Żjarat għal gruppi

Gruppi ta’ professjonisti legali, studenti u ċittadini oħra jistgħu jorganizzaw żjarat fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dawn iż-żjarat huma mingħajr ħlas u jistgħu jsiru bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Dawn iż-żjarat organizzati jsegwu programm adattat għall-ħtiġijiet tal-grupp. Il-programm ġeneralment jinkludi numru ta’ preżentazzjonijiet dwar il-Qorti tal-Ġustizzja u x-xogħol tagħha u, jekk possibbli, il-parteċipazzjoni f’seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja torganizza wkoll seminars itwal għal gruppi ta’ mħallfin.

Din il-paġna tispjega l-proċedura għall-organizzazzjoni ta’ żjara għal grupp. Informazzjoni dwar żjarat individwali u żjarat turistiċi hija disponibbli fil-paġni rispettivi tagħhom.

Żjarat għal gruppi

Iż-żjarat għal gruppi jiġu organizzati mid-Dipartiment għaż-Żjarat. Dawn huma mingħajr ħlas u jsiru bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Iż-żjarat għal grupp isiru biss fil-jiem ta’ xogħol bejn it-8:00 u l-17:30 skont il-perijodi ta’ sessjoni ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Iż-żjarat għal gruppi organizzati jistgħu jsiru kemm wiċċ imb wiċċ kif ukoll online.

Iż-żjarat wiċċ imb wiċċ jippermettu esperjenza iktar komprensiva. Madankollu, fil-kuntest tal-politika ambjentali tagħha, u filwaqt li tirrikonoxxi li mhux dejjem ikun possibbli għall-persuni interessati fi żjara li jżuru fiżikament il-Lussemburgu, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproponi programmi online u aċċess diġitali għad-dokumentazzjoni tagħha.

Qabel ma tagħmel talba għal żjara lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk jogħġbok aqra sew l-informazzjoni dwar id-daqs u l-kompożizzjoni tal-grupp, ir-reġistrazzjoni, il-pjanifikazzjoni tal-programm u ż-żjara nnifisha.

Daqs u kompożizzjoni tal-grupp

Sabiex it-talbiet għal żjarat jinżammu f’numru sostenibbli u sabiex jiġi żgurat li ż-żjarat ikunu disponibbli għal dawk li jkollhom interess reali għall-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu imposti ċerti kundizzjonijiet bażiċi fir-rigward tad-daqs u tal-kompożizzjoni tal-grupp:

  • Il-parteċipanti għandhom ikollhom mill-inqas 18‑il sena.
  • Iż-żjarat wiċċ imb wiċċ jiġu organizzati għal gruppi minn 7 sa 35 parteċipant.
  • Iż-żjarat online jiġu organizzati għal gruppi ta’ 7 parteċipanti jew iktar.
  • Tingħata prijorità lil gruppi ta’ prattikanti tal-liġi jew studenti tal-liġi

Jekk il-grupp tiegħek ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Dipartiment għaż-Żjarat billi tuża l-formola ta’ kuntatt.

Reġistrazzjoni għaż-żjara tiegħek

Tista’ tuża l-applikazzjoni My Visit sabiex titlob u tamministra ż-żjara tiegħek. Il-persuna responsabbli għall-grupp tintalab tissottometti t-talba għal riżervazzjoni permezz ta’ din l-applikazzjoni bejn ħames u sitt xhur qabel iż-żjara ppjanata. Jekk tixtieq żjara online, jekk jogħġbok semmi dan fit-taqsima “kummenti”.

Talbiet għall-bdil minn żjara wiċċ imb wiċċ għal żjara online jew viċi versa jistgħu jitressqu sa ġimagħtejn qabel id-data taż-żjara.

Tfassil tal-programm taż-żjara tiegħek

Kemm għaż-żjarat wiċċ imb wiċċ u kemm għal dawk online, il-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi tista’ tagħżel dawk l-elementi tal-programm li jikkorrispondu bl-aħjar mod għall-interessi u għall-għarfien legali tiegħu, u li jikkorrispondu għar-restrizzjonijiet ta’ ħin tiegħu. Tista’ tagħżel minn fost

  • seduta f’kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, ippreċeduta minn espożizzjoni tal-kawża (ġeneralment it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis mit‑8:20 sal‑11:30) – jekk jogħġbok innota li dan l-element huwa disponibbli biss għal żjarat wiċċ imb wiċċ
  • preżentazzjoni ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali (45 minuta)
  • preżentazzjoni dwar ix-xogħol ta’ ġurist lingwist (45 minuta)
  • preżentazzjoni dwar il-multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja (traduzzjoni, interpretazzjoni) (45 minuta)
  • żjara tal-bibljoteka (45 minuta għal żjarat wiċċ imb wiċċ u 10 minuti għaż-żjarat online)
  • żjara ggwidata tal-bini (45 minuta għal żjarat wiċċ imb wiċċ u 10 minuti għaż-żjarat online)

