Drittijiet tal-konsumaturi
Id-dritt tal-Unjoni jipprovdi protezzjoni b’saħħitha lill-konsumaturi, bl-għan li jiġi żgurat trattament ġust fir-relazzjonijiet tagħhom man-negozji, b’mod partikolari f’oqsma bħall-kuntratti, is-sigurtà tal-prodotti u ċ-ċarezza tal-informazzjoni. F’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kellha rwol kruċjali fil-kjarifika u t-tisħiħ ta’ din il-protezzjoni. Mill-protezzjoni tal-konsumaturi kontra klawżoli kuntrattwali inġusti għad-difiża tad-drittijiet tagħhom waqt xiri online, il-Qorti tal-Ġustizzja għenet sabiex issawwar u ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi madwar l-Unjoni.
Protezzjoni tal-konsumatur
Il-protezzjoni tal-konsumatur taħt id-dritt tal-Unjoni tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma li għandhom l-għan li jiżguraw tranżazzjonijiet ġusti, trasparenti u siguri bejn in-negozji u l-konsumaturi. Permezz tal-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat kif id-dritt tal-konsumatur tal-Unjoni għandu jinftiehem, jiġi implimentat u applikat konsistentement fl-Istati Membri kollha. Fost il-kwistjonijiet ewlenin hemm:
- Kif l-Unjoni tiżgura li t-tikkettjar tal-prodotti jipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni preċiża u mhux qarrieqa?
- X’tipi ta’ prattiki kummerċjali huma pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni sabiex il-konsumaturi jkunu protetti minn imġiba qarrieqa jew aggressiva?
- Kif id-dritt tal-Unjoni jipproteġi lill-konsumaturi meta l-prodotti jkunu difettużi jew “mhux konformi” mal-kuntratt tal-bejgħ?
- Kif id-dritt tal-Unjoni jipproteġi lill-konsumaturi minn klawżoli kuntrattwali inġusti, b’mod partikolari f’każijiet ta’ self f’munita barranija u riskji tal-kambju?
Rekwiżiti ta’ ttikkettjar
Ittikkettjar ċar u preċiż tal-prodotti huwa pedament tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-Unjoni. Il-konsumaturi għandhom ikunu informati kif xieraq dwar l-ingredjenti tal-ikel u tax-xorb li jixtru sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar id-dieta tagħhom.
Fl‑2014, qorti Ġermaniża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-ittikkettjar ta’ prodotti tal-ikel jistax ikun qarrieqi meta joħloq impressjoni falza, anki meta l-lista tal-ingredjenti tkun eżatta. Teekanne biegħet te bil-frott li fuq l-imballaġġ tiegħu kien fih stampi ta’ lampun u fjuri tal-vanilla, kif ukoll deskrizzjonijiet bħal “aromi naturali” u “togħma lampun-vanilla”. Fil-fatt, it-te ma kienx fih effettivament lampun jew vanilla fost l-ingredjenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ittikkettjar ta’ prodott jista’ jkun qarrieqi jekk jissuġġerixxi l-preżenza ta’ ingredjenti li ma jkunux effettivament inklużi fil-prodott, anki jekk il-lista tal-ingredjenti tkun korretta u eżawrjenti. Il-konsumaturi għandhom id-dritt għal informazzjoni korretta, newtrali u oġġettiva, li ma tkunx qarrieqa (C‑195/14 Teekanne).
F’dik l-istess sena, qorti Franċiża talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar il-kontenut ta’ sodju fl-ilma minerali fil-flixkun. Fl‑2009, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lil Neptune Distribution, bejjiegħa tal-ilma naturali bil-gass Saint-Yorre u Vichy Célestins, tirtira l-allegazzjonijiet li l-ilma kien baxx fil-melħ jew fis-sodju, bħal dikjarazzjonijiet li l-kontenut ta’ melħ kien “inqas minn f’litru ħalib”. Il-qorti Franċiża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kontenut ta’ sodju għandux jiġi kkalkolat biss abbażi tal-melħ tal-mejda (klorur tas-sodju) jew jekk għandux jinkludi l-forom kollha ta’ sodju, bħall-bikarbonat tas-sodju. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-forom kollha tas-sodju, jiġifieri l-melħ tal-mejda u l-bikarbonat tas-sodju, għandhom jidhru fuq l-imballaġġ tal-ilma fil-flixkun. Il-konsumatur jista’ jiġi mqarraq jekk l-ilma minerali jiġi kklassifikat bħala baxx fil-melħ, iżda fir-realtà jkollu livelli għoljin ta’ bikarbonat tas-sodju (C‑157/14 Neptune Distribution).
