom, ir-restrizzjoni minħabba l-għan u r-restrizzjoni serja jikkostitwixxu żewġ kunċetti legali distinti.
25. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċar li l-ftehim vertikali jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikollhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (9). Kif indikat PFDC, il-kunċett ta’ restrizzjoni minħabba l-għan joħroġ minn kliem l-Artikolu 81(1) KE (10). Meta l-għan antikompetittiv tal-ftehim jiġi ppruvat, ma jkunx meħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti fuq il-kompetizzjoni (11). Madankollu, għalkemm il-konstatazzjoni ta’ ksur minħabba l-għan ta’ ftehim ma teħtieġx prova tal-effetti antikompetittivi tiegħu sabiex tiġi ppruvata n-natura antikompetittiva tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, inter alia, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, l-għanijiet li huwa jkun irid jilħaq u l-kuntest legali u ekonomiku li minnu jkun jifforma parti (12).
26. Għaldaqstant, l-għan antikompetittiv ta’ ftehim ma jistax jiġi ppruvat biss abbażi ta’ formola astratta.
27. Għaldaqstant, għalkemm l-esperjenza tal-passat turi li ċerti tipi ta’ ftehim huma, prima facie, ksur minħabba l-għan, dan ma jeżentax lill-Kummissjoni jew lil xi awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (13) mill-obbligu li jagħmlu evalwazzjoni individwali tal-ftehim. Jidhirli li tali evalwazzjoni tista’ titwaqqaf f’ċerti każijiet, pereżempju meta jkun hemm provi ċari ta’ kartell orizzontali li jkun intiż li jikkontrolla l-provvista sabiex jinżammu l-prezzijiet, iżda ma tistax tiġi evitata għal kollox.
28. Il-kunċett ta’ “restrizzjoni serja” ma joħroġx mit-Trattat KE u fil-fatt lanqas mil-leġiżlazzjoni Komunitarja iżda jissemma fil-Linji gwida fuq trażżin [restrizzjonijiet] vertikali (14) (iktar ’il quddiem “il-Linji Gwida”) li fil-paragrafu 46 jipprovdu li “[ir-Regolament Nru 2790/1999 [(15)] fl-Artikolu 4 fih lista ta’ restrizzjonijiet qawwija [serji] li jwasslu għall-esklużjoni tal-ftehim vertikali kollu mill-għan ta’ applikazzjoni ta[’ dan ir-Regolament]” (16). Għaldaqstant, l-imsemmija restrizzjonijiet serji jinkludu restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tax-xerrej biex jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ, restrizzjonijiet tat-territorju li fih, jew tal-konsumaturi li lilhom, ix-xerrej jista’ jbiegħ il-prodotti jew servizzi tal-kuntratt, ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv jew passiv (17) (18) lill-utenti finali minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u r-restrizzjoni fuq provvisti trażversali bejn distributuri f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Jiena tal-opinjoni li, filwaqt li l-inklużjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fi ftehim partikolari jwasslu għal dubji dwar il-konformità ta’ dak il-ftehim mal-Artikolu 81(1) KE (19) u fil-fatt, wara li jiġi eżaminat, inter alia, il-ftehim partikolari u l-kuntest ekonomiku u legali li minnu jifforma parti, tista’ twassal għal konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, ma hemm ebda preżunzjoni legali li l-ftehim jikser l-Artikolu 81(1) KE.
29. F’dan ir-rigward, fis-sentenza reċenti Pedro IV Servicios (20), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet semmiet il-mod ta’ kif japplikaw il-paragrafi separati tal-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant “meta ftehim ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha previsti minn regolament ta’ eżenzjoni, huwa jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE, ħlief jekk għandu bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni u jekk huwa ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan l-aħħar każ, u fin-nuqqas ta’ eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) KE, dan il-ftehim huwa null għal kollox skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-istess artikolu”. Jiena tal-opinjoni li, din is-silta tindika li ftehim li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha previsti minn xi regolament ta’ eżenzjoni (21) ma jkollux a fortiori l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.
