Għaliex il-multilingwiżmu?
Fil-prattika, dan jimplika li wieħed jifhem u jesprimi ruħu fl-24 lingwa li ntgħażlu bħala lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għaliex huma l-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru wieħed jew iktar. Matul l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda, in-numru ta’ lingwi uffiċjali żdied minn 4 (Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż) għal 24 illum. Billi titkellem dawn il-lingwi kollha, l-Unjoni tkun tista’ tikkomunika maċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha. Għalhekk, il-multilingwiżmu huwa meħtieġ bħala rekwiżit demokratiku li jiggarantixxi l-ugwaljanza tal-lingwi u l-aċċessibbiltà tal-istituzzjonijiet Ewropej għaċ-ċittadini kollha tal-UE: bis-saħħa tal-professjonisti tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jindirizzaw ruħhom lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bil-lingwa tagħhom, u l-istituzzjonijiet iweġbuhom bl-istess lingwa.
Dan ir-rekwiżit kien is-suġġett tal-ewwel regolament adottat mill-KEE, ir-Regolament 1/58 “li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea”.
L-Unjoni hija Unjoni bbażata fuq ir-regola tad-dritt, liema dritt għandu jkun ugwali għal kulħadd u għalhekk jipproduċi effetti legali li jinftiehmu minn kulħadd minkejja n-numru kbir ta’ lingwi u d-diversità tal-ordinamenti ġuridiċi. Dan ifisser li, tkun xi tkun il-lingwa tal-abbozzar tagħhom, il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tal-Unjoni li jkollhom impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu bl-istess mod fil-lingwi uffiċjali kollha u fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kollha.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija inkarigata mit-Trattati biex tiżgura l-osservanza ta’ liġi komuni, iżda li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha huma, fihom innifishom, multilingwi. Il-multilingwiżmu tal-proċeduri huwa għalhekk rekwiżit indispensabbli, li jiggarantixxi proċedimenti ekwi u aċċess taċ-ċittadini Ewropej għall-ġustizzja u l-ġurisprudenza bħala sors ta’ dritt. Anki l-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa organizzat b’tali mod li jippermettilha twettaq il-missjoni tagħha tkun liema tkun il-lingwa biha li tiġi indirizzata. B’hekk, iċ-ċittadini Ewropej kollha jistgħu jaċċedu għall-ġustizzja u l-ġurisprudenza Ewropea fil-lingwa tagħhom.
