e-Curia
e‑Curia hija applikazzjoni maħluqa speċifikament għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din tippermetti lir-rappreżentanti tal-partijiet involuti fil-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll lill-qrati nazzjonali li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari, jiskambjaw atti proċedurali b’mod elettroniku mar-Reġistri.
L-użu ta’ e‑Curia huwa totalment mingħajr ħlas.
L-użu ta’ e‑Curia huwa obbligatorju għar-rikorsi diretti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.
Talba għall-ftuħ ta’ kont
Sabiex tuża e‑Curia, trid titressaq talba għall-ftuħ ta’ kont permezz ta’ formola ta’ talba għal aċċess.
Il-proċedura tvarja skont jekk l-utent isegwix il-proċedura normali jew speċifika.
Proċedura normali
Il-proċedura normali tippermetti l-ftuħ ta’ kont intiż għall-iskambju ta’ atti proċedurali mal-Qorti tal-Ġustizzja jew mal-Qorti Ġenerali. Hija disponibbli għal
- rappreżentanti tal-partijiet, inklużi avukati, aġenti u professuri tal-università (kont “rappreżentant”)
- persuni li jaġixxu f’isem il-qrati nazzjonali li jkunu talbu jew li jkollhom l-intenzjoni li jitolbu deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (kont “qorti”)
- persuni li ma jkunux aġenti jew avukati, iżda li jkunu awtorizzati, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, jirrappreżentaw parti quddiem il-qrati tal-Istat Membru tagħhom (kont “persuna awtorizzata”)
Dment li l-formola tal-applikazzjoni timtela’ korrettament u d-dokumenti ta’ sostenn kollha jkunu ntbagħtu, l-ipproċessar tat-talba ssir fi ftit jiem. L-applikant jiġi informat bil-ħolqien tal-kont permezz tal-posta elettronika.
Proċedura speċifika
Il-proċedura speċifika hija disponibbli biss għall-kawżi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija maħsuba għal sitwazzjonijiet ta’ urġenza, fejn il-proċedura normali tista’ ma tippermettix li rappreżentant jippreżenta dokumenti f’terminu ta’ żmien stabbilit. Dan jippermetti lill-utenti jiftħu kont provviżorju sabiex l-atti proċedurali jkunu jistgħu jiġu ppreżentati. It-talba għall-ħolqien ta’ kont ikollha sussegwentement tiġi ffinalizzata, bid-dokumenti ta’ sostenn neċessarji li jkollhom jintbagħtu lir-Reġistru u jiġu rċevuti fi żmien 10 ijiem. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jkollu l-konsegwenza li l-Qorti Ġenerali tiddikjara inammissibbli l-att proċedurali ppreżentat permezz ta’ e‑Curia.
Preżentata ta’ atti proċedurali
Matul il-preżentata ta’ atti proċedurali permezz tal-e‑Curia, l-utenti kollha għandhom iżommu f’moħħhom l-informazzjoni li ġejja.
- Format u daqs: L-atti proċedurali għandhom ikunu f’format PDF, b’daqs massimu ta’ fajl ta’ 30 MB.
- Firem: Id-dokumenti ma għandhomx jiġu ffirmati bl-idejn, tista’ sempliċiment tiġġenera dokument PDF direttament minn kwalunkwe softwer li juża l-word processing. L-iskennjar ta’ dokumenti stampati għandhom jiġu evitati, fejn possibbli.
- Dokumenti mehmużin: Jekk ikun meħtieġ, tista’ tehmeż annessi jew dokumenti addizzjonali mal-att proċedurali tiegħek.
- Proċess ta’ konferma: Ladarba d-dokumenti jiġu vvalidati fl-e‑Curia, is-sistema tirreġistra l-preżentata tagħhom u tibgħat messaġġ elettroniku ta’ konferma.
- Kopji fiżiċi: Ma hemmx bżonn li d-dokument oriġinali jintbagħat bil-posta jew li jiġu pprovduti kopji ċċertifikati. Permezz tal-użu tal-e‑Curia, l-istampar u l-posta jiġu evitati.
Notifika ta’ atti proċedurali
Meta l-atti proċedurali jkunu ġew innotifikati mir-Reġistri permezz tal-e‑Curia, l-utenti kollha għandhom iżommu f’moħħhom l-informazzjoni li ġejja.
- Notifika: Meta r-Reġistru jinnotifika att proċedurali permezz ta’ e‑Curia, id-destinatarju jirċievi messaġġ elettroniku sabiex jinformah li l-att ikun disponibbli sabiex jiġi kkonsultat f’e‑Curia. Ir-Reġistru jiġi avżat hekk kif id-dokument ikun ġie kkonsultat.
- Konferma ta’ rċevuta: Jekk id-destinatarju ma jikkonsultax l-att, l-att innotifikat jitqies li jkun ġie aċċettat sebat ijiem wara li jintbagħat il-messaġġ elettroniku ta’ notifika.
Konsultazzjoni tal-lista tal-preżentati u tan-notifiki preċedenti
Fi kwalunkwe ħin, l-utenti jistgħu jikkonsultaw il-lista tad-dokumenti li jkunu ppreżentaw u li jkunu ġew innotifikati lilhom. Hija disponibbli wkoll formola ta’ tfittxija sabiex tippermettilu jfittex u jagħżel dokumenti speċifiċi.
Dettalji tal-kont u delega
L-utenti kollha jistgħu jaġġornaw u jamministraw id-dettalji tal-kont tagħhom u jiddelegaw ċerti kompiti.
L-utenti jistgħu jibdlu l-password, l-indirizz tal-posta elettronika jew il-lingwa tal-profil tagħhom. Hemm ukoll proċedura għall-irkupru tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni jew tal-password minsija.
Ir-rappreżentanti tal-partijiet jew il-persuni li jaġixxu f’isem il-qrati nazzjonali jistgħu jirreġistraw assistent wieħed jew iktar, li jistgħu jirċievu l-atti proċedurali mir-Reġistri u jħejju d-dokumenti għall-preżentata tagħhom. Kull dokument imħejji mill-assistenti għandu jiġi vvalidat, mir-rappreżentant jew mill-persuna li taġixxi f’isem qorti, qabel ma jiġi ppreżentat.
