Ġurista lingwista
Fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-ġuristi lingwisti jittraduċu prinċipalment id-deċiżjonijiet ġudizzjarji u d-dokumenti indispensabbli għat-trattament tal-kawżi. Huma jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċedura u jippermettu t-tixrid multilingwi tal-ġurisprudenza tal-ogħla qorti tal-Unjoni Ewropea.
Huma jistgħu jintalbu jeżerċitaw kompiti oħra, pereżempju jikkontribwixxu għall-istabbiliment tat-terminoloġija ġuridika, jiżguraw it-taħriġ legali, jew ukoll jassumu r-rwol ta’ “persuna ta’ riferiment” sabiex jiffaċilitaw it-trattament u t-traduzzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.
Il-professjoni tal-ġurista lingwista qiegħda tevolvi kontinwament, b’mod partikolari permezz ta’ avvanzi teknoloġiċi mgħaġġla. It-traduzzjoni ssir f’ambjent speċjalizzat (“post redattur”) li juża memorji ta’ traduzzjoni, databases terminoloġiċi, kif ukoll ir-riżultati tat-traduzzjoni awtomatika newronali.
Matul il-karriera tagħhom, il-ġuristi lingwisti jitħarrġu: huma jitgħallmu lingwi ġodda, japprofondixxu l-kapaċitajiet tal-użu tal-għodod tagħhom u jaġġornaw l-għarfien legali tagħhom.
Il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aċċess għall-professjoni ta’ ġurista lingwista huma indikati fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet u tal-postijiet battala ppubblikati fis-sit EPSO jew fis-sit Curia.
Ara wkoll
>