Prattiki kummerċjali aggressivi u qarrieqa
Id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi prattiki kummerċjali żleali, qarrieqa u aggressivi li jkunu jistgħu jwasslu għad-distorsjoni tal-aġir ekonomiku tal-konsumaturi. Prattiki bħal dawn jistgħu jinkludu reklami foloz, tariffi moħbija u tattiċi ta’ bejgħ qarrieqa, li jistgħu jwasslu biex il-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet li kieku ma kinux jieħdu.
Fl‑2011, qorti tar-Renju Unit staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix lill-impriżi jiffatturaw lill-konsumaturi b’tariffa, anki ta’ importanza żgħira, sabiex jirċievi premju li kien informat li rebaħ. Ħames kumpanniji mir-Renju Unit kienu qed jibagħtu materjal promozzjonali, li bih jinformaw lid-destinatarji li kienu rebħu premju, iżda kienu qed jitolbuhom iċemplu numru tat-telefon b’tariffa ogħla min-normal u jibagħtu messaġġi SMS sabiex jitolbu dan il-premju. Il-kumpanniji talbu wkoll lid-destinatarji jħallsu spejjeż addizzjonali sabiex jirċievu l-premju tagħhom: pereżempju, xi promozzjonijiet offrew kruċieri fil-Mediterran, iżda r-rebbieħa kellhom iħallsu l-ispejjeż tal-assigurazzjoni, it-titjib tal-kabina, l-ikel, ix-xorb u t-tariffi tal-port. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prattiki aggressivi tal-kummerċjanti li jqarrqu bil-konsumaturi billi jaħsbu li kienu rebħu premju, filwaqt li fir-realtà jobbligawhom iħallsu xi tip ta’ tariffa sabiex jitolbuh, huma pprojbiti. Dan huwa l-każ anki jekk it-tariffa tkun minima meta mqabbla mal-valur tal-prezz jew jekk in-negozjant ma jibbenefikax direttament minnha (C‑428/11 Purely Creative).
Fl‑2015, qorti Ġermaniża ressqet kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kumpannija Comtech, li użat numru tat-telefon partikolari tat-tip 0180 għas-servizz ta’ wara l-bejgħ. Filwaqt li l-prefiss 0180 kien jintuża ġeneralment għal servizzi ta’ assistenza b’rata nazzjonali, it-telefonati lejn dan in-numru kienu ogħla milli għal numru fiss jew mobbli standard. Grupp Ġermaniż ta’ protezzjoni tal-konsumatur ikkontesta din il-prattika kummerċjali żleali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ispiża tat-telefonati lejn numru għas-servizz ta’ wara l-bejgħ ma għandux jaqbeż l-ispiża ta’ telefonata standard. Rati ogħla jistgħu jiskoraġġixxu lill-konsumaturi milli jużaw linji telefoniċi ta’ assistenza sabiex jiksbu informazzjoni jew iqajmu d-drittijiet tal-konsumaturi tagħhom, li jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali ( C‑568/15 Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main).
Sentejn wara, qorti Taljana ressqet kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar “provvista mhux mitluba”, li kienet tinvolvi l-ħtieġa ta’ ħlas għal prodotti jew servizzi pprovduti lil konsumatur li fil-fatt ma kinux intalbu mill-konsumatur. Il-kawża kienet tikkonċerna lil Wind Tre u Vodafone Italia, li kienu jbigħu SIM kards b’servizzi tal-internet u ta’ messaġġi vokali installati u attivati minn qabel, li jiffatturaw lill-utenti, sakemm ma jitolbux espliċitament id-diżattivazzjoni tagħhom. Il-konsumaturi ma kinux jiġu informati b’mod xieraq dwar dawn it-tariffi, u s-servizz tal-internet seta’ saħansitra jagħti lok għal konnessjonijiet mingħajr l-għarfien tal-utent minħabba applikazzjonijiet dejjem attivati. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din il-prattika kienet tikkostitwixxi “provvista mhux mitluba” u prattika kummerċjali żleali u aggressiva. Il-konsumaturi ma setgħux “liberament jaċċettaw” dawn is-servizzi jekk ma jkunux informati dwar l-ispiża tagħhom jew dwar il-fatt li kienu attivati u installati minn qabel fuq is-SIM kard (C‑54/17, C‑55/17, Wind Tre).