30. Għaldaqstant, għandu jsir eżami individwali biex jiġi evalwat jekk il-ftehim għandux għan antikompetittiv anki meta jkun fih restrizzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999, li trendi għaldaqstant il-klawżola restrittiva ineliġibbli għall-eżenzjoni taħt ir-regolament imsemmi.
B – Ġustifikazzjoni oġġettiva
31. Il-PFDC issostni li l-projbizzjoni inkwistjoni hija oġġettivament ġustifikata minħabba n-natura tal-prodotti inkwistjoni u l-użu tagħhom. Hija ssostni li l-użu skorrett tal-prodotti tagħha jista’ jaffettwa ħażin lill-konsumaturi u għaldaqstant tiġġustifika l-bżonn ta’ servizz li jipprovdi parir ta’ kwalità għolja. Hija biss il-preżenza ta’ spiżjar li tista’ tiggarantixxi l-aqwa livell ta’ parir lill-konsumaturi. B’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Awtorità, il-PFDC issostni li l-kunċett ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva jmur lil hinn mill-kwistjonijiet ta’ sigurtà u saħħa pubblika. Il-PFDC issostni li l-approċċ restrittiv tal-Awtorità u tal-Kummissjoni jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fir-rigward ta’ oqsma oħra tad-dritt, irrikonoxxiet li l-validità ta’ ċerti prattiċi għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ raġunijiet imperattivi li ma humiex is-sigurtà u s-saħħa pubblika. Il-PFDC iċċitat f’dan ir-rigward il-punt 37 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Copad (22) li jipprovdi li “proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din tal-aħħar kontra detentur tal-liċenzja li jikser klawżola tal-kuntratt ta’ liċenzja li tipprojbixxi, għal raġunijiet ta’ prestiġju tat-trade mark, il-bejgħ lil persuni li jbigħu bi prezz inqas [...] sakemm jiġi stabbilit li dan il-ksur [...] iwassal għal ħsara lill-attrazzjoni u r-reputazzjoni ta’ prestiġju li jagħtu lill-imsemmija prodotti sensazzjoni ta’ lussu”.
32. Il-PFDC tgħid li, fi kwalunkwe każ, il-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet hija ġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u saħħa pubblika. Waqt is-seduta, wara mistoqsija magħmula lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-PFDC qalet li l-projbizzjoni inkwistjoni hija intiża li tiżgura l-użu korrett tal-prodotti tagħha mill-konsumaturi individwali.
33. L-Awtorità ssostni li l-kunċett ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għandu jiġi interpretat b’mod strett u japplika biss f’żewġ każijiet. Fl-ewwel lok, meta l-prattika toħroġ direttament mid-dritt nazzjonali jew Komunitarju li jkun intiż li jipproteġi lill-pubbliku. Fit-tieni lok, meta l-prattika tkun oġġettivament meħtieġa biex ikun jeżisti dak it-tip ta’ ftehim. Għaldaqstant, jistgħu jiġu invokati biss ġustifikazzjonijiet oġġettivi li ma għandhomx x’jaqsmu mal-impriża kkonċernata u l-għażliet kummerċjali tagħha. Iż-żewġ każijiet imsemmijin hawn fuq ma japplikawx fir-rigward tal-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ PFDC. Il-Kummissjoni tgħid li kif jinsab indikat fil-paragrafu 51 tal-Linji Gwida, ir-restrizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet ma tkunx milquta mill-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE jekk tkun oġġettivament ġustifikata. F’każijiet eċċezzjonali, ir-restrizzjoni ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni jekk tkun oġġettivament meħtieġa għall-eżistenza ta’ ftehim ta’ dak it-tip. Il-Kummissjoni ssostni li peress li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni ma hijiex regolata, ma jistax ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għal restrizzjoni serja. Fil-prinċipju, l-impriżi ma jistgħux jissostitwixxu lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fir-rigward tal-istabbiliment u nfurzar tar-rekwiżiti li jikkonċernaw is-sigurtà tal-prodotti u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li wara l-investigazzjoni tal-Bord, kien hemm impriżi oħra f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ PFDC li rnexxielhom jorganizzaw is-sistemi tad-distribuzzjoni selettiva tagħhom mingħajr projbizzjoni assoluta tal-bejgħ mill-internet.
