Żjara mill-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja tar-Rumanija

Nhar il-5 u s-6 ta’ Ottubru 2026, delegazzjoni mill-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja tar-Rumanija, immexxija minn Adina Oana Surdu, Presidenta tat-Tieni Awla Ċivili, żaret il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-membri tad-delegazzjoni ġew milqugħa minn Koen Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien mal-Membri tal-Istituzzjoni mir-Rumanija: Octavia Spineanu-Matei, Presidenta ta’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja; Ion Gâlea, President ta’ Awla tal-Qorti Ġenerali; u Mirela Stancu, Imħallef tal-Qorti Ġenerali.

Iż-żjara seħħet fil-kuntest tar-relazzjonijiet mill-qrib u fit-tul li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm mal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri u serviet bħala opportunità għat-tisħiħ ulterjuri tad-djalogu ġudizzjarju.

Nhar it-Tnejn 5 ta’ Ottubru, id-delegazzjoni ħadet sehem f’numru ta’ sessjonijiet ta’ xogħol mal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kienu jkopru

  • l-importanza tad-djalogu bejn l-Imħallfin fid-dawl tal-Istat tad-dritt u tal-valuri tal-Unjoni
  • id-djalogu bejn il-qrati supremi nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni meta qorti suprema tiddeċiedi li ma tressaqx talba għal deċiżjoni preliminari
  • l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali) u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-konverġenza, l-awtonomija u l-limiti tal-armonizzazzjoni tal-ġurisprudenza

Dawn is-sessjonijiet servew ta’ opportunità għall-parteċipanti sabiex jimpenjaw ruħhom f’diskussjonijiet, fi skambju ta’ opinjonijiet u sabiex jikkondividu l-esperjenzi rispettivi tagħhom fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni.

Nhar it-Tlieta 6 ta’ Ottubru, id-delegazzjoni attendiet seduta tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T-848/25 u T‑30/26 Glock v EUIPO. Il-membri tad-delegazzjoni ngħataw ukoll żjara ggwidata tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja u reġgħu ltaqgħu mal-Presidenta ta’ Awla Gâlea u mal-Imħallef Stancu.