L-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja

L-istorja tal-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta mill-qrib ma’ dik tal-Unjoni Ewropea nnifisha. Inizjalment kienet isservi bħala l-korp ġudizzjarju tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, u sussegwentement evolviet fil-fergħa ġudizzjarja tal-Unjoni kif nafuha llum.

Din il-paġna tiddeskrivi l-evoluzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja matul żminijiet differenti tal-istorja tagħha.

1952 sa 1958 – Il-bidu tal-Qorti tal-Ġustizzja: il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar

Fit‑18 ta’ April 1951, sitt pajjiżi, il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi, iffirmaw it-Trattat ta’ Pariġi li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA). It-tama kienet li bil-ġbir tal-produzzjoni kollha tal-faħam u tal-azzar fil-kuntest ta’ organizzazzjoni komuni, ikun impossibbli għal dawn il-pajjiżi li qatt ma jwettqu gwerra kontra xulxin.

Treaty of Paris, 18 April 1951

Dan it-Trattat daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Lulju 1952 u ħoloq erba’ istituzzjonijiet tal-KEFA:

  • l-Awtorità Għolja (il-predeċessur tal-Kummissjoni Ewropea)
  • l-Assemblea Komuni (il-predeċessur tal-Parlament Ewropew)
  • il-Kunsill Speċjali tal-Ministri (il-predeċessur tal-Kunsill tal-Unjoni)
  • il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-kompitu li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-KEFA fl-Istati Membri kollha u li ssolvi tilwim legali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-KEFA.

Wara negozjati twal bejn il-gvernijiet, il-Lussemburgu ntgħażel bħala s-sede għal tlieta mill-erba’ istituzzjonijiet tal-KEFA, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel udjenza solenni tagħha nżammet fl‑4 ta’ Diċembru 1952 f’Villa Vauban. Ħadu l-ġurament seba’ Mħallfin u wieħed miż-żewġ Avukati Ġenerali.

Kont taf?

It-Trattat tal-Unjoni Ewropea issa jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha Mħallef għal kull Stat Membru. Madankollu, sal‑2003, in-numru ta’ Mħallfin kien jingħata bħala numru fiss. Dan in-numru kien ugwali għan-numru ta’ Stati Membri jew, jekk kien hemm numru pari ta’ Stati Membri, kien dak in-numru biż-żieda ta’ wieħed. Meta pajjiżi ġodda kienu jissieħbu fl-Unjoni, dan in-numru kien jinbidel sabiex jirrifletti ż-żieda tal-Istati Membri, iżda kellu jibqa’ numru fard. Għalhekk, mill‑1952 sal‑1973, kien hemm seba’ Mħallfin. Mill‑1981 sal‑1995, meta wkoll kien hemm numru pari ta’ Stati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll Imħallef addizzjonali. Dan sabiex jiġi żgurat li fil-każ ta’ votazzjoni qatt ma kien se jkun hemm voti ndaqs. Sal‑2009, il-Qorti tal-Ġustizzja rarament ipparteċipat f’Seduta Plenarja, iżda użat Awli u għalhekk dan ma kienx iktar meħtieġ.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha erba’ lingwi proċedurali: il-Ġermaniż, il-Franċiż, it-Taljan u l-Olandiż. L-ewwel President tal-Qorti tal-Ġustizzja kien Massimo Pilotti, li eżerċita l-funzjonijiet tiegħu mill‑1952 sal‑1958.

A hearing before the Court

Kont taf?

Dawn l-ewwel Membri kellhom jagħtu deċiżjoni dwar ċerti elementi fundamentali tal-ħajja tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-riżultati tagħhom għadhom viżibbli llum.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet is-siġill tal-Qorti tal-Ġustizzja, li mbagħad sar il-logo tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-simboli tradizzjonali tal-ġustizzja, ix-xabla u l-miżien tqiegħdu quddiem ktieb sabiex jirrappreżenta t-tagħlim u l-għerf, u fuq dawn girlanda tal-weraq tal-ballut, simbolu ta’ awtorità li jmur lura għaż-żminijiet tar-Rumani.