34. Mill-atti li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ċar li l-prodotti inkwistjoni ma humiex prodotti mediċinali (23) u li ma jeżisti ebda rekwiżit regolatorju la fuq livell nazzjonali u lanqas fuq livell tal-Unjoni li jobbliga li l-bejgħ tagħhom isir f’ambjent fiżiku u fil-preżenza ta’ spiżjar kwalifikat (24) u li jiġġustifika għaldaqstant il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet inkwistjoni (25). Il-pretensjonijiet ta’ PFDC dwar is-sigurtà u s-saħħa pubblika jidhru għaldaqstant li huma oġġettivament infondati.
35. Ma neskludix il-possibbiltà li, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, ċerti miżuri volontarji privati (26) li jillimitaw il-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi permezz tal-internet jistgħu jkunu oġġettivament ġustifikati, minħabba n-natura ta’ dawk il-prodotti jew servizzi jew il-konsumaturi li jinbiegħu lilhom. Għaldaqstant, jiena naqbel mad-dikjarazzjoni li għamel il-Gvern Pollakk fit-trattazzjoni tiegħu fejn qal li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet oħra fejn il-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tkun oġġettivament ġustifikata anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew Komunitarji. Il-miżuri volontarji privati, meta jiġu inklużi fi ftehim, jistgħu ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE (27) jekk il-limitazzjonijiet imposti jkunu xierqa fid-dawl tal-għan leġittimu mfittex u ma jeċċedux dak li hu meħtieġ skont il-prinċipju tal-proporzjonalità. Jiena tal-opinjoni li, l-għan leġittimu jrid ikollu min-natura tad-dritt pubbliku (28) u għaldaqstant għandu jkun intiż li jipproteġi xi għan pubbliku u jmur lil hinn mis-sempliċi protezzjoni tal-immaġni tal-prodotti kkonċernati jew il-mod li bih l-impriża tkun tixtieq tikkumerċjalizza l-prodotti tagħha.
36. Ir-restrizzjonijiet intiżi biex tkun protetta l-immaġni tal-prodotti jew il-mod li bih huma jiġu kkummerċjalizzati għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu eżaminati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-distribuzzjoni selettiva (29).
37. Jiena nsostni għaldaqstant li l-pretensjonijiet ta’ PFDC fir-rigward tal-użu korrett tal-prodotti tagħha u l-ħtieġa li l-parir jingħata minn spiżjar ma jikkostitwixxux ġustifikazzjoni oġġettiva għall-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet.
38. Il-PFDC issostni wkoll li l-projbizzjoni hija oġġettivament ġustifikata minħabba r-riskju kbir li jiżdiedu l-prodotti foloz minħabba l-bejgħ mill-internet, bil-perikli li jirriżultaw fir-rigward tas-saħħa tal-konsumatur (30), u r-riskju tal-parassitiżmu li jista’ jwassal biex jisparixxu s-servizzi u l-pariri pprovduti fi spiżeriji peress li s-sidien ta’ siti internet ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-parassitiżmu fuq l-investimenti ta’ distributuri li ma jkollhomx tali siti internet.
39. Jiena tal-opinjoni li t-theddida ta’ iktar prodotti foloz u r-riskju tal-parassitiżmu huma ħsibijiet validi fil-kuntest tad-distribuzzjoni selettiva.
