Żjara tal-Qorti Suprema tal-Estonja
Fis‑7 u fit‑8 ta’ Settembru 2026, delegazzjoni tal-Qorti Suprema tal-Estonja, immexxija mill-President tagħha Villu Kõve, għamlet żjara lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dawn intlaqgħu mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Koen Lenaerts, kif ukoll minn żewġ membri tal-Istituzzjoni mill-Estonja: Küllike Jürimäe, Presidenta ta’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, u Iko Nõmm, Imħallef tal-Qorti Ġenerali.
Iż-żjara saret fil-kuntest tar-relazzjonijiet kontinwi u mill-qrib li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha mal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri u tat l-opportunità li ssaħħaħ iktar id-djalogu ġudizzjarju.
It-Tnejn 7 ta’ Settembru, il-membri tad-delegazzjoni u tal-qrati tal-Unjoni pparteċipaw f’numru ta’ sessjonijiet ta’ xogħol dwar
- l-importanza tad-djalogu bejn l-imħallfin fid-dawl tal-Istat tad-dritt u l-valuri tal-Unjoni
- id-djalogu bejn il-qrati supremi nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni meta qorti suprema tiddeċiedi li ma tagħmilx domanda preliminari
- l-applikazzjoni tal-GDPR fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja
- id-diffikultajiet sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ persuni li d-data personali tagħhom tintuża fi proċeduri kriminali, inkluż fil-kuntest tal-Ordni Ewropea ta’ Investigazzjoni
Dawn is-sessjonijiet ippermettew lill-parteċipanti jidħlu f’diskussjonijiet, jiskambjaw opinjonijiet u jaqsmu l-esperjenzi rispettivi tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni.
Fit-Tlieta 8 ta’ Settembru, il-parteċipanti kienu preżenti għas-seduta tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi magħquda C‑296/25 P u C‑297/25 P, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni. Huma kellhom żjara ggwidata u attendew għal preżentazzjoni tal-Qorti Ġenerali mill-Imħallfin Estonjani Lauri Madise u Iko Nõmm.