Il-kelma “Curia”, bil-Latin għall-qorti, ġiet miżjuda mas-siġill. Dan ippermetta li tiġi evitata l-problema tal-użu ta’ diversi lingwi fis-siġill. Din il-kelma issa tintuża fl-indirizz internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Dawn il-Membri ddeċidew ukoll li għandhom jintlibsu togi waqt is-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fuq proposta tal-Imħallef Ġermaniż intgħażel kulur aħmar skur li jagħti fil-vjola, li kien il-kulur tat-togi milbusa mill-imħallfin tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja Ġermaniża). Dan il-kulur issa jintuża wkoll fl-identità viżiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż f’dan is-sit internet.

Għal kważi għoxrin sena, il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja kienu wkoll jilbsu beritta. Iżda dan twaqqaf fl‑1973. Ftit wara, l-istrixxi tat-toga, li inizjalment kienu rrakkmati, saru iktar sempliċi.

Ma hemm xejn fl-ilbies tal-qorti li jiddistingwi Membru tal-Qorti tal-Ġustizzja minn ieħor. Madankollu, in-naħa ta’ quddiem tat-toga tar-Reġistratur hija mdawwra bis-satin, filwaqt li t-togi milbusa mill-Imħallfin u mill-Avukati Ġenerali huma mdawwra bil-bellus.

Meta ġiet stabbilita l-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali), il-blumarin intgħażel bħala l-kulur ta’ dawn it-togi.

L-ewwel kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’April 1953: Verband Deutscher Reeder vs L‑Awtorità Għolja (1/53). Madankollu, hija tat l-ewwel sentenzi tagħha biss fil‑21 ta’ Diċembru 1954. Dawn kienu:

  • Franza vs L‑Awtorità Għolja (1/54)
  • L‑Italja vs L‑Awtorità Għolja (2/54)

Verband Deutscher Reeder v High Authority (1/53)

Kont taf?           

Fil-kawża Franza vs L‑Awtorità Għolja, il-Gvern Franċiż ikkontesta ċerti deċiżjonijiet tal-Awtorità Għolja dwar il-prezzijiet u l-prattiki diskriminatorji fis-settur tal-azzar. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Awtorità Għolja kienet kisret it-Trattat, li għamel obbligatorju l-pubblikazzjoni minn qabel tal-listi tal-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ.

Bejn l‑1954 u l‑1956, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat żieda fil-kawżi, fejn ittrattat bejn l‑10 u t‑12‑il kawża fis-sena.

1958 sa 1988 – Tliet komunitajiet, qorti waħda: il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

Fil‑25 ta’ Marzu 1957, l-Istati Membri ffirmaw it-Trattati ta’ Ruma. Dawn it-Trattati daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1958 u stabbilixxew il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-KEFA ġiet issostitwita mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Din il-qorti waħdanija kienet responsabbli għall-KEFA, għall-KEE u għall-Euratom. Il-President u l-Membri ħadu l-ġurament fis‑7 ta’ Ottubru 1958.

Kont taf?

Is‑7 ta’ Ottubru saret data ewlenija fil-kalendarju tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-mandat fil-kariga tal-Imħallfin u tal-Avukati Ġenerali għadhom jibdew f’din id-data. Kull tliet snin, il-mandat ta’ nofs l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jiskadi. Dan ifisser li din id-data saret punt ta’ riferiment regolari fil-kalendarju tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li xi Membri jitilqu, Membri ġodda jaslu u oħrajn jaraw il-mandat tagħhom imġedded għal perijodu ieħor ta’ sitt snin.

F’Ġunju 1961, il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet l-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, imressqa mill-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag fil-kawża De Geus en Uitdenbogerd vs Bosch et (13/61).

Fl-ewwel snin tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet numru ta’ prinċipji kostituzzjonali ewlenin, bħall-prinċipji ta’ effett dirett u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

Għal iktar informazzjoni dwar dawn is-sentenzi u sentenzi ewlenin oħra, ara l-paġna tagħna dwar il-Ġurisprudenza fundamentali.

Fl-aħħar tas-snin 60, l-awtoritajiet Lussemburgiżi ddeċidew li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni fil-Lussemburgu kellhom ikunu stabbiliti fiż-żona ta’ Kirchberg. Dan wassal għall-kostruzzjoni tal-Palazz, li ntemmet fl‑1972.