40. Madankollu, għandi dubji kemm id-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ xi produttur permezz tal-internet, min-naħa ta’ distributur magħżul, tista’ minnha nfisha twassal għal żieda fil-prodotti foloz u kemm l-effetti negattivi li jirriżultaw minn tali bejgħ ma jistax isir ilqugħ għalihom permezz ta’ miżuri ta’ sigurtà adegwati. Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-parassitiżmu, peress li ma hemmx dubju li l-ħolqien u t-tħaddim ta’ sit internet ta’ standard għoli tinvolvi ċerta spejjeż, ma jistax jiġi preżunt li jeżisti, fil-fatt, il-parassitiżmu min-naħa tad-distributuri tal-internet li jaħdmu mingħajr ħanut fiżiku. Barra minn hekk, jidhirli li produttur jista’ jimponi kundizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq id-distributuri selettivi tiegħu li jbiegħu mill-internet u dan sabiex jilqa’ għal tali parassitiżmu, u b’hekk jiżgura li n-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-produttur jopera b’mod ibbilanċjat u “ġust”. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta hija eċċessiva u mhux proporzjonata għar-riskji inkwistjoni.
41. Għaldaqstant, salv għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, jidher li l-pretensjonijiet ta’ PFDC li jirrigwardaw il-prodotti foloz u l-parassitiżmu huma infondati.
C – Restrizzjoni fuq il-bejgħ attiv u passiv
42. Id-Deċiżjoni tidher li hija bbażata fuq il-fatt li l-projbizzjoni de facto fuq il-bejgħ mill-internet (31) tammonta għal restrizzjoni fuq il-bejgħ attiv jew passiv tad-distributuri u, fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, tikser l-Artikolu 81(1) KE (32). Filwaqt li kif indikat tajjeb il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-prinċipju (33), il-ftehim intiżi li jipprojbixxu jew jillimitaw il-kummerċ parallel (34) għandhom bħala għan li jimpedixxu l-kompetizzjoni (35), fil-fehma tiegħi, is-sempliċi fatt li l-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jirrestrinġu l-kummerċ parallel (36), minnu nnifsu, ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-ftehim għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (37). Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva bilfors jaffettwaw il-kompetizzjoni (38) u dan peress li mhux biss jillimitaw il-kompetizzjoni fil-prezz (39) iżda jaffettwaw ukoll il-kummerċ parallel (40) minħabba li d-distributuri jkunu jistgħu jbiegħu biss lil distributuri awtorizzati oħra jew lill-utenti finali. Madankollu, minkejja tali restrizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’ċerti ċirkustanzi l-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva ma jkollhomx għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.
43. Barra minn hekk, għalkemm jidher li l-projbizzjoni fuq il-bejgħ mill-internet tirrestrinġi l-kummerċ parallel b’mod iktar estensiv mir-restrizzjonijiet inerenti għall-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva u għaldaqstant għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju, jiena tal-opinjoni li għandha ssir ukoll evalwazzjoni dwar jekk il-klawżoli fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, u dan fid-dawl tan-natura tal-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva u l-ġurisprudenza li tirrigwardaha li tifforma parti mill-kuntest ekonomiku u legali li fih ġew konklużi u jaħdmu l-ftehim.
D – Distribuzzjoni selettiva
44. Mill-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-preżenza ta’ spiżjar fil-post tal-bejgħ ittejjeb l-immaġni tal-prodotti inkwistjoni (41). Fis-sentenza tagħha Copad (42), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-karatteristiċi tal-prodotti jirriżultaw mhux biss mill-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll mis-sensazzjoni li toħroġ minnhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li l-karatteristiċi u l-metodi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva stess jistgħu, fihom infushom, jippreżervaw il-kwalità u jiżguraw l-użu xieraq ta’ tali prodotti (43), f’dak il-każ ta’ prodotti ta’ lussu (44).
