Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Trier (il-Ġermanja) fl-1 ta’ Awwissu 2016 – Verband Sozialer Wettbewerb e.V. vs TofuTown.com GmbH

(Kawża C-422/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Trier

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Verband Sozialer Wettbewerb e.V.

Konvenuta: TofuTown.com GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 78(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 [iktar ’il quddiem ir-“Regolament (UE) Nru 1308/2013”) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet u d-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ previsti fl-Anness VII ma għandhomx għalfejn jissodisfaw l-eżiġenzi korrispondenti ddefiniti fl-imsemmi anness jekk dawn id-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet u d-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ ikunu elaborati b’indikazzjonijiet kjarifikatorji jew deskrittivi (bħal pereżempju “butir tat-tofu” għal prodott purament veġetali)?

Il-punt 1 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-denominazzjoni “ħalib” hija rriżervata esklużivament għal prodott tas-sekrezzjoni mammarja normali miksub minn ħalba waħda jew iktar, mingħajr ebda żieda jew estrazzjoni, jew din id-denominazzjoni tista’ wkoll tintuża għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti veġetali (vegani), u fejn neċessarju, biż-żieda ta’ termini kjarifikatorji bħal “ħalib tas-soja”?

Il-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII, b’konnessjoni mal-Artikolu 78 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-denominazzjonijiet elenkati fid-dettall fil-punt 2.a, b’mod partikolari, ix-“xorrox”, il-“krema”, il-“butir”, ix-“xorrox tal-butir”, il-“ġobon”, il-“jogurt” jew it-terminu “panna” eċċ, huma rriżervati biss għall-prodotti tal-ħalib, jew prodotti purament veġetali (vegani), li ġew immanifatturati mingħajr ħalib (tal-annimali), jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013?

____________

1  ĠU L 347, p. 671.