Verżjoni ġdida tad-database u tal-magna ta’ tfittxija tal-ġurisprudenza InfoCuria
Għadha kemm tnediet verżjoni aġġornata ta’ InfoCuria. Din il-verżjoni l-ġdida tibni fuq it-titjib li diġà sar fl-għodda sa mill-ewwel verżjoni tagħha, tintegra għadd ta’ karatteristiċi mħabbra preċedentement u żżid karatteristiċi ulterjuri.
Kif tħabbar f’Jannar, waqt it-tnedija inizjali tal-magna ta’ tfittxija l-ġdida, din it-tieni verżjoni tinkludi formola ta’ tfittxija ġdida b’diversi kriterji, intiża biex tgħin lill-professjonisti legali jwettqu tfittxijiet fil-fond u fid-dettall. Għalhekk, issa huwa possibbli li jiġu kkombinati kriterji, bħall-isem tal-kawża, is-sors tad-domanda preliminari jew il-lingwa tal-kawża, sa mit-tfittxija inizjali.
Din tipprevedi wkoll mekkaniżmu iktar intuwittiv għat-tfittix tal-leġiżlazzjoni msemmija fil-ġurisprudenza.
Il-verżjoni l-ġdida żżomm il-benefiċċji tal-verżjoni inizjali, bħall-possibbiltà li r-riżultati jiġu ffiltrati ulterjorment wara t-tfittxija inizjali u li jkunu jistgħu jitneħħew faċilment ċerti kriterji mit-tfittxija.
Sar titjib ulterjuri fid-dehra, fid-dawl tal-feedback mill-utenti. Dan jinkludi l-possibbiltà li d-dokumenti jinkixfu jew jinħbew fid-dehra tar-riżultati tal-“Kawżi” wara tfittxija ta’ test liberu, li tippermetti lill-utenti jagħżlu jekk jixtiqux jaraw it-termini ta’ tfittxija enfasizzati fid-dokumenti jew jekk jippreferux lista ta’ riżultati iktar kompatta. Issa huwa possibbli wkoll li d-dehra ddettaljata tal-kawża u d-dokumenti tal-kawża jinfetħu faċilment mill-pannell ta’ previżwalizzazzjoni billi jsir klikk fuq buttuna “Iftaħ f'tieqa ġdida”.
InfoCuria ser tkompli tittejjeb permezz ta’ verżjonijiet ulterjuri.
Għal iktar informazzjoni, ipprova l-verżjoni l-ġdida issa, jew agħti titwila lit-tutorials il-ġodda.
