Intelliġenza Artifiċjali
L-innovazzjoni kontinwa hija importanti fil-mod kif taħdem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-użu responsabbli tal-intelliġenza artifiċjali huwa parti minn din l-innovazzjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija marbuta li kontinwament iddaħħal innovazzjonijiet. Sabiex isservi lill-UE u liċ-ċittadini tagħha f’dinja li kulma jmur tinbidel, il-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġ li tkun lesta biex tħaddan teknoloġiji ġodda.
Fid-dawl ta’ dan l-impenn, l-Istituzzjoni kienet bdiet tesplora l-integrazzjoni tal-IA u żviluppi f’teknoloġiji oħra ferm qabel ma l-IA saret iktar magħrufa.
Fl‑2019, twaqqaf Laboratorju ta’ Innovazzjoni ddedikat għall-ittestjar tal-innovazzjonijiet tal-aħħar u tal-użijiet potenzjali tagħhom.
Fl‑2023, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat formalment l-istrateġija tagħha tal-IA u waqqfet, għal dan il-għan, Bord ta’ Ġestjoni tal-IA. Magħmul minn Membri taż-żewġ qrati, kif ukoll minn rappreżentanti tal-amministrazzjoni, il-Bord jara li l-għażliet teknoloġiċi li tagħmel l-Istituzzjoni fl-integrazzjoni ta’ għodod ibbażati fuq l-IA jkunu moralment korretti.
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija impenjata li tiżviluppa, tniedi u tuża l-Intelliġenza Artifiċjali konformement mal-valuri tal-Unjoni Ewropea, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, bil-għan li tippromwovi IA affidabbli u mibnija madwar il-bniedem. Fir-rigward tas-sistemi tal-IA, il-Qorti tal-Ġustizzja operat u ser tkompli topera b’konformità stretta mar-regoli legali applikabbli, kif stabbiliti, b’mod partikolari, fir-Regolament tal-Unjoni dwar il-Protezzjoni tad-Data u fl-Att dwar l-IA.
Fl‑2026, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tibni fuq xogħol il-Bord ta’ Ġestjoni tal-IA u adottat Karta dwar l-Etika u l-Intelliġenza Artifiċjali, li tistabbilixxi sensiela standards u miżuri etiċi maħsuba sabiex jippromwovu l-użu tal-IA u jtaffu r-riskji inerenti.
Bis-saħħa ta’ din il-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tħaddan il-vantaġġi li toffri l-IA u tevita kull impatt negattiv li jista’ jkollu l-użu tagħha fuq il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Biex issir taf iktar, aqra t-test sħiħ tal-Karta dwar l-Etika u l-Intelliġenza Artifiċjali.
