Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija l-pubblikazzjoni uffiċjali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-Ġabra għandha tiġi ppubblikata fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.
X’fiha l-Ġabra?
Sal‑1 ta’ Settembru 2016, il-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tinkludi
- Ġabra ġenerali, li tinkludi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza
- Ġabra dwar il-kawżi li jikkonċernaw il-membri tal-persunal, li tinkludi l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-qasam tas-servizz pubbliku
Mill‑1 ta’ Settembru 2016, wara t-trasferiment tal-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku lill-Qorti Ġenerali, il-ġurisprudenza kollha, inklużi d-deċiżjonijiet fil-qasam tas-servizz pubbliku, ġiet ippubblikata biss fil-Ġabra ġenerali.
Format tal-Ġabra
Il-Ġabra dwar il-kawżi li jikkonċernaw il-membri tal-persunal kienet tiġi ppubblikata fil-verżjoni stampata sal‑2009 u l-Ġabra ġenerali kienet tiġi ppubblikata fil-verżjoni stampata sal‑2011. L-unika verżjoni uffiċjali għad-deċiżjonijiet ippubblikati qabel dawn id-dati hija l-verżjoni stampata. Din il-verżjoni stampata għadha disponibbli mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Tista’ ssib ukoll verżjonijiet PDF ta’ dawn id-deċiżjonijiet fuq EUR‑Lex.
Il-Ġabra dwar il-kawżi li jikkonċernaw il-membri tal-persunal ġiet ippubblikata esklużivament online fuq EUR‑Lex mill‑1 ta’ Jannar 2010 u l-Ġabra ġenerali ġiet ippubblikata esklużivament online fuq EUR‑Lex mill‑1 ta’ Jannar 2012. Dawn huma disponibbli mingħajr ħlas.
Il-Ġabra diġitali hija fil-format PDF u tinkludi deċiżjonijiet ġudizzjarji u konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali. Fihom ukoll informazzjoni addizzjonali u verżjonijiet interkonnessi fil-format HTML għal aċċess iktar faċli. Madankollu, din l-informazzjoni addizzjonali ma hijiex parti mill-Ġabra uffiċjali.
Aċċess għall-Ġabra
Il-Ġabra hija kompletament disponibbli fit-taqsima tal-Ġabra tal-ġurisprudenza fuq EUR‑Lex.
Is-sentenzi individwali huma disponibbli wkoll fid-database tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja flimkien ma’ informazzjoni u ma’ dokumenti oħra relatati ma’ kull kawża.
Kriterji għall-pubblikazzjoni tal-ġurisprudenza fil-Ġabra
Il-Qorti tal-Ġustizzja
Mill‑1 ta’ Mejju 2004, ġew ippubblikati d-deċiżjonijiet li ġejjin:
- sentenzi mogħtija f’Seduta Plenarja u mill-Awla Manja
- deċiżjonijiet preliminari mogħtija mill-awli b’ħames u bi tliet Imħallfin
- sentenzi oħra ta’ awli b’ħames jew bi tliet Imħallfin li għandhom konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali
- opinjonijiet, mitluba mill-Parlament, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim possibbli mat-Trattati tal-Unjoni
Sakemm il-kulleġġ ġudikanti ma jiddeċidix mod ieħor, id-deċiżjonijiet li ġejjin ma għandhomx jiġu ppubblikati fil-Ġabra:
- sentenzi ta’ awli b’ħames jew bi tliet Imħallfin li ma jkollhomx in-natura ta’ deċiżjonijiet preliminari u li ma jkollhomx konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali
- digrieti
Minn Settembru 2011, l-awli b’ħames jew bi tliet Imħallfin setgħu jiddeċiedu, f’każijiet eċċezzjonali, li ma jippubblikawx deċiżjoni preliminari fil-Ġabra.
Il-Qorti Ġenerali
Minn Settembru 2005, ġew ippubblikati d-deċiżjonijiet li ġejjin:
- sentenzi tal-Awla Manja
- sentenzi ta’ awli b’ħames Imħallfin
Il-kulleġġ ġudikanti għandu jiddeċiedi każ b’każ dwar il-pubblikazzjoni tas-sentenzi tal-awli bi tliet Imħallfin.
Sakemm il-kulleġġ ġudikanti ma jiddeċidix mod ieħor, id-deċiżjonijiet li ġejjin ma jiġux ippubblikati fil-Ġabra:
- sentenzi tal-Qorti Ġenerali mogħtija minn Imħallef uniku
- digrieti li jinkludu deċiżjoni ġudizzjarja
Ċerti deċiżjonijiet jistgħu jiġu ppubblikati f’forma ta’ estratti.
Deċiżjonijiet mhux ippubblikati
Id-deċiżjonijiet li ma jiġux ippubblikati fil-Ġabra jibqgħu dejjem disponibbli fid-database tal-ġurisprudenza, fil-lingwa tal-kawża u fil-lingwa tad-deliberazzjonijiet (normalment il-Franċiż). Il-Ġabra ġenerali fiha wkoll ċerta informazzjoni dwar dawn id-deċiżjonijiet.
Il-Ġabra dwar il-kawżi li jikkonċernaw il-membri tal-persunal
Il-Qorti Ġenerali
Sal‑31 ta’ Awwissu 2016, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija fuq appell fil-qasam tad-dritt tas-servizz pubbliku kienu jiġu ppubblikati fil-Ġabra dwar il-kawżi li jikkonċernaw il-membri tal-persunal. Dawn kienu disponibbli bħala sommarji fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u bħala test sħiħ fil-lingwa tal-kawża. F’xi każijiet, dawn kienu wkoll jiġu ppubblikati fil-Ġabra ġenerali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
Mill‑1 ta’ Settembru 2016, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-kontenzjuż tas-servizz pubbliku jiġu ippubblikati fil-Ġabra ġenerali.
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
Sal‑31 ta’ Awwissu 2016, id-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienu jiġu ppubblikati fil-Ġabra dwar il-kawżi li jikkonċernaw il-membri tal-persunal. Dawn kienu jkunu disponibbli bħala sommarji fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u bħala test sħiħ fil-lingwa tal-kawża u fil-lingwa tad-deliberazzjoni (normalment il-Franċiż).
Fil-każ ta’ deċiżjonijiet ta’ interess ġenerali, it-test sħiħ kien jiġu ppubblikat ukoll fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni.
