Aċċessibbiltà u inklużjoni

Aċċessibbiltà fil-Qorti tal-Ġustizzja

L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u li tiżgura ugwaljanza fit-trattament għal kulħadd. Dawn il-prinċipji huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilità, li l-Unjoni Ewropea aderixxiet għaliha fl‑2010 u li hija parti integrali mid-dritt tal-Unjoni.

Fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rispett għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni minn dejjem kien valur fundamentali. Fl-istess ħin, l-iżgurar tal-aċċessibbiltà u tal-inklużjoni totali tal-persuni b’diżabbiltà jibqa’ responsabbiltà kondiviża, li teħtieġ sforzi kontinwi fil-livelli kollha tal-Istituzzjoni.

Insostenn ta’ dan l-għan, il-Qorti għandha proġett ambizzjuż fi ħdan id-diversi dipartimenti intiż li jippromwovi ambjent iktar inklużiv u aċċessibbli għall-membri tal-persunal u għall-viżitaturi. Il-kontribuzzjonijiet mill-Istituzzjoni kollha għandhom jwasslu għaż-żamma u għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ aċċessibbiltà u ta’ impenn kondiviż.

Il-miżuri diġà fis-seħħ, kif ukoll dawk li qed jiġu żviluppati bħalissa, ikopru firxa wiesgħa ta’ oqsma, inkluż

  • aċċessibbiltà diġitali
  • aċċessibbiltà tal-bini
  • aċċessibbiltà fir-reklutaġġ u appoġġ għas-sensibilizzazzjoni u għat-taħriġ tal-persunal

Aċċessibbiltà diġitali

It-tisħiħ tal-aċċessibbiltà diġitali u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni jgħin sabiex tinħoloq esperjenza iktar inklużiva għal kulħadd, kemm fi ħdan il-Qorti kif ukoll lil hinn minnha.

Dan is-sit internet huwa mfassal sabiex jissodisfa l-istandards ta’ aċċessibbiltà meħtieġa għas-siti internet tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni. Iktar informazzjoni dwar dan tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ aċċessibbiltà.

Mill‑2021, il-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja osservat l-istandards ta’ aċċessibbiltà rrikonoxxuti (A‑2‑a u UA (Universal Accessibility (Aċċessibbiltà Universali))). Mill‑2012 sal‑2021, il-verżjonijiet pdf kienu konformi mal-istandard A‑2‑a. Iż-żewġ standards jiżguraw li d-dokumenti jkunu jistgħu jintużaw b’teknoloġiji li jipprovdu assistenza, sabiex b’hekk itejbu l-aċċess għall-informazzjoni legali għal udjenza usa’.

Aċċessibbiltà tal-bini

Il-Qorti hija impenjata bis-sħiħ li tiżgura li l-bini tagħha jkun aċċessibbli għall-viżitaturi kollha.

Il-faċilitajiet kollha bħalissa huma konformi mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli fil-Lussemburgu u għaddejjin miżuri addizzjonali sabiex tittejjeb iktar l-aċċessibbiltà u tiġi żgurata konformità sħiħa mal-istandards il-ġodda li ser jidħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2032.

Il-Qorti bi ħsiebha tiżgura s-sigurtà u l-appoġġ kontinwu tal-persuni b’diżabbiltà matul il-preżenza tagħhom fil-bini tagħna.

Aċċessibbiltà fir-reklutaġġ u appoġġ għall-persunal

Hemm fis-seħħ qafas ċar u strutturat fi ħdan il-Qorti intiż li jipprovdi appoġġ kemm lill-membri tal-persunal attwali kif ukoll lill-kandidati għal impjieg li jkollhom diżabbiltà. Dan jinvolvi b’mod partikolari li jiġu previsti arranġamenti raġonevoli sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-impjiegi u sabiex tkun tista’ ssir parteċipazzjoni effettiva fil-ħajja professjonali fil-Qorti.

L-arranġamenti jistgħu jvarjaw skont il-ħtiġijiet individwali u jistgħu jinkludu għajnuna teknika, bidliet fl-ambjent tax-xogħol, servizzi ta’ appoġġ adattati jew ir-riorganizzazzjoni tal-kompiti u tas-sigħat tax-xogħol.

L-AccessAble Luxembourg Guide (il-Gwida tal-Lussemburgu li Tipprovdi Aċċess) tagħti iktar informazzjoni dwar il-ħajja u x-xogħol fil-Lussemburgu għall-membri tal-persunal b’diżabbiltà u għall-membri tal-persunal li huma ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà.

Barra minn hekk, il-Qorti stabbiliet programm inklużiv ta’ stages sabiex jippromwovi opportunitajiet indaqs u diversità. F’kull sessjoni ta’ stage jiġu offruti pożizzjonijiet speċifiċi għal kandidati li jkollhom diżabbiltà li tkun irrikonoxxuta. Għal iktar informazzjoni dwar kif tapplika, ara l-paġna tagħna dwar l-istages.

Sensibilizzazzjoni u taħriġ

Jitwettqu inizjattivi regolari ta’ sensibilizzazzjoni, informazzjoni u taħriġ fuq bażi kontinwa sabiex jiġu promossi l-inklużjoni, ir-rispett reċiproku u l-kooperazzjoni effettiva. Dawn l-isforzi jiffokaw ukoll fuq it-tisħiħ tal-fehim u l-appoġġ għall-persuni b’diżabbiltà u dawk li jgħinuhom, sabiex b’hekk jikkontribwixxu għal kultura ta’ xogħol iktar informata u inklużiva.

Ara wkoll