Nista’ nressaq il-kawża tiegħi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?
Il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija li tiżgura li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri tal-Unjoni jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni u li japplikawh bl-istess mod.
Hija tagħmel dan billi tittratta u taqta’ kawżi li jitressqu quddiemha.
Madankollu, it-tip ta’ kawżi li tista’ tittratta, u min jista’ jressaqhom, huwa ddefinit strettament mit-Trattati tal-Unjoni.
Din il-paġna tgħidlek liema kawżi jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u minn min, u tagħtik iktar informazzjoni dwar x’tista’ tagħmel fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tistax tittratta l-kawża tiegħek.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tinkludi żewġ qrati differenti: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali. Kull qorti għandha kompetenzi ċari f’dak li jirrigwarda l-kawżi li tista’ tittratta.
Tista’ tkun taf iktar dwar dawn il-qrati fil-paġni ddedikati għalihom (Il-Qorti tal-Ġustizzja u Il-Qorti Ġenerali).
Nixtieq nikkontesta liġi jew deċiżjoni tal-Unjoni.
Persuna tista’ tikkontesta ċerti liġijiet jew deċiżjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, hemm regoli definiti b’mod ċar dwar x’jista’ jiġi kkontestat.
Dawn il-kawżi jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali.
Sabiex tressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, l-att ikkontestat għandu:
- ikun indirizzat direttament lill-persuna. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-assi ta’ persuna jew ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni li timponi multa fuq kumpannija; jew
- ikun att regolatorju li jaffettwa direttament lil dik il-persuna u li ma jkun jeħtieġ l-ebda miżura ta’ implimentazzjoni addizzjonali sabiex jidħol fis-seħħ; jew
- ikun jikkonċerna direttament u individwalment is-sitwazzjoni legali tal-persuna li tkun qed tressaq il-kawża.
“Inċidenza diretta u individwali” għandha tifsira speċifika ħafna fid-dritt tal-Unjoni. Din tfisser li għalkemm l-att ma jkunx qed jindika direttament il-persuna, huwa jipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha minħabba ċerti karatteristiċi li jikkaratterizzawha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra.
Għandi bżonn avukat?
Iva.
L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedu espressament li l-kawżi kollha għandhom jitressqu b’avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru.
Fid-dawl tan-natura speċifika ħafna tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa għalhekk importanti li jintalab parir legali qabel ma jiġi ppreżentat rikors.
Ma niflaħx inħallas għal avukat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi wieħed?
Jekk ma tiflaħx tħallas għal avukat, tista’ tapplika għall-għajnuna legali.
It-talbiet għal għajnuna legali għandhom jiġu ppreżentati permezz tal-Formola tal-Għajnuna Legali.
Din it-talba tista’ titressaq mingħajr l-għajnuna ta’ avukat.
Jekk jogħġbok innota li l-għajnuna legali tista’ tingħata biss għal kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali.
Il-Qorti Ġenerali ma tistax tittratta dan li ġej:
- kontestazzjoni ta’ deċiżjonijiet nazzjonali
- appelli minn sentenza ta’ qorti nazzjonali
- appelli minn deċiżjoni ta’ korp internazzjonali ieħor (pereżempju, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem)
- kawżi kontra persuni jew korpi nazzjonali oħra
Kawżi bħal dawn u t-talbiet għal għajnuna legali sabiex jitressqu tali kawżi jiġu miċħuda.
Nixtieq inressaq talba għad-danni kontra l-Unjoni
Kawżi li fihom jintalbu d-danni minħabba f’dannu kkawżat minn azzjoni tal-Unjoni jitressqu wkoll quddiem il-Qorti Ġenerali.
L-istess regoli dwar ir-rappreżentanza legali u dwar l-għajnuna legali japplikaw għal dawn il-kawżi (ara hawn fuq).
Tressiq ta’ kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tittratta kawżi mressqa direttament minn individwu. Il-kawżi tagħha huma limitati għal:
- talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qrati nazzjonali
- kawżi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni
- proċeduri ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru kontra Stat Membru ieħor
- appelli minn deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tittratta kawżi mressqa direttament minn individwi u li jikkonċernaw persuni, kumpanniji jew awtoritajiet nazzjonali oħra, anki meta dik il-kawża tikkonċerna allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn is-sitwazzjonijiet, huma l-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jittrattaw il-kawża u sabiex japplikaw id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qorti tal-appell tal-qrati nazzjonali.
Għandi problema ta’ natura differenti li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni. X’għandi nagħmel?
Is-sempliċi fatt li ma tistax titressaq kawża direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jfissirx li ma tistax tagħmel użu mid-drittijiet tiegħek.
Skont iċ-ċirkustanzi, jeżistu possibbiltajiet oħra.
Kawżi kontra persuni, kumpanniji u awtoritajiet nazzjonali oħra
Id-dritt tal-Unjoni huwa parti mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru, li jfisser li jista’ jintuża direttament quddiem il-qrati nazzjonali. Il-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni li japplikaw direttament id-dritt tal-Unjoni fil-kawżi mressqa quddiemhom. Din hija magħrufa bħala l-“effett dirett” tad-dritt tal-Unjoni.
Għalhekk, jekk għandek xi kawża li tixtieq tressaq kontra kumpannija, persuna oħra jew awtorità nazzjonali, tista’ tressaq il-kawża tiegħek quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. Dan japplika wkoll meta d-dritt tal-Unjoni japplika għall-kawża tiegħek.
Il-qorti nazzjonali tittratta l-kawża tiegħek u tapplikalha d-dritt tal-Unjoni jekk ikun hemm bżonn. Jekk tqum il-kwistjoni dwar kif id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi applikat jew interpretat fis-sitwazzjoni, jew jekk id-dritt nazzjonali jiksirx id-dritt tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan l-istadju, il-persuna fil-kawża jkollha l-opportunità, permezz tal-avukati tagħha, li tagħti l-opinjoni tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Qorti tal-Ġustizzja jew, skont is-suġġett, il-Qorti Ġenerali, sussegwentement tirrispondi għal dawn id-domandi u tinforma lill-qorti nazzjonali bl-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni. Dan jippermetti lill-qrati nazzjonali jissoktaw bil-kawża u japplikaw id-dritt korrett għall-fatti ssottomessi quddiemhom. Dawn l-imħallfin jistgħu mbagħad jiddeċiedu jekk il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni.
Skont iċ-ċirkustanzi u l-kumplessità tal-kawża inkwistjoni, jista’ jkun neċessarju jew xieraq li jintalab parir legali.
Stat Membru jew awtorità nazzjonali ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni jew japplikawha ħażin
L-ewwel każ – Isir ilment mal-Kummissjoni Ewropea
Jekk għandek ilment dwar Stat Membru tal-Unjoni, pereżempju, jekk taħseb li Stat Membru jkun qed jikser id-dritt tal-Unjoni jew li d-dritt u l-prattiki tiegħu ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni, tista’ tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni. Din hija l-istituzzjoni responsabbli għall-kontroll tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.
Dan jista’ jkun il-każ jekk Stat Membru ma jkunx ittraspona Direttiva tal-Unjoni, jew jekk awtorità nazzjonali tkun injorat ir-regoli tal-Unjoni jew jekk tkun interpretat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni teżamina l-ilment tiegħek u, jekk tqis li dan ikun fondat, tibda proċedura formali kontra dan l-Istat Membru.
Dan jista’ jwassal għal kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Istat Membru, dak il-pajjiż ikun meħtieġ jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni.
Jekk l-Istat Membru jkun għadu qed jonqos milli jikkonforma ruħu, il-Kummissjoni tista’ tagħti bidu għal proċedimenti ġudizzjarji separati u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi multa fuq l-Istat Membru sakemm jikkonforma ruħu.
- Għal iktar informazzjoni dwar kif tressaq ilment lill-Kummissjoni, ara s-sit internet tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet fundamentali tiegħek fl-Unjoni.
- Tista’ wkoll tressaq ilment lill-Kummissjoni permezz tal-formola biex jitressqu lmenti.
Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fl-Istat Membru tiegħek tista’ tipprovdilek iktar informazzjoni.
It-tieni każ – Tressiq ta’ kawża quddiem qorti nazzjonali
Kif imsemmi hawn fuq, il-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw id-dritt tal-Unjoni għall-kawżi mressqa quddiemhom. Għalhekk, jekk taħseb li d-dritt tal-Unjoni ma jkunx qed jiġi applikat sew, tista’ tkun f’pożizzjoni li tressaq kawża kontra awtorità nazzjonali quddiem qorti nazzjonali.
Jekk il-qorti nazzjonali jkollha bżonn, hija tista’ mbagħad tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
Appell minn deċiżjoni tal-qorti nazzjonali
Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma humiex qrati ta’ appell tal-qrati nazzjonali. Kawża li tkun ġiet deċiża minn qorti nazzjonali ma tistax titressaq quddiem dawn il-Qrati, anki jekk il-kawża tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni.
Ilment kontra istituzzjoni tal-Unjoni
Jekk għandek ilment dwar amministrazzjoni ħażina ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, tista’ tikkuntattja lill-Ombudsman Ewropew.
Ksur tad-drittijiet tal-bniedem
Jekk taħseb li d-drittijiet tal-bniedem tiegħek ikunu nkisru minn awtorità nazzjonali, tista’ tressaq il-kawża tiegħek quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija differenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija stabbilita fil-Lussemburgu u hija istituzzjoni tal-Unjoni, il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem hija stabbilita fi Strasbourg fi Franza u hija parti mill-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem tittratta kawżi kontra pajjiżi li ffirmaw il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Sabiex tressaq kawża, l-ewwel trid teżawrixxi “r-rimedji nazzjonali kollha”. Dan ifisser li tuża, jew tal-inqas tipprova tuża, il-proċeduri legali disponibbli f’pajjiżek qabel ma tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Għadni ma nafx x’għandi nagħmel. Hemm xi ħadd fil-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jagħti parir dwar id-drittijiet tiegħi fl-Unjoni?
Le. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti parir legali lill-persuna dwar il-problemi legali speċifiċi tagħha. Dan jista’ jaffettwa l-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk kawża relatata titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Madankollu, l-Unjoni għandha servizz ta’ konsulenza għaċ-ċittadini u għan-negozji, imsejjaħ Your Europe. Is-sit internet Your Europe fih ħafna informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek taħt id-dritt tal-Unjoni. Is-servizz “Your Europe – Pariri” jipprovdi pariri ppersonalizzati mingħajr ħlas fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxi għal kwistjonijiet reali relatati mad-dritt tal-Unjoni.