The building of the Palais, which was completed in 1972

Dan ikkoinċida mal-ewwel tkabbir tal-Unjoni fl‑1 ta’ Jannar 1973, data li fiha r-Renju Unit, id-Danimarka u l-Irlanda ngħaqdu mal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żdiedet fid-daqs għal 9 Imħallfin, 4 Avukati Ġenerali u 7 lingwi tal-kawża.

Wara l-adeżjoni tal-Greċja fl‑1 ta’ Jannar 1981, il-Qorti tal-Ġustizzja kibret għal 11‑il Imħallef, 5 Avukati Ġenerali u 8 lingwi tal-kawża.

Spanja u l-Portugall ingħaqdu fl‑1986, li wassal għal 13‑il Imħallef, 6 Avukati Ġenerali u 10 lingwi tal-kawża.

Sabiex jilqgħu għan-numru dejjem jikber ta’ Membri u tal-membri tal-persunal, iż-żona madwar il-Palazz reġgħet ġiet imfassla sabiex tippermetti li jsiru tliet estensjonijiet suċċessivi.

Il-volum ta’ xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja żdied ukoll b’mod sinjifikattiv matul dan il-perijodu, minn 79 kawża fl‑1970 għal 279 kawża fl‑1980. Dan wassal sabiex jibda jissemma l-ħolqien tat-tieni qorti. Sa ma ttieħdu dawn il-miżuri, dan in-numru tela’ għal 395 kawża fl‑1987.

1988 sa 2004 – Sistema ġudizzjarja fuq żewġ livelli: ħolqien tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill iddeċieda li jistabbilixxi l-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fl‑24 ta’ Ottubru 1988. L-għan kien li jitnaqqas il-volum ta’ xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tkun tista’ tikkonċentra fuq il-missjoni fundamentali tagħha li tiżgura interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju. Hija kkontribwixxiet ukoll għat-titjib tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-kumpanniji u tal-individwi billi ħolqot qorti inferjuri ġdida ddedikata għal dawn il-kawżi.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tkun il-punt ta’ dħul ġdid għal ċerti tipi ta’ kawżi. Id-deċiżjonijiet tagħha setgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Inizjalment hija ttrattat ir-rikorsi tal-kumpanniji minn deċiżjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif ukoll il-kawżi fil-qasam tal-impjieg imressqa minn uffiċjali tal-Unjoni. Madankollu, il-ġurisdizzjoni tagħha malajr ġiet estiża sabiex tittratta varjetà kbira ta’ kawżi.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet tinsab fil-Bini Erasmus, li tlesta fl‑1988. Il-Membri l-ġodda tagħha ħadu l-ġurament fil‑25 ta’ Settembru 1989.

Ftit wara l-Qorti tal-Prim’Istanza żammet l-ewwel seduta tagħha fil-kawża Tetra Pak Rausing vs Il‑Kummissjoni (T‑51/89). Fit‑30 ta’ Jannar 1990, hija tat l-ewwel sentenza tagħha fil-kawża Yorck von Wartenburg vs Il‑Parlament (T‑42/89).

Matul is-snin ta’ wara, l-istituzzjoni ġudizzjarja għaddiet minn żvilupp arkitettoniku importanti. Il-Bini Thomas More tlesta fl‑1992 u l-Bini Themis tlesta fl‑1994.

Court of Justice buildings in 2001

Kont taf?

Il-parti l-kbira tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja ngħataw l-isem ta’ avukati u ta’ filosfi tad-dritt Ewropej famużi. Tista’ tkun taf iktar dwarhom f’kull paġna dwar il-bini li jkollu isimhom.

Fl-istess ħin, l-Unjoni kompliet tikber: ir-raba’ tkabbir, fl‑1 ta’ Jannar 1995, integra l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja fl-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żdiedet għal 15‑il Imħallef, u 9 Avukati Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali żdiedet ukoll għal 15‑il Imħallef. Dawn iż-żewġ Qrati issa kienu qed jaħdmu fi 12‑il lingwa tal-kawża.

Kont taf?

