Dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija l-Istituzzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea.

Din hija Istituzzjoni li tinkludi żewġ qrati, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika u tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Hija tiżgura li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom ma’ dan id-dritt. Il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni unika tad-dritt tal-Unjoni sabiex dan jiġi applikat bl-istess mod fl-Unjoni kollha.

X’tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja?

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġiet stabbilita fl‑1952. Il-missjoni tagħha hija li tinforza u tinterpreta d-dritt tal-Unjoni.

Sabiex tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja

  • teżamina jekk id-deċiżjonijiet u l-liġijiet tal-Unjoni jkunux legali
  • tiżgura li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsegwu dawn il-liġijiet
  • meta qorti nazzjonali ma tkunx taf eżattament kif tinterpreta d-dritt tal-Unjoni jew ikollha dubji dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni, hija tirrispondi għad-domandi ta’ din il-qorti nazzjonali sabiex tagħmilha iktar ċara

Kif inhi strutturata l-Qorti tal-Ġustizzja?

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tinkludi żewġ qrati differenti: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali (stabbilita fl‑1988). Kull qorti għandha setgħat ċari f’dak li jirrigwarda l-kawżi li kull waħda minnhom tista’ tisma’.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tisma’

  • il-parti l-kbira tal-kawżi li jikkonċernaw kwistjonijiet imqajma mill-qrati nazzjonali, ħlief f’xi oqsma li jiġu ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali
  • kawżi mressqa mill-Kummissjoni kontra Stati Membri li jkunu kisru d-dritt tal-Unjoni
  • il-parti l-kbira tal-kawżi mressqa mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jqajmu dubji dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
  • appelli mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tisma’

  • kawżi mressqa minn individwi, kumpaniji u organizzazzjonijiet li jikkontestaw atti tal-Unjoni
  • ċerti kawżi li jinvolvu domandi magħmula minn qrati nazzjonali meta d-domandi jirrigwardaw
    • VAT
    • dwana, dazji tas-sisa jew klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija
    • skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra
    • kumpens għall-passiġġieri tal-ajru
  • ċerti kawżi mressqa mill-Istati Membri kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill

Tista’ tkun taf iktar dwar dawn il-qrati fil-paġni ddedikati għalihom (Il-Qorti tal-Ġustizzja u Il-Qorti Ġenerali).

Min jista’ jressaq kawża?

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħżel il-kawżi li tisma’ jew il-kwistjonijiet quddiemha. Il-kawżi kollha ammissibbli skont ir-regoli tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jinstemgħu u jinqatgħu. Is-sentenzi kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja ngħataw minħabba li problema legali kellha tiġi solvuta f’kawża mressqa, direttament jew permezz tal-qrati nazzjonali, minn ċittadini, kumpanniji, organizzazzjonijiet, Stati Membri jew istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Mhux il-kawżi kollha jistgħu jitressqu direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hemm regoli ċari dwar it-tipi ta’ kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tisma’. Tista’ tkun taf iktar dwar din il-kwistjoni fil-paġna dwar kull qorti u fil-paġna “Nista’ nressaq il-kawża tiegħi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja? ”.

Court-of-Justice-of-EU

Min jaħdem fil-Qorti tal-Ġustizzja?

Membri

Kull waħda miż-żewġ qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-Imħallfin tagħha stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha Mħallef wieħed għal kull Stat Membru, total ta’ 27. Il-Qorti Ġenerali għandha żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru, total ta’ 54. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll 11‑il Avukat Ġenerali. Kull qorti għandha wkoll Reġistratur. Kollettivament, dawn il-persuni huma magħrufa bħala “Membri”.

Iktar informazzjoni dwar il-Membri tinsab fil-paġni ddedikati għalihom (Il-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u Il-Membri tal-Qorti Ġenerali), kif ukoll fil-paġni dwar kull waħda miż-żewġ qrati (Il-Qorti tal-Ġustizzja u Il-Qorti Ġenerali).

Membri tal-Persunal

Il-Qorti tal-Ġustizzja bħalissa timpjega ftit iktar minn 2 300 membru tal-persunal.

Il-parti l-kbira ta’ dawn il-membri tal-persunal huma uffiċjali tal-Unjoni, magħżula permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni rigoruża. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha membri tal-persunal minn kull Stat Membru tal-Unjoni.

Madwar nofs il-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja jaħdem fi ħdan Id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu, inkarigat li jiżgura li x-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun disponibbli fl‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Għal iktar informazzjoni dwar ix-xogħol tal-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-paġni tagħna ddedikati għal kull wieħed mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħna.

