Lars Bay Larsen
Membru Preċedenti
Bijografija
Imwieled fl‑1953 fi Gladsaxe, Kopenħagen (id-Danimarka), Lars Bay Larsen studja fil-Københavns Universitet (l-Università ta’ Kopenħagen, id-Danimarka). Huwa ggradwa fix-xjenzi politiċi fl‑1976. Fl‑1978 huwa nkiteb mill-ġdid fil-Fakultà tal-Liġi ta’ din l-istess università u minnha kiseb il-lawrea fid-dritt fl‑1983.
Kif spiċċa l-università, ġie nnominat uffiċjal fil-Ministeru għall-Ġustizzja Daniż, fejn ħadem mill‑1983 sal‑1985. Mill‑1985 sal‑1986, huwa assuma l-funzjonijiet ta’ kap ta’ taqsima fl-Advokatsamfund (l-Assoċjazzjoni Daniża tal-kmamar tal-avukati). Lura fil-Ministeru għall-Ġustizzja Daniż, huwa okkupa suċċessivament il-pożizzjoni ta’ kap tad-dipartiment mill‑1986 sal‑1991, ta’ kap tad-diviżjoni mill‑1991 sal‑1995, ta’ kap tad-Dipartiment tal-Pulizija mill‑1995 sal‑1999 u ta’ kap tad-Dipartiment Ġuridiku mill‑2000 sal‑2003. F’dan iż-żmien ukoll intalab jirrappreżenta lid-Danimarka fil-Kumitat K‑4 mill‑1995 sal‑2000, fil-Grupp Ċentrali ta’ Schengen mill‑1996 sal‑1998 u fil-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol mill‑1998 sal‑2000. Wara li ġie ammess bħala avukat fid-Danimarka fl-1991, il-karriera tiegħu ġiet indirizzata fl‑2003 lejn il-ġudikatura u ngħaqad mal-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka), fejn eżerċita l-funzjonijiet ta’ mħallef sal‑2006.
Il-karriera ta’ Lars Bay Larsen turi barra minn hekk il-komplementarjetà kbira bejn il-prattika u t-tagħlim, peress li, mill‑1984 sal‑1991, huwa kien lettur, imbagħad, mill‑1991 sal‑1996, professur assoċjat fid-dritt tal-familja fil-Københavns Universitet. Mill‑2008, ġie inkarigat mill-korsijiet tad-dritt kriminali Ewropew fl-Università tal-Lussemburgu.
Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-11 ta’ Jannar 2006 sas-7 ta’ Ottubru 2024. Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja mit-8 ta’ Ottubru 2021 sas-7 ta’ Ottubru 2024.