Is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja deher online fl‑1996. Inizjalment, kien biss jagħti aċċess għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda dan malajr ġie żviluppat f’sit iktar wiesa’ li jipprovdi stqarrijiet għall-istampa u informazzjoni ġenerali dwar il-Qorti tal-Ġustizzja.

Illum jagħti aċċess mhux biss għall-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, iżda wkoll għal informazzjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Membri tagħha, kif ukoll għal numru kbir ta’ riżorsi legali għall-prattikanti, għall-akkademiċi u għall-istudenti.

Fl‑1 ta’ Mejju 2004, l-Unjoni rat l-ikbar espansjoni tagħha, li kienet tinvolvi ż-żieda ta’ 10 Stati Membri ġodda: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja. Il-Qorti tal-Ġustizzja issa kellha 25 Imħallef, u 8 Avukati Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali żdiedet ukoll għal 25 Imħallef. Iż-żewġ Qrati issa kienu qed jaħdmu f’21 lingwa tal-kawża

Hekk kif l-Unjoni kibret, il-kawżi quddiem iż-żewġ qrati żdied b’mod kostanti.

2004 sa 2016 – Riforma tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni

Fit‑2 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill stabbilixxa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu seba’ Mħallfin u kien ttratta tilwim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħhom. Dan kien inħoloq sabiex jitnaqqas il-volum ta’ xogħol tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

Fl‑1 ta’ Jannar 2007, il-Bulgarija u r-Rumanija ngħaqdu mal-Unjoni, u żiedu n-numru ta’ Mħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali għal 27 f’kull wieħed, u n-numru ta’ lingwi tal-kawża għal 23. In-numru ta’ Avukati Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja baqa’ 8.

Iktar tard fl-istess sena, fit‑13 ta’ Diċembru 2007, ġie ffirmat it-Trattat ta’ Lisbona. Dan daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2009 u introduċa diversi bidliet.

  • L-Istituzzjoni ngħatat l-isem “Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”.
  • Il-Qorti tal-Prim’Istanza ngħatat l-isem “Il-Qorti Ġenerali”.
  • Il-“Kumitat 255” ġie stabbilit sabiex jevalwa l-kapaċità tal-kandidati għall-Imħallfin u għall-Avukati Ġenerali proposti mill-Istati Membri.

Dejjem f’dak iż-żmien, fl‑2008, il-“proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari” ġiet stabbilita sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari malajr ħafna meta dan kien jirriżulta neċessarju, pereżempju f’kawżi li jinvolvu persuni fil-ħabs jew f’kawżi li jikkonċernaw l-awtorità tal-ġenituri jew il-kustodja ta’ minuri ta’ età żgħira.

Fl‑2008, tlestiet ir-raba’ estensjoni arkitettonika għall-Qorti tal-Ġustizzja. Din kienet magħmula mill-Anell, bini ta’ żewġ sulari li jdawwar l-Palazz, kif ukoll żewġ torrijiet tewmin ta’ 24 sular.

Court of Justice buildings in 2008

Minbarra dawn il-bidliet strutturali u arkitettoniċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ukoll passi sabiex timmodernizza l-prattiki tax-xogħol tagħha. Fl‑2011, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet tagħmel użu minn possibbiltajiet oħra offruti mit-teknoloġija diġitali u nediet l-applikazzjoni tagħha e‑Curia. Din l-applikazzjoni tippermetti lill-avukati u lill-partijiet jiskambjaw dokumenti mal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod elettroniku u b’sigurtà sħiħa.

Fl‑1 ta’ Lulju 2013, il-Kroazja saret it‑28 Membru tal-Unjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja laħqet 28 Imħallef u 8 Avukati Ġenerali. Id-disa’ Avukat Ġenerali wasal f’Ottubru 2013. Il-Qorti Ġenerali żdiedet ukoll għal 28 Imħallef. Dawn iż-żewġ Qrati issa kienu qed jaħdmu f’24 lingwa tal-kawża.

Fl‑2015, minħabba ż-żieda fin-numru ta’ kawżi u n-neċessità li jiġi żgurat tul raġonevoli tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill u l-Parlament approvaw riformi tal-istruttura tal-Qorti tal-Ġustizzja. In-numru ta’ Mħallfin tal-Qorti Ġenerali żdied progressivament għal tnejn għal kull Stat Membru. Żewġ Avukati Ġenerali oħra waslu wkoll fil-Qorti tal-Ġustizzja.