Għal iktar informazzjoni dwar kif tista’ tapplika sabiex taħdem mal-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-paġni tagħna dwar l-impjiegi .

Kif taħdem il-Qorti tal-Ġustizzja?

Minbarra l-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, bħal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-Istat tad-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti importanza partikolari lil ċerti valuri ewlenin li jsawru u jsostnu l-aspetti kollha tax-xogħol tagħha.

Il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ l-ogħla standards etiċi, integrità, professjonaliżmu, imparzjalità u indipendenza, minn kull min jaħdem magħha. Dawn l-istandards japplikaw għall-Membri kollha tal-Qorti u għall-membri tal-persunal tagħha.

Aqra iktar dwar l-istandards etiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

It-trasparenza u l-aċċessibbiltà kemm fil-proċessi ġudizzjarji kif ukoll f’dawk amministrattivi fil-Qorti tal-Ġustizzja huma fundamentali għall-mod kif naħdmu.

Tgħallem iktar dwar it-trasparenza fil-Qorti tal-Ġustizzja.

B’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u dokumenti oħra relatati mal-kawżi jiġu ppubblikati f’dan is-sit internet mill-iktar fis possibbli. Barra minn hekk, is-seduti kollha huma pubbliċi, u l-iktar importanti jixxandru f’dan is-sit.

Għal iktar dettalji, ara l-paġna tagħna dwar l-informazzjoni disponibbli dwar kull kawża.

Il-Qorti tal-Ġustizzja taħdem b’24 lingwa differenti. L-ebda qorti oħra fid-dinja ma tagħmel dan. Il-multilingwiżmu huwa fil-qalba tax-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jippermetti lil kwalunkwe persuna involuta f’kawża tikkomunika mal-Qorti tal-Ġustizzja fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni u li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jaqraw u jifhmu s-sentenzi.

Ara s-sit internet tagħna ddedikat lill-multilingwiżmu.

Aqra l-politika tagħna dwar il-multilingwiżmu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija impenjata għall-innovazzjoni kontinwa bħala parti mill-missjoni usa’ tagħha li tadatta, ittejjeb u taqdi lill-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha f’dinja li qed tinbidel.

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja hija parteċipant attiv fl-Eco-Management and Audit Scheme (EMAS), li tgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa u ttejjeb il-prattiki ta’ sostenibbiltà u l-prestazzjoni ambjentali tagħha.
  • Id-Direttorat għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu rwol ewlieni fil-modernizzazzjoni tal-Istituzzjoni billi jistabbilixxi u jimplimenta viżjoni u strateġija dinamika tat-teknoloġiji tal-informazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat ukoll AI Strategy tagħha stess.

Bħala Istituzzjoni multilingwi u multinazzjonali, id-diversità tinsab fil-qalba tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija impenjata wkoll li tippromwovi opportunitajiet indaqs u ambjent tax-xogħol inklużiv għal nies ta’ kull nazzjonalità, ġeneru, abbiltà u sfond.

Għal iktar informazzjoni, żur il-paġna tagħna dwar Impjiegi mal-Qorti tal-Ġustizzja.

The Grand Conference Room

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali – konfuż minħabba f’dawn l-ismijiet?

Hemm diversi ismijiet li huma assoċjati mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Parti mill-konfużjoni possibbli tirriżulta mill-fatt li l-Istituzzjoni nnifisha kif ukoll waħda miż-żewġ qrati li hija tinkludi għandhom kważi l-istess isem.

L-Istituzzjoni nnifisha tissejjaħ il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Din tinkludi żewġ qrati differenti:

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja
  • Il-Qorti Ġenerali

U l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea?

Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ssejħet uffiċjalment il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.

Meta ġiet stabbilita l-qorti, din kienet Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Mill‑1957 sal‑2009, hija kienet Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Fl‑2009, isimha nbidel għaIl-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea hija mod komuni kif wieħed jirreferi għall-ogħla waħda miż-żewġ qrati. L-isem ekwivalenti bl-Ingliż huwa rikonoxxut u użat b’mod wiesa’ (European Court of Justice). Aħna saħansitra nużaw il-hashtag #ECJ fuq in-netwerks soċjali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija differenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija stabbilita fil-Lussemburgu u hija istituzzjoni tal-Unjoni, il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem hija stabbilita fi Strasbourg fi Franza u hija parti mill-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem tisma’ kawżi kontra pajjiżi li ffirmaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-ġurisdizzjoni tagħha tkopri attwalment 46 pajjiż, fosthom is‑27 Stat Membru tal-Unjoni.

Ara wkoll