Proġett edukattiv għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji u postsekondarji

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea toffri programm edukattiv online għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji u postsekondarji ta’ bejn 15 u 18‑il sena. Il-programm għandu l-għan li jispjega r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja u jżid il-fehim taż-żgħażagħ tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea toffri programm edukattiv online għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji u postsekondarji. Il-programm jinkludi avveniment virtwali, li jispjega r-rwol tal-ġudikatura tal-Unjoni u juri kif is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jinfluwenzaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dan jiffoka fuq is-sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ dwar il-parteċipazzjoni attiva fid-demokrazija Ewropea u l-kwistjonijiet involuti. Dan għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-fehim tagħhom tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni.

Min jista’ jipparteċipa fih?

Dan il-programm huwa intiż għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji u postsekondarji ta’ bejn 15 u 18‑il sena.

Kull avveniment għandu jiġi organizzat minn “organizzatur”, jiġifieri għalliem jew persuna responsabbli għall-klassi.

Fiex jikkonsisti l-programm?

Il-programm għal kull avveniment jista’ jkun personalizzat. Id-Dipartiment għaż-Żjarat tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħinek tagħmel dan. L-organizzaturi jistgħu jadattaw il-programm tagħhom billi jagħżlu elementi interattivi differenti, inklużi

  • laqgħa ma’ uffiċjal għoli tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li jkollu l-istess nazzjonalità bħall-grupp. F’ċerti ċirkustanzi, din il-preżentazzjoni tista’, skont id-disponibbiltà tagħhom, tingħata minn Imħallef jew Avukat Ġenerali (45 minuta)
  • preżentazzjoni ta’ kawża tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li jkollha rabta mal-pajjiż ta’ oriġini tal-grupp jew mal-interess tal-viżitaturi (45 minuta)
  • preżentazzjoni tal-professjonijiet differenti fil-Qorti tal-Ġustizzja (30 minuta)
  • preżentazzjoni dwar il-multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja (30 minuta)

Kull element tal-programm jintemm b’sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Informazzjoni importanti oħra

Daqs tal-grupp

Kull grupp għandu jkollu mill-inqas 20 parteċipant.

Għall-gruppi b’iktar minn 60 parteċipant, is-sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet tiġi adattata u organizzata f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment għaż-Żjarat.

Dati

L-organizzaturi jistgħu jipproponu tliet dati possibbli għal-laqgħa li ma għandhomx ikunu fil-vaganzi ġudizzjarji. Aħna nagħmlu mill-aħjar sabiex norganizzaw l-avveniment f’waħda minn dawn id-dati.

Tul

Nirrakkomandaw li kull programm idum massimu ta’ sagħtejn.

Lingwa

L-organizzatur jista’ jagħżel liema mill‑24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni jkun jixtieq juża.

Assistenza

Imexxi l-programm moderatur li jitkellem il-lingwa tal-grupp.

Sostenn edukattiv

Qabel l-avveniment, nipprovdu lill-organizzaturi sensiela ta’ dokumenti u ta’ links sabiex ngħinu lill-għalliema jħejju l-istudenti fil-klassi.

Test tekniku

Qabel l-avveniment, nistabbilixxu data mal-organizzaturi għal test ta’ konnessjoni (li jieħu madwar 10 minuti). Il-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-pjattaforma tagħha Webex għall-avveniment, iżda l-viżitaturi ma għandhomx għalfejn iniżżlu din l-applikazzjoni.

Kif tipparteċipa?

L-għalliema jew il-persuni responsabbli għall-klassi li jkunu interessati f’avveniment virtwali għandhom jirreġistraw minn qabel. Diversi klassijiet tal-istess skola jistgħu jissieħbu fl-istess avveniment.

Jekk tixtieq torganizza żjara mill-bogħod għall-istudenti tiegħek, jekk jogħġbok imla din il-formola ta’ reġistrazzjoni.