Fil-kuntest tal-istess riforma, fl‑1 ta’ Settembru 2016, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġie xolt. Ir-responsabbiltajiet tiegħu ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali.

2016 – il-modernizzazzjoni u l-kontinwazzjoni attwali tar-riforma ġudizzjarja

Fl‑2017, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati supremi u kostituzzjonali tal-Istati Membri stabbilixxew in-Network Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea (NĠUE), li jippermetti kollaborazzjoni ikbar bejn dawn il-qrati.

Inbena t-tielet torri li ġie inawgurat fl‑2019.

Kont taf?

It-tielet torri jissejjaħ “Torri Rocca” wara Giustina Rocca, meqjusa li hija l-ewwel avukata tal-istorja. Dan it-torri huwa 118‑il metru għoli u fih 29 sular, u huwa l-itwal bini fil-Lussemburgu.

Fl‑2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea u n-numru ta’ Mħallfin tnaqqas. Il-Qorti tal-Ġustizzja issa kellha 27 Imħallef u 11‑il Avukat Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali issa kellha 54 Imħallef. In-numru ta’ lingwi proċedurali baqa’ l-istess, jiġifieri 24.

L‑2020 immarka wkoll il-bidu tal-pandemija tal-COVID‑19. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali organizzaw għall-ewwel darba wħud mis-seduti tagħhom permezz ta’ videokonferenza. Dan il-proġett ġie rrikonoxxut mill-Ombudsman Ewropew, u l-Qorti tal-Ġustizzja li rċeviet premju għall-innovazzjoni minnu.

Fl‑2022, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja żammet l-ewwel seduta mxandra fuq l-internet. Dan kien ifisser li kull ċittadin seta’ jara seduta fil-Qorti tal-Ġustizzja ikun fejn ikun.

Riforma ewlenija, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2024, introduċiet it-trasferiment parzjali lill-Qorti Ġenerali tal-kompetenza li tagħti deċiżjoni fuq domandi preliminari. Dan sar possibbli permezz ta’ riformi preċedenti li rdoppjaw in-numru ta’ Mħallfin fil-Qorti Ġenerali. Minn dan il-mument, il-Qorti Ġenerali setgħat tittratta t-talbiet għal deċiżjoni preliminari meta dawn ikunu jikkonċernaw

  • VAT
  • dwana, dazji tas-sisa jew klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija
  • skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra
  • kumpens għall-passiġġieri tal-ajru

Dawn l-oqsma ntgħażlu minħabba li diġà kienu s-suġġett ta’ bosta kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Bit-trasferiment ta’ dawn il-kawżi lill-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiffoka iktar fuq il-kawżi l-iktar importanti u l-iktar sensittivi kif ukoll fuq id-djalogu ġudizzjarju mal-qrati nazzjonali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja llum

Illum, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha rwol ċentrali fis-sistema legali tal-Unjoni. Hija għandha 81 Imħallef, 1 għal kull Stat Membru fil-Qorti tal-Ġustizzja u 2 għal kull Stat Membru quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll 11‑il Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi applikata u infurzata korrettament fl-Unjoni kollha. Dan jgħin lin-nazzjonijiet differenti tal-Unjoni jingħaqdu permezz ta’ qafas legali komuni.

Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppa sinjifikattivament maż-żmien, ifformat minn sentenzi li stabbilixxew prinċipji li ddefinixxew il-kompetenzi tagħha u ċċaraw il-mod kif għandu jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni.

It-tipi ta’ kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ wkoll evolvew u jmorru lil hinn minn kwistjonijiet ekonomiċi sabiex jolqtu kwistjonijiet li jaffettwaw kważi l-aspetti kollha tal-ħajja moderna. Mis-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema, it-trattament ugwali u l-infurzar tar-regoli kontra d-diskriminazzjoni, il-protezzjoni ambjentali, il-privatezza tad-data u l-iżgurar tal-Istat tad-dritt, id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom impatt profond fuq is-soċjetà Ewropea.

Ara wkoll