Prodotti difettużi
Taħt id-dritt tal-Unjoni, il-prodotti kollha jridu jikkonformaw ruħhom mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt tal-bejgħ. Dan ifisser li l-prodotti għandhom jissodisfaw id-deskrizzjoni, il-kwalità, il-funzjonalità u l-iskop meħtieġa. Barra minn hekk, dawn għandhom ikunu adatti għall-użu normali tagħhom, jikkorrispondu għal kwalunkwe kampjun jew mudell ippreżentat, jinkludu l-aċċessorji kollha meħtieġa u jissodisfaw l-aspettattivi raġonevoli tal-konsumaturi.
Fl‑2013, qorti Olandiża talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar kawża mressqa minn F. Faber. F’Settembru 2008, il-karozza użata mixtrija minn F. Faber ħadet in-nar u nqerdet kompletament erba’ xhur wara l-bejgħ tagħha. F. Faber qieset lill-garaxx mnejn kienet xtrat il-vettura responsabbli. Madankollu, il-garaxx ikkontesta r-responsabbiltà tiegħu u, peress li l-vettura kienet diġà nqerdet, ma setgħet issir ebda investigazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull difett ta’ prodott li jsir apparenti fi żmien sitt xhur mill-kunsinna huwa preżunt li jeżisti fil-mument tal-kunsinna tal-prodott. Filwaqt li l-konsumatur ikollu jipprova li d-difett kien jeżisti u li deher fi żmien sitt xhur, huwa ma għandux għalfejn jipprova l-kawża tad-difett jew l-oriġini tiegħu (C‑497/13 Froukje Faber).
Ftit snin qabel, qorti Ġermaniża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix lill-bejjiegħa jitolbu ħlas ta’ kumpens lill-konsumaturi għall-użu ta’ prodotti difettużi qabel dawn jinbidlu. F’dan il-każ, konsumatur Ġermaniż bagħat lura forn difettuż lil Quelle, ħanut li jbigħ oġġetti tad-dar, li ssostitwixxa dan il-forn b’apparat ġdid iżda ffattura EUR 69.97 għall-użu tal-apparat oriġinali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-konsumaturi ma humiex obbligati jħallsu kumpens lill-bejjiegħa għall-użu ta’ prodotti difettużi qabel ma dawn jinbidlu. Il-bejjiegħa huma responsabbli għad-difetti fil-prodott, u għalhekk għandhom ibatu l-konsegwenzi (C‑404/06 Quelle).
Tliet snin wara, żewġ qrati Ġermaniżi staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jeħtieġx li l-bejjiegħa jkopru l-ispejjeż tat-tneħħija ta’ prodotti difettużi u l-installazzjoni tal-prodott li bih jinbidel il-prodott inizjali. Fl-ewwel kawża, J. Wittmer kien xtara madum mimsuħ, iżda, wara l-installazzjoni, huwa skopra difetti li kienu jeħtieġu s-sostituzzjoni sħiħa tal-madum, li kien jiswa iktar minn erba’ darbiet il-prezz inizjali. Fit-tieni kawża, I. Putz kienet xtrat magna tal-ħasil tal-platti li nstabet li kienet difettuża. Hija qablet mal-bejjiegħ li l-magna tal-ħasil tal-platti setgħet tiġi ssostitwita, iżda talbitu jew ineħħi l-apparat difettuż u jinstalla l-apparat li bih jinbidel il-prodott inizjali, jew jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tat-tneħħija u tal-installazzjoni l-ġdida tal-apparat. Il-Qorti tal-Ġustizzja qablet ma’ I. Putz. Madankollu, hija rrilevat li r-rimbors tal-ispejjeż tat-tneħħija u tal-installazzjoni l-ġdida jista’ jiġi limitat skont il-valur tal-prodott konformi u skont l-importanza tan-nuqqas ta’ konformità tiegħu (C‑65/09 u C‑87/09 Gebr. Weber u Putz).
Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi
Id-dritt tal-Unjoni jipprovdi li l-konsumaturi ma humiex marbuta bi klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ bejjiegħ jew fornitur. Dan il-prinċipju, stabbilit fid-Direttiva dwar il-Klawżoli Kuntrattwali Inġusti, għandu l-għan li jipproteġi lill-konsumaturi minn żbilanċ fid-drittijiet u fl-obbligi li jistgħu jirriżultaw minn kuntratti standard li ma jkunux ġew innegozjati individwalment. Il-Qorti tal-Ġustizzja tat diversi deċiżjonijiet f’kawżi f’dan il-qasam.
F’serje ta’ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tispjega jekk il-qrati nazzjonali kellhomx jeżaminaw minn jeddhom jekk klawżola f’kuntratt tistax tkun inġusta.
F’każ wieħed, konsumatriċi Ungeriża, E. Sustikné Győrfi, kienet marbuta bi klawżola fil-kuntratt tat-telefon mobbli tagħha li tindika qorti Ungeriża speċifika bħala responsabbli sabiex tisma’ kull tilwima relatata mal-kuntatt. Din il-qorti kienet 275 km bogħod minn darha, b’konnessjonijiet ta’ trasport pubbliku limitati. F’kawża ulterjuri mressqa quddiemha, dik il-qorti staqsiet dwar in-natura inġusta tal-klawżola. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-qrati nazzjonali għandhom jeżaminaw minn jeddhom in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, anki jekk il-konsumatur ma jqajjimx il-kwistjoni (C‑243/08, Pannon GSM).
F’kawża sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li dan l-obbligu japplika wkoll għal proċeduri ta’ insolvenza. Dik il-kawża qamet meta koppja Ċeka ntalbet tirrimborsa kompletament self għall-konsum b’sanzjonijiet iebsin minħabba nuqqas ta’ żvelar ta’ sekwestru preċedenti ta’ proprjetà immobbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tinsab fil-ftehimiet ta’ kreditu lill-konsumatur tingħata b’mod ċar u konċiż (C‑377/14 Radlinger u Radlingerová).
F’tielet kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ulterjorment dan l-obbligu li jiġu vverifikati l-klawżoli kollha ta’ kuntratt, anki meta dawn ma jkunux ikkontestati mill-konsumatur. Dan seħħ f’kawża Ungeriża li fiha konsumatriċi, G. Lintner, kienet ikkontestat klawżola fi ftehim ta’ self li ppermettiet lill-bank jemenda unilateralment il-kuntratt, iżda mhux aspetti oħra li setgħu wkoll jitqiesu inġusti (C‑511/17 Lintner vs UniCredit Bank Hungary).
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll il-limiti tar-rwol tal-qrati nazzjonali. Qorti Spanjola kienet naqqset l-ammont tal-interessi moratorji fuq self ta’ karozza minn 29 % għal 19 %. B’risposta għal domanda magħmula minn qorti superjuri li kienet qed tisma’ l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jirrevedu l-kontenut ta’ klawżola inġusta f’kuntratt, iżda għandhom biss jannullaw din il-klawżola (C‑618/10 Banco Español de Crédito).
Eżempji ta’ klawżoli inġusti
Fl‑2022, qorti Pollakka staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi humiex inġusti meta jkunu eċċessivament għoljin meta mqabbla mas-servizz ipprovdut. Tliet konsumaturi Pollakki kkonkludew kuntratti ta’ kreditu li jinkludu spejjeż u tariffi addizzjonali sinjifikattivi, li wħud minnhom jeżiġu ħlasijiet fi flus kontanti fid-dar tal-konsumatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li klawżola kuntrattwali tkun inġusta jekk toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet tal-partijiet għad-detriment tal-konsumatur, pereżempju, jekk l-ispejjeż esklużi l-interessi jkunu manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont tas-self jew tas-servizz ipprovdut (C‑321/22 Provident Polska).
Sena wara, qorti Latvjana talbet kjarifiki dwar kawża li tikkonċerna kuntratt ta’ 15‑il sena bejn plejer żagħżugħ tal-basketball u kumpannija li toffri servizzi ta’ żvilupp tal-karriera. Il-kuntratt kien jirrigwarda diversi servizzi, fosthom it-taħriġ, is-sostenn mediku u l-marketing, inkambju għal 10 % tad-dħul nett tal-plejer li jiġi mill-attivitajiet sportivi professjonali. Hekk kif il-plejer beda jkun ta’ suċċess, id-dħul tiegħu qabeż EUR 16‑il miljun, li wassal għal ħlas ta’ iktar minn EUR 1.6 miljuni lill-kumpannija. In-natura inġusta ta’ dan l-impenn fit-tul u potenzjalment vinkolanti ġiet ikkontestata taħt id-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali klawżoli setgħu jitqiesu bħala inġusti. Il-qorti nazzjonali kellha tevalwa n-natura inġusta tagħhom billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli. It-termini għandhom ukoll ikunu trasparenti: il-konsumatur għandu jkollu informazzjoni suffiċjenti sabiex jevalwa l-konsegwenzi finanzjarji tal-impenn (C‑365/23 Arce).