Tista’ tagħżel l-elementi tal-programm tiegħek fil-kwestjonarju disponibbli fl-applikazzjoni My Visit. Aħna nagħmlu mill-aħjar sabiex nosservaw l-għażliet tiegħek, madankollu, id-disponibbiltà limitata ta’ membri tal-persunal u tar-riżorsi ma tiżgurax li l-għażliet kollha jkunu disponibbli għall-viżitaturi kollha.

Esperjenza ta’ żjara wiċċ imb wiċċ

Qabel iż-żjara

Mill-inqas ġimagħtejn qabel iż-żjara, il-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi għandha tibgħat lista tal-parteċipanti u d-dati tat-twelid tagħhom permezz tal-applikazzjoni My Visit. Jekk jogħġbok taqbiżx in-numru indikat ta’ parteċipanti mingħajr ma tkun ikkuntattjat minn qabel lid-Dipartiment għaż-Żjarat bil-miktub.

Id-Dipartiment għaż-Żjarat jikkomunika l-programm propost madwar ġimagħtejn qabel iż-żjara. Il-programm finali jintbagħat madwar ġimgħa qabel iż-żjara. Dan isir permezz tal-profil personali tal-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi fuq My Visit.

Jekk iż-żjara tinkludi l-parteċipazzjoni f’seduta pubblika, id-dettalji dwar dan il-punt jingħataw ukoll lill-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi. Għal iktar informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni f’seduta bħala grupp ta’ viżitaturi, ara l-paġna tagħna dwar is-seduti pubbliċi.

Wasla u kontroll ta’ sigurtà

Fil-jum taż-żjara, il-grupp għandu jasal fid-daħla u fil-ħin indikat fil-programm. Jekk jogħġobkom kunu fil-ħin! Żommu f’moħħkom il-volum tat-traffiku fit-toroq fil-Lussemburgu, li ta’ spiss twassal għal traffiku wieqaf filgħodu fuq l-awtostradi u fit-toroq tal-belt kapitali.

Il-viżitaturi jridu jgħaddu minn metal detector. Il-basktijiet u oġġetti personali oħra jiġu skennjati wkoll. Jekk jogħġbok informana minn qabel jekk tkunux ser taslu bil-bagalji sabiex inkunu nistgħu nadattaw il-ħin tal-wasla tagħkom kif xieraq, peress li l-kontrolli ta’ sigurtà jistgħu jieħdu iktar ħin.

Il-viżitaturi għandhom ikollhom karta tal-identità, passaport jew liċenzja tas-sewqan.

Gwida mid-Dipartiment għaż-Żjarat tilqa’ lill-grupp ta’ viżitaturi fid-daħla tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Jekk jogħġbok informaw minn qabel lid-Dipartiment għaż-Żjarat jekk ikollkom bżonn ta’ assistenza għal parteċipanti b’diżabilità.

Matul iż-żjara

Il-gwida takkumpanja u tieħu ħsieb il-grupp matul iż-żjara tiegħu. Il-persuni responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi huma wkoll responsabbli sabiex jieħdu ħsieb tal-viżitaturi u sabiex jassistu lill-gwida.

Il-viżitaturi kollha huma marbuta jikkonformaw ruħhom mal-indikazzjonijiet ta’ sigurtà u mar-regoli ta’ mġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja f’kull ħin.

Il-viżitaturi ma għandhomx aċċess għar-ristorant self-service jew għall-kafetterija tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn huma rriżervati għall-persunal biss.

Wara ż-żjara fil-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi tintalab timla formola ta’ evalwazzjoni.

Tħassir u domandi oħra

Jekk jogħġbok innota li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva d-dritt li tħassar żjara ppjanata.

Fil-każ ta’ diffikultà jew ta’ kwalunkwe mistoqsija dwar l-organizzazzjoni taż-żjara tiegħek, tista’ tagħżel l-opzjoni ta’ “żjarat organizzati” fil-formola ta’ kuntatt sabiex tikkuntattja lid-Dipartiment għaż-Żjarat.

Esperjenza ta’ żjara online

Qabel iż-żjara

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha pjattaforma speċifika għaż-żjarat online tagħha. Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jintużaw pjattaformi online oħra.