45. Fejn produttur ikun jixtieq jimponi kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-mod li bih jinbiegħu l-prodotti, bħalma huwa l-obbligu li d-distributuri u l-persunal tagħhom għandhom ikunu speċjalizzati fil-bejgħ ta’ dawk il-prodotti u għandhom jipprovdu parir xieraq lill-klijenti jew l-obbligi li jirrigwardaw il-preżentazzjoni ta’ dawk il-prodotti b’mod li jtejjeb l-immaġni tagħhom, il-prodottur jista’ jwaqqaf u jħaddem sistema ta’ distribuzzjoni selettiva sabiex jagħżel lid-distributuri tiegħu skont tali speċifikazzjonijiet.
46. Fis-sentenza Metro I (45), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura u l-intensità tal-kompetizzjoni tista’ tvarja skont, inter alia, il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. Il-produttur jista’, għaldaqstant, jadatta l-mod ta’ distribuzzjoni tiegħu sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-klijenti tiegħu u, f’dan ir-rigward, is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxu aspett tal-kompetizzjoni li ma jmurx kontra l-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, fis-sentenza AEG (46), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li jinżamm negozju speċjalizzat li huwa kapaċi li jipprovdi servizzi speċifiċi f’dak li jirrigwarda prodotti ta’ kwalità għolja u ta’ teknoloġija għolja (47) jista’ jiġġustifika tnaqqis fil-kompetizzjoni tal-prezz favur kompetizzjoni li tirrigwarda fatturi li ma humiex il-prezz. Madankollu, it-tnaqqis fil-kompetizzjoni tal-prezz jista’ jkun ġustifikat biss jekk tittejjeb il-kompetizzjoni f’fatturi oħra (48).
47. Hija ġurisprudenza stabbilita li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva huma permissibbli jekk id-distributuri jintgħażlu abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva li jirrigwardaw il-kwalifiki tekniċi tad-distributur u tal-persunal tiegħu u l-adegwatezza tal-post minn fejn jopera u li tali kundizzjonijiet jiġu imposti b’mod uniformi għall-bejjiegħa potenzjali kollha u ma jiġux applikati b’mod diskriminatorju (49). Għaldaqstant, il-produttur ma jistax jirrifjuta milli japprova lid-distributuri li jissodisfaw il-kriterji kwalitattivi tas-sistema ta’ distribuzzjoni (50).
48. Il-parti l-kbira mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ffukat fuq jekk id-distributuri ntgħażlux b’mod uniformi u b’mod mhux diskriminatorju. Il-kwistjoni tal-ammissjoni fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tal-grupp Pierre Fabre ma hijiex, minnha nfisha, ikkontestata fil-proċeduri prinċipali u dan peress li ma hemm ebda allegazzjoni li s-sistema selettiva tal-grupp taħdem b’mod diskriminatorju. Dik li hija kkontestata fil-fatt hija l-konformità tal-kriterji magħżula għas-selezzjoni, mal-Artikolu 81(1) KE. F’dan ir-rigward, ninnota li l-kriterji ta’ selezzjoni li ġew identifikati fid-Deċiżjoni bħala li jiksru l-Artikolu 81(1) KE jirrigwardaw, fil-fatt, il-kwalifiki tekniċi tad-distributuri magħżula tal-grupp Pierre Fabre u tal-persunal tagħhom (51) u l-fatt li l-prodotti jinbiegħu f’ambjent fiżiku.
49. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-prinċipju, meta d-dħul f’netwerk ta’ distribuzzjoni selettiv ikun suġġett għal kundizzjonijiet li jmorru lil hinn mis-sempliċi selezzjoni kwalitattiva oġġettiva, dawk il-kundizzjonijiet ikunu jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE, speċjalment meta jkunu bbażati fuq kriterji tal-għażla kwantitattivi (52) (53). F’dan ir-rigward, fil-ġurisprudenza ġiet stabbilita distinzjoni ċara bejn kriterji kwalitattivi u kwantitattivi.
50. Madankollu, mhux kull kriterju kwalitattiv għall-għażla tad-distributuri huwa permissibbli taħt l-Artikolu 81(1) KE (54).
51. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, produttur li jħaddem sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għandu jimponi kriterji kwalitattivi li jeċċedu r-regoli nazzjonali jew tal-Unjoni li jirregolaw il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti (55), il-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni għandhom jinneċessitaw sistema ta’ distribuzzjoni selettiva sabiex jippreżervaw il-kwalità tagħhom u jiżguraw l-użu tajjeb tagħhom (56) u l-kriterji ma għandhomx jeċċedu dak li hu oġġettivament meħtieġ (57) sabiex iqassmu dawk il-prodotti b’mod xieraq, fid-dawl mhux biss tal-kwalitajiet materjali tagħhom imma wkoll tal-attrazzjoni jew immaġni tagħhom (58).
52. Jiena tal-opinjoni li, l-kriterji kwalitattivi fi ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li josservaw il-kundizzjonijiet imsemmija iżda li jwasslu għal restrizzjoni tal-kummerċ parallel, li hija iktar estensiva mir-restrizzjoni inerenti għal xi ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva, ma għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.
53. Jidhirli li, salv għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, il-prodotti inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali huma adatti biex jitqassmu permezz ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Barra minn hekk, jidhirli li, salv għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżiti imposti mill-grupp Pierre Fabre fil-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva biex il-prodotti tiegħu jinbiegħu f’ambjent fiżiku fil-preżenza ta’ spiżjar ma humiex intiżi li jirrestrinġu l-kummerċ parallel, iżda pjuttost biex tiġi ppreżervata l-immaġni li l-prodotti tagħha akkwistaw minħabba s-servizzi partikolari disponibbli direttament u fil-pront għall-konsumaturi fil-post tal-bejgħ (59).
54. Għalkemm il-qorti tar-rinviju nnutat l-immaġni pożittiva li tingħata meta jkun preżenti spiżjar u minħabba l-viċinanza tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali li jeħtieġu riċetta, jiena tal-opinjoni li, dik il-qorti għandha teżamina jekk projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet hijiex proporzjonata. Wieħed jista’ jifhem li jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn il-bejgħ ta’ ċerti prodotti permezz tal-internet jista’ jippreġudika inter alia l-immaġni u għaldaqstant ukoll il-kwalità ta’ dawk il-prodotti b’mod li jiġġustifikaw projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet. Madankollu, peress li produttur jista’, fil-fehma tiegħi, jimponi kundizzjonijiet xierqa, raġonevoli u mhux diskriminatorji fuq il-bejgħ mill-internet (60) biex jipproteġi l-immaġni tal-prodott tiegħu, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet li tiġi imposta mill-produttur fuq distributur, fil-fehma tiegħi, hija proporzjonata f’ċirkustanzi verament eċċezzjonali biss.
55. Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, pereżempju, jekk l-informazzjoni u l-pariri individwalizzati fuq il-prodotti inkwistjoni jistgħux jingħataw b’mod adegwat lill-utenti mill-bogħod permezz tal-internet, bil-possibbiltà li l-utenti jressqu mistoqsijiet rilevanti fuq il-prodotti mingħajr il-bżonn li jmorru fi spiżerija (61). F’dawn il-każijiet, id-distributuri tal-grupp Pierre Fabre jistgħu jindikaw ukoll li l-parir individwali u dirett jista’ jingħata lill-utenti f’ċerti ħwienet.
56. Barra minn hekk, għalkemm jirriżulta mill-atti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kompetizzjoni bejn il-marki hija diġà qawwija minħabba l-bejgħ tal-prodotti f’numru kbir ta’ ħwienet fi Franza, il-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet telimina mezz ta’ distribuzzjoni modern li jippermetti lill-konsumaturi jixtru dawk il-prodotti barra miż-żona li s-soltu tintlaħaq minn dawk il-ħwienet u għaldaqstant potenzjalment ittejjeb il-kompetizzjoni bejn il-marki. Il-bejgħ mill-internet jista’ jtejjeb ukoll il-kompetizzjoni bejn il-marki peress li dan il-bejgħ jista’ jżid it-trasparenza fil-prezzijiet u għaldaqstant jippermetti li jiġu pparagunati l-prezzijiet tal-prodotti inkwistjoni (62).
57. Għaldaqstant, jidhirli li projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ tal-prodotti lil utenti finali permezz tal-internet, li tiġi imposta fuq distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva li timpedixxi jew tirrestrinġi l-kummerċ parallel b’mod iktar estensiv mir-restrizzjonijiet li huma inerenti għall-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva u li teċċedi dak li hu oġġettivament meħtieġ biex jitqassmu dawk il-prodotti b’mod xieraq, fid-dawl mhux biss tal-kwalitajiet materjali imma wkoll tal-attrazzjoni jew l-immaġni tagħhom, għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.
VI – Domanda II – Ir-Regolament Nru 2790/1999
58. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2790/1999, l-Artikolu 81(1) KE ma japplikax għal ċerti kategoriji ta’ ftehim vertikali u ftehim jew prattiċi miftiehma li jidħlu fihom żewġ impriżi jew aktar u li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi (63). Skont l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 tal-istess regolament ma għandhiex tapplika għal ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jirrestrinġu l-bejgħ attiv jew passiv lil utenti finali minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni li taħdem fil-livell ta’ kummerċ tal-bejgħ bl-imnut. Madankollu, din hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun projbit milli jopera minn post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat.
59. Jiena tal-opinjoni li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet tirrestrinġi kemm il-bejgħ attiv kif ukoll dak passiv (64) b’mod li trendi l-klawżoli inkwistjoni fil-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva, ineliġibbli għall-eżenzjoni prevista fir-Regolament Nru 2790/1999 sakemm il-bejgħ mill-internet ma jitqiesx bħala operar minn post ta’ stabbiliment li ma huwiex awtorizzat.
60. Il-PFDC issostni li l-bejgħ mill-internet ma jammontax għall-bejgħ minn post ta’ stabbiliment awtorizzat; għaldaqstant il-bejgħ imsemmi għandu jitqies bħala bejgħ minn stabbiliment (virtwali) ieħor. Anki n-natura stess ta’ dan il-bejgħ hija differenti u l-bejgħ fil-preżenza ta’ spiżjar ma jistax jitqabbel mal-bejgħ mill-internet. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 ma jirreferix għall-bejgħ mill-internet, u għaldaqstant jippermetti lill-produttur joġġezzjona għal distributur awtorizzat li jbiegħ il-prodotti tal-kuntratt minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat, kemm jekk dak l-istabbiliment ikun ħanut fiżiku kif ukoll jekk ikun sit tal-internet.
61. L-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 ma jagħmel ebda referenza għall-bejgħ mill-internet (65). Madankollu, jiena tal-opinjoni li l-internet ma jistax jitqies bħala stabbiliment (virtwali) iżda pjuttost bħala mezz modern ta’ komunikazzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u servizzi. Għaldaqstant, filwaqt li distributur awtorizzat jista’ jkun limitat taħt l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999 milli jiċċaqlaq mill-ħanut/post tiegħu mingħajr il-kunsens minn qabel tal-produttur, u għaldaqstant jiġi żgurat li l-istess produttur ikun jista’ inter alia jikkontrolla l-kwalità u l-preżentazzjoni ta’ dak il-ħanut/post, jidhirli li projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet fi ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva tiddekadi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni taħt l-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999. Kif diġà ntqal fil-punt 54 hawn fuq, produttur jista’ fil-fehma tiegħi, jimponi kundizzjonijiet xierqa, raġonevoli u mhux diskriminatorji li jirrigwardaw il-bejgħ mill-internet u b’hekk jiżgura l-kwalità tal-preżentazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-prodotti u servizzi rreklamati u kkummerċjalizzati b’dak il-mod.
62. Għaldaqstant, jidhirli li ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali prevista fir-Regolament Nru 2790/1999, u dan peress li tali projbizzjoni taħdem bħala limitazzjoni fuq il-bejgħ attiv u passiv fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) ta’ dak ir-regolament. Il-bejgħ mill-internet ta’ prodotti tal-kuntratt minn negozjant awtorizzat ma jikkostitwixxix l-operar minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999.
VII – Domanda III – L-eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE
63. Il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindika jekk, fil-każ li l-projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali taħt ir-Regolament Nru 2790/1999, tistax hija tibbenefika minn eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE.
64. Huwa biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-projbizzjoni inkwistjoni tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u ma tibbenefikax mill-eżenzjoni ġenerali taħt ir-Regolament Nru 2790/1999 li jkun meħtieġ li l-istess qorti tar-rinviju tagħmel analiżi b’referenza għall-Artikolu 81(3) KE. Barra minn hekk, kull ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jista’, fil-prinċipju, jibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE. Għaldaqstant, kif indikat sewwa l-Kummissjoni fit-trattazzjoni tagħha, anki meta l-ftehim jinsab li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(2) KE, dak il-ftehim ma jiġix awtomatikament eskluż mill-benefiċċju tal-Artikolu 81(3) KE.
65. L-applikabbiltà tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE taqa’ taħt erba’ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-istess dispożizzjoni. Fl-ewwel lok jeħtieġ li l-ftehim ikkonċernat jikkontribwixxi sabiex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, jew sabiex jippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku; fit-tieni lok, li parti xierqa tal-profitt li jirriżulta jkun riżervat għal-konsumaturi; fit-tielet lok, li ma jimponi l-ebda restrizzjoni li ma hijiex indispensabbli għall-impriżi parteċipanti; u, fir-raba’ lok, li ma jagħtihomx il-possibbiltà li jelimina l-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni (66).
66. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 bit-titolu “L-oneru tal-Prova”, l-impriża li tapplika għall-benefiċċju tal-Artikolu 81(3) KE iġġorr l-oneru li tipprova li l-kundizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma sodisfatti. Madankollu, l-elementi fattwali invokati mill-imsemmija impriża jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, li fin-nuqqas tagħha jkun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova ġie sodisfatt. (67)
67. Peress li ma hemmx biżżejjed provi fl-atti li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-materja, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-indikazzjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni speċifika tal-Artikolu 81(3) għall-fatti fil-kawża prinċipali.
68. Għaldaqstant insostni li ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet jista’ jibbenefika minn eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE, jekk l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti.
VIII – Konklużjoni
69. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi magħmula mill-Cour d’appel de Paris:
1) Projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ ta’ prodotti lil utenti finali permezz tal-internet, li tiġi imposta fuq distributuri awtorizzati fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, li timpedixxi jew tirrestrinġi l-kummerċ parallel b’mod iktar estensiv mir-restrizzjonijiet li huma inerenti għall-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva u li teċċedi dak li hu oġġettivament meħtieġ biex jitqassmu dawk il-prodotti b’mod xieraq, fid-dawl mhux biss tal-kwalitajiet materjali imma wkoll tal-attrazzjoni jew l-immaġni tagħhom, għandha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.
2) Ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali prevista fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2790/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma, u dan peress li tali projbizzjoni taħdem bħala limitazzjoni fuq il-bejgħ attiv u passiv fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) ta’ dak ir-regolament. Il-bejgħ mill-internet ta’ prodotti tal-kuntratt minn negozjant awtorizzat ma jikkostitwixxix l-operar minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament Nru 2790/1999.
3) Ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva li jkun fih projbizzjoni ġenerali u assoluta fuq il-bejgħ mill-internet jista’ jibbenefika minn eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 81(3) KE, jekk l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti.