Żona għall-akkoljenza Helvi Sipilä

 Imwielda f’familja ta’ bdiewa, Helvi Sipilä (1915–2009) kienet waħda mill-ewwel nisa li eżerċitaw bħala avukata fil-Finlandja. Fl-1972, saret l-ewwel mara li okkupat il-kariga ta’ Sottosegretarja Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn mexxiet iċ-Ċentru għall-Iżvilupp Soċjali u l-Affarijiet Umanitarji u, fl-1975, organizzat l-ewwel Konferenza Dinjija dwar in-Nisa. Hija eżerċitat influwenza kbira fuq id-deċiżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li tiċċelebra s-Sena Internazzjonali tan-Nisa u li tistabbilixxi l-Fond għall-Iżvilupp għal Mara (UNIFEM). Kienet direttriċi ta’ diversi organizzazzjonijiet ċiviċi internazzjonali, inklużi l-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Girl Guides u l-Girl Scouts, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġuristi Nisa, Zonta International u l-Kunsill Internazzjonali tan-Nisa, u kienet ukoll l-ewwel mara kandidata fl-elezzjoni presidenzjali Finlandiża fl-1982. Fl-2001, il-President tar-Repubblika tal-Finlandja taha t-titlu onorifiku ta’ Ministru. Hija baqgħet is-simbolu tal-ġlieda għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll fil-pajjiż tat-twelid tagħha.