Self f’munita barranija
Il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni wkoll dwar diversi kawżi li jikkonċernaw self f’munita barranija, billi eżaminat jekk it-termini ta’ dan is-self, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji tal-kambju, kinux ġusti u ċari għall-konsumaturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja semgħet diversi kawżi fejn il-konsumaturi ssellfu f’munita barranija u fejn, wara bidliet fir-rata tal-kambju, il-konsumatur ħabbat wiċċu ma’ ħlas lura ħafna ogħla.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta jagħtu self f’munita barranija, il-banek għandhom jipprovdu informazzjoni suffiċjenti sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet prudenti u informati. Il-konsumaturi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jifhmu u jevalwaw b’mod sħiħ il-konsegwenzi finanzjarji ta’ tali klawżoli kuntrattwali (C‑186/16 Andriciuc et). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat din il-ġurisprudenza f’kawża oħra billi ddikjarat li klawżola dwar ir-riskju tal-kambju għandha tkun ċara għall-konsumatur, kemm fil-formulazzjoni tagħha kif ukoll fl-impatt konkret tagħha (C‑51/17 OTP Bank u OTP Faktoring).
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, jekk konsumatur jissellef f’munita barranija u ma jkunx jaf bin-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt, huwa ma jista’ jiġi suġġett għal ebda terminu ta’ preskrizzjoni għar-rimbors tas-somom ibbażati fuq din il-klawżola. Hija indikat ukoll li l-informazzjoni pprovduta mill-persuna li ssellef dwar ir-riskju tal-kambju ma tkunx trasparenti jekk tassumi li r-rata tal-kambju tkun ser tibqa’ stabbli matul il-perijodu kollu tas-self (C‑609/19, C‑776/19, C‑782/19 BNP Paribas Personal Finance).
Protezzjoni tal-konsumatur online
Fl-era diġitali, ix-xiri online sar parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum, u b’hekk biddel il-mod kif il-konsumaturi jixtru prodotti u servizzi. Madankollu, filwaqt li ż-żieda fix-xiri online fl-era diġitali rrivoluzzjonat il-bejgħ bl-imnut, introduċiet ukoll sfidi u riskji uniċi għall-konsumaturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha ħafna kawżi dwar id-drittijiet tal-konsumaturi meta jixtru online. Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu:
- X’inhuma l-eċċezzjonijiet għad-“dritt ta’ rtirar” tal-konsumaturi meta jixtru online?
- X’indikazzjoni jrid ikollhom il-buttuni li tagħfas sabiex tgħaddi ordni b’tali mod li dawn jinformaw lill-konsumaturi dwar l-“obbligu ta’ ħlas” tagħhom?
Dritt ta’ rtirar
Id-“dritt ta’ rtirar” huwa d-dritt tiegħek bħala konsumatur li tbiddel il-parir dwar xi ħaġa li tkun xtrajt “mill-bogħod”. Inizjalment maħsub sabiex ikopri x-xiri permezz ta’ katalogu u bil-korrispondenza, dan issa japplika wkoll għax-xiri online u huwa aspett fundamentali tax-xiri online. Taħt id-dritt tal-Unjoni, il-konsumaturi għandhom mill-inqas 14‑il jum mid-data tal-kunsinna tax-xiri tagħhom sabiex jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom. Mingħajr il-ħtieġa li tingħata xi raġuni, tista’ tirritorna x-xiri tiegħek għal rimbors sħiħ.
Rimbors tal-ispejjeż tal-kunsinna
Fl‑2008, qamet il-kwistjoni dwar jekk klijent kellux dritt għar-rimbors mhux biss tal-ispiża tal-prodott, iżda wkoll tal-ispejjeż ta’ kunsinna. Il-kawża kienet tressqet minn assoċjazzjoni Ġermaniża ta’ konsumaturi kontra kumpannija ta’ bejgħ b’korrispondenza, Heinrich Heine. Heine kienet tiffattura rata standard ta’ EUR 4.95. Fil-każ li l-prodotti jintbagħtu lura, dan l-ammont ma kienx jitħallas lura. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dan jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jużaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom. Għalhekk, l-ispejjeż tal-kunsinna kellhom jiġu rrimborsati. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-konsumatur jista’ jintalab iħallas l-ispejjeż sabiex il-prodott jintbagħat lura. Dan kien jippermetti bilanċ tal-ispejjeż bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ (C‑511/08 Heinrich Heine).
Prodotti mibgħuta lura wara perjodu estiż
Fl‑2007, qorti Ġermaniża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-konsumatur għandux jikkumpensa lill-bejjiegħ għall-użu tal-prodotti qabel ma jibgħathom lura. P. Messner kienet xtrat laptop użat online, iżda ddeċidiet li tibgħatu lura wara tmien xhur. Filwaqt li t-terminu normali għall-irtirar kien skada, P. Messner ma kinitx irċeviet notifika effettiva tad-data tal-bidu ta’ dan it-terminu, kif meħtieġ mid-dritt Ġermaniż. Il-bejjiegħ sostna li, fi kwalunkwe każ, P. Messner kellha tħallsu kumpens għall-perijodu ta’ tmien xhur li matulu hija użat il-laptop, u enfasizza li kien ikun jiswa ċertu ammont ta’ flus sabiex tikri kompjuter simili għal perijodu ta’ 8 xhur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konsumaturi li jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom ma humiex obbligati jħallsu għall-użu tal-oġġetti, sakemm ma jkunux użawhom b’mod irraġonevoli, li jmur kontra l-prinċipju ta’ skop tajjeb. Dan id-dritt jippermetti lill-konsumaturi jeżaminaw u jipprovaw il-prodotti mingħajr biża’ ta’ sanzjoni ta’ natura finanzjarja (C‑489/07 Pia Messner).
Kundizzjoni tal-prodotti mibgħuta lura
Tqajmu wkoll mistoqsijiet dwar il-kundizzjoni li jridu jkunu fiha l-prodotti mibgħuta lura, b’mod partikolari fir-rigward tal-iġjene.
Fl‑2017, qorti Ġermaniża talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar kawża li kienet tinvolvi r-ritorn ta’ saqqu meta r-rita ta’ protezzjoni li tkopri dan is-saqqu tkun tneħħiet mill-klijent qabel ma jkun irritornah. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tneħħija ta’ rita ta’ protezzjoni ma tistax tipprekludi lil konsumatur milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar mix-xiri online. Hija rrilevat li s-saqqu seta’ jitnaddaf jew jiġi ddiżinfettat, simili għal kif jagħmlu l-bejjiegħa bl-imnut tal-ħwejjeġ għall-prodotti li jintbagħtu lura lilhom, sabiex il-prodott ikun jista’ sussegwentement jinbiegħ mill-ġdid (C-681/17 slewo).
Biljetti għall-avvenimenti
Madankollu, hemm limitazzjonijiet għad-dritt ta’ rtirar. Id-dritt tal-Unjoni jipprevedi espliċitament li l-klijenti ma jistgħux jirtiraw mix-xiri ta’ biljetti għal attivitajiet ta’ divertiment marbuta ma’ dati speċifiċi. L-għan huwa li l-organizzaturi tal-avvenimenti jiġu protetti minn kanċellazzjonijiet tal-aħħar minuta li jagħmluha diffiċli biex jerġgħu jbiegħu l-biljetti. F’sentenza tal‑2022, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li din il-limitazzjoni tapplika wkoll għall-biljetti mibjugħa minn intermedjarji, bħall-aġenziji għall-bejgħ tal-biljetti (C‑96/21 CTS Eventim).
Buttuni li tagħfas sabiex tgħaddi ordni online
Skont id-dritt tal-Unjoni, meta tixtri online, trid tirrikonoxxi espliċitament li jekk tagħmel l-ordni tiegħek hemm “obbligu ta’ ħlas”. Dan ir-rikonoxximent jista’ jsir, pereżempju, billi tagħfas fuq “buttuna sabiex tgħaddi l-ordni” f’sit internet.
Fl‑2021, qorti Ġermaniża talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar tilwima li kienet tikkonċerna konsumatur li kien għafas fuq buttuna bl-indikazzjoni “iffinalizza r-riