Wara kawża: liema informazzjoni hija aċċessibbli għall-pubbliku?

Hemm regoli speċifiċi li jirregolaw kif l-informazzjoni dwar kull kawża fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssir pubblika u aċċessibbli.

Tista’ ssib din l-informazzjoni

  • fuq id-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja
  • f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
  • fit-taqsima “Spazju għall-Midja” tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja

It-trasparenza hija valur fundamentali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-għan tagħha huwa li tipprovdi kemm jista’ jkun informazzjoni dwar xogħolha. Ġeneralment, l-informazzjoni kollha disponibbli għall-pubbliku dwar kawża tinsab fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jippermetti liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jsegwu l-progress ta’ kwalunkwe kawża fil-Qorti tal-Ġustizzja.

Tressiq tal-kawża

Il-kawżi jitressqu f’wieħed miż-żewġ Reġistri. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom ir-Reġistri rispettivi tagħhom. Dawn id-dipartimenti huma l-punt ta’ kuntatt għall-partijiet fil-kawża u għall-imħallfin nazzjonali u huma responsabbli għall-amministrazzjoni proċedurali tal-kawżi.

Meta tasal kawża, ir-Reġistru jassenjalha numru tal-kawża u jniżżilha fir-Reġistru. Mill-għada, id-dettalji tal-kawża jkunu disponibbli fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli

  • l-ismijiet tal-partijiet
  • id-data tal-preżentata tar-rikors
  • il-lingwa tal-kawża

Tiżdied iktar informazzjoni hekk kif timxi l-kawża. Id-database tiġi aġġornata kuljum.

Proċedura bil-miktub

Talbiet għal deċiżjoni preliminari

Meta qorti nazzjonali titlob deċiżjoni preliminari, jiġi vverifikat li kwalunkwe data personali sensittiva titneħħa. Din imbagħad tiġi tradotta u ppubblikata fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jiġi wkoll ippubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet ikkonċernati mill-kawża nazzjonali, kif ukoll l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn isiru pubbliċi wara l-għeluq tal-kawża, sakemm l-awtur tal-osservazzjonijiet ma joġġezzjonax. Dawn jiġu ppubblikati fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Rikorsi diretti u appelli

Ir-Reġistru jipprepara sunt tal-allegazzjonijiet u tal-argumenti tar-rikorrent. Dan jiġi tradott fil-lingwi kollha tal-Unjoni u jiġi ppubblikat fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jiġi ppubblikat ukoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-proċedura orali

Seduta

Is-seduti għandhom jinżammu f’seduta bil-miftuħ fl-awli tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu. Is-seduti f’ċerti kawżi jixxandru fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Bħala regola ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja xxandar is-seduti kollha tas-Seduta Plenarja jew tal-Awla Manja tagħha. Eċċezzjonalment, is-seduti tal-Awli b’ħames Imħallfin jistgħu jixxandru wkoll jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ikun xieraq.

Il-Qorti Ġenerali ġeneralment ma xxandarx is-seduti tagħha, minkejja li tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan.

Il-kalendarju ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja jindika liema seduti jkunu ser jixxandru.

Il-video jibqa’ disponibbli online għal xahar wara s-seduta.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rarament tippermetti li seduta, jew parti minn seduta, tinżamm privatament, jiġifieri in camera. Dan jista’ jseħħ f’kawżi li jinvolvu s-sigurtà nazzjonali jew f’kawżi li jinvolvu t-tfal.

F’ċerti rikorsi diretti quddiem il-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ifassal dokument imsejjaħ “Rapport għas-Seduta”. Dan id-dokument jesponi l-fatti tal-kawża u l-argumenti tal-partijiet u tal-intervenjenti. Huwa jkun disponibbli fil-lingwa tal-kawża fil-jum tas-seduta, fuq talba, mid-Dipartiment għall-Istampa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali

Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jiġu ppreżentati f’seduta bil-miftuħ. Il-konklużjonijiet kollha ppreżentati mill-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja jixxandru fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ċerti konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukati Ġenerali tal-Qorti Ġenerali jixxandru wkoll.

Il-konklużjonijiet jiġu ppubblikati wkoll fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-jum tal-għoti tas-sentenza.

Deliberazzjoni, abbozzar u deċiżjonijiet

Deliberazzjoni

Kif meħtieġ mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Imħallfin biss jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet u dawn id-diskussjonijiet huma kunfidenzjali.

Sentenza

Is-sentenza tingħata f’seduta bil-miftuħ. Is-sentenzi kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja jixxandru fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ċerti sentenzi tal-Qorti Ġenerali jixxandru wkoll.

Is-sentenza tkun disponibbli fid-database tal-ġurisprudenza tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-jum tal-għoti tas-sentenza.

Il-parti l-kbira tas-sentenzi jkunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Dawn is-sentenzi jiġu ppubblikati wkoll fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa r-reġistru uffiċjali tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Ċerti sentenzi, li jkollhom importanza limitata għal kull min ma jkunx direttament involut fil-kawża, ma jiġux tradotti. Għal iktar informazzjoni dwar liema sentenzi jiġu tradotti, ara “Liema kawżi jiġu ppubblikati bil-lingwi kollha?” Dawn is-sentenzi jkunu disponibbli fil-lingwa tal-kawża u fil-lingwa li biha jkunu ġew abbozzati.

Avviż tas-sentenzi kollha jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Digrieti

Wara li digriet ikun ġie nnotifikat lill-partijiet, dan jitqiegħed għad-dispożizzjoni fid-database tal-ġurisprudenza tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Avviż ta’ digriet li jagħlaq kawża jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Stqarrijiet għall-istampa

Is-servizz tal-Istampa tal-Qorti jippubblika stqarrijiet għall-istampa dwar ċerti avviżi, sentenzi jew digrieti.

Madwar 10 % tal-kawżi jkunu s-suġġett ta’ stqarrija għall-istampa. Bħala prinċipju, is-sentenzi kollha tal-Awla Manja u tas-Seduta Plenarja tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll is-sentenzi kollha tal-Awla Manja tal-Qorti Ġenerali jinkludu stqarrija għall-istampa.  

Dawn ikunu tipikament relatati ma’ kwistjonijiet li jqajmu interess sinjifikattiv fil-midja. Dawn isiru disponibbli f’numru ta’ lingwi tal-Unjoni fil-jum tal-għoti. Dawn jinsabu fit-taqsima “Spazju għall-Midja” tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-ġurnalisti jistgħu wkoll jikkuntattjaw lid-Dipartiment għall-Istampa tal-Qorti tal-Ġustizzja fi kwalunkwe mument fil-progress tal-ħajja ta’ kawża. L-uffiċjali tad-Dipartiment għall-Istampa jkunu disponibbli sabiex jipprovdu informazzjoni u sabiex jispjegaw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja taħdem.

Sunti

Il-Qorti tal-Ġustizzja tipproduċi wkoll sunti tas-sentenzi l-iktar importanti tagħha. Is-sunti jkunu itwal u iktar iddettaljati mill-istqarrijiet għall-istampa, u huma maħsuba għal pubbliku b’għarfien legali.

Ġeneralment dawn jiġu ppubblikati fil-jum tal-għoti.

Ara wkoll