Il-parteċipanti jistgħu jingħaqdu individwalment fuq dawn il-pjattaformi. Qabel iż-żjara, il-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi għandha tispeċifika n-numru ta’ konnessjonijiet mistennija. L-ismijiet jew id-dati tat-twelid tal-parteċipanti ma humiex meħtieġa għaż-żjarat online.

Id-Dipartiment għaż-Żjarat jibgħat link tal-konnessjoni lill-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi u, jekk ikun meħtieġ, id-data u l-link għal test tal-konnessjoni.

Il-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi mbagħad tipprovdi lill-parteċipanti l-oħra l-informazzjoni kollha li tirċievi, bħall-programm, il-link tal-konnessjoni u d-data għal test tal-konnessjoni. Il-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi hija responsabbli għall-parteċipanti li jingħaqdu f’dawn il-pjattaformi u għandha tqassam il-link tal-konnessjoni lill-viżitaturi awtorizzati biss.

Id-Dipartiment għaż-Żjarat jikkomunika l-programm propost madwar ġimagħtejn qabel iż-żjara. Il-programm finali jintbagħat madwar ġimgħa qabel iż-żjara. Dan isir permezz tal-profil personali tal-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi fuq My Visit.

Iż-żjara

Fil-jum taż-żjara online, jekk jogħġbok kun fil-ħin!

Il-parteċipanti kollha għandhom jingħaqdu fuq dawn il-pjattaformi billi jużaw l-informazzjoni pprovduta mill-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi.

Gwida mid-Dipartiment għaż-Żjarat tieħu ħsieb il-programm u tiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-programm.

Wara ż-żjara, il-persuna responsabbli għall-grupp ta’ viżitaturi tintalab timla formola ta’ evalwazzjoni.

Tħassir u domandi oħra

Jekk jogħġbok innota li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva d-dritt li tħassar żjara online ppjanata.

F’każ ta’ diffikultà jew għal kwalunkwe mistoqsija relatata mal-organizzazzjoni taż-żjara tiegħek, tista’ tagħżel l-opzjoni ta’ “żjarat organizzati” fuq il-formola ta’ kuntatt sabiex tikkuntattja lid-Dipartiment għaż-Żjarat.

Konnessjoni ma’ My Visit

L-applikazzjoni My Visit tippermettilek titlob u tamministra ż-żjara tiegħek.

Sabiex tuża l-applikazzjoni, trid toħloq profil personali bl-użu ta’ indirizz tal-posta elettronika validu. Permezz ta’ dan il-profil personali, tista’

  • toħloq il-gruppi tiegħek ta’ viżitaturi għall-użu mill-ġdid fi żjarat sussegwenti
  • tara d-dati disponibbli għal żjarat qabel ma tagħmel talba
  • tagħżel elementi tal-programm għaż-żjara tiegħek

Ladarba tkun ressaqt it-talba, tista’, billi tikkonnettja mal-ispazju personali tiegħek

  • issegwi l-ipproċessar tat-talba tiegħek għal żjara
  • temenda ċerta dettalji taż-żjara tiegħek qabel ma t-talba vvalidata mid-Dipartimenti għaż-Żjarat
  • tikkonsulta jew tipprintja informazzjoni dwar iż-żjara tiegħek
  • iżżomm l-informazzjoni taż-żjarat preċedenti tiegħek.

Jekk tiltaqa’ ma’ problemi bl-użu tal-applikazzjoni My Visit, tista’ tikkonsulta l-manwal għall-utent disponibbli online billi tagħfas fuq “?”. Alternattivament, uża l-opzjoni ta’ “żjarat organizzati” fuq il-formola ta’ kuntatt sabiex tikkuntattja lid-Dipartiment għaż-Żjarat.

Seminars

Id-Dipartiment għaż-Żjarat jorganizza wkoll seminars, fuq talba ta’ grupp ta’ membri tal-ġudikatura. Dawn isiru fuq jum wieħed jew tnejn u joffru programmi iktar immirati skont l-interessi tal-membri tal-ġudikatura.

Dawn is-seminars għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-tixrid u għall-fehim aħjar tad-dritt tal-Unjoni, sabiex titjieb l-applikazzjoni tagħha. Is-seminars għandhom ukoll l-għan li jiffaċilitaw id-djalogu bejn l-membri tal-ġudikatura nazzjonali u l-Imħallfin tal-Unjoni u li jrawmu l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri differenti.

Is-seminars huma disponibbli kemm wiċċ imb wiċċ kif ukoll online.

Jekk int interessat f’format speċifiku, tista’ tuża l-opzjoni ta’ “żjarat organizzati” fuq il-formola ta’ kuntatt sabiex tikkuntattja lit-tim li jorganizza s-seminars fi ħdan id-Dipartiment għaż-Żjarat.

Ara wkoll