Aċċess għal dokumenti amministrattivi

Iċ-ċittadini jew ir-residenti tal-Unjoni kif ukoll il-persuni ġuridiċi fl-Unjoni jistgħu jitolbu aċċess għad-dokumenti amministrattivi miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dawn it-talbiet għandhom jikkonformaw ruħhom ma’ regoli speċifiċi. Meta tiddeċiedi jekk tagħtix jew le l-aċċess għal dawn id-dokumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni fatturi bħall-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, l-interess pubbliku kif ukoll l-interessi kummerċjali.

Din il-paġna tikkonċerna l-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha.

Din ma tikkonċernax id-dokumenti relatati mal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-informazzjoni u d-dokumenti kollha disponibbli għall-pubbliku dwar kawżi hija aċċessibbli fid-database tal-ġurisprudenza fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

It-testi li jirregolaw il-proċeduri jinsabu fit-taqsima “Proċedura tal-Kawża” ta’ dan is-sit kemm għall-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għall-Qorti Ġenerali.

Bl-istess mod, l-aċċess għal dokumenti proċedurali ma għandux jintuża għal talbiet għal informazzjoni. Jekk għandek talba għal informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattjana permezz tal-formola ta’ kuntatt tagħna.

Ir-regoli dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti amministrattivi ġew adottati permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2019 skont l-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Skont dawn ir-regoli, kull ċittadin jew resident tal-Unjoni kif ukoll kull persuna ġuridika fl-Unjoni għandhom dritt ta’ aċċess għal dokumenti maħluqa minn, irċevuti u miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala parti mill-funzjonijiet amministrattivi tagħha. Din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni.

Kif titlob aċċess għal dokument amministrattiv

Sabiex titlob aċċess għal dokument amministrattiv, trid timla formola tat-talba. Dan jista’ jsir jew online sabiex il-formola tintbagħat b’mod elettroniku, jew permezz ta’ fajl PDF li għandu jiġi stampat u mibgħut bil-posta jew bil-posta elettronika.

It-talba tiegħek:

  • Għandha tinkiteb b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni.
  • Għandha tindika ismek u l-indirizz tiegħek
  • Għandha tkun preċiża u tinkludi biżżejjed dettalji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tidentifika d-dokument jew id-dokumenti li qed titlob.
  • Għandha tinkludi l-lingwa li biha tixtieq id-dokument, kif ukoll alternattiva jekk l-ewwel għażla tiegħek ma tkunx disponibbli.

Id-dokumenti jistgħu jiġu pprovduti biss bil-lingwi u l-formati eżistenti, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux ser toħloq dokument ġdid, tittraduċi dokument jew tiġbor informazzjoni sabiex twieġeb it-talba tiegħek.

Malli l-Qorti tal-Ġustizzja tirċievi t-talba tiegħek, inti tirċievi konferma tar-riċevuta b’numru ta’ reġistrazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċessa t-talba tiegħek fi żmien massimu ta’ xahar. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni.

It-talba tiegħi ġiet miċħuda

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta l-aċċess għal dokument għal numru ta’ raġunijiet, inkluż meta l-iżvelar tiegħu jkun jista’ jippreġudika, b’mod partikolari:

  • il-protezzjoni tal-interess pubbliku;
  • il-ħajja privata u l-integrità tal-persuna kkonċernata;
  • l-interessi kummerċjali;
  • il-proċedura fil-Qrati;
  • parir legali; jew
  • il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Qrati.

Jekk it-talba tiegħek tiġi miċħuda, jew jekk ma tirċevix tweġiba sal-iskadenza stabbilita fid-deċiżjoni, tista’ tagħmel talba konfermatorja lill-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xahar. Għandek:

  • Tuża l-istess formola tat-talba.
  • Tindika li din hija talba konfermatorja.
  • Tagħti n-numru ta’ reġistrazzjoni li jkun intbagħatlek flimkien mal-konferma tar-riċevuta tat-talba inizjali tiegħek.

Protezzjoni tad-data

L-ipproċessar ta’ kull data personali inkluża fil-formola tat-talba hija suġġetta għall-politiki ta’ protezzjoni stabbiliti mir-Regolament (UE) 2018/1725.

Għal iktar informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, ara l-politika tagħna dwar il-protezzjoni tad-data.

Ara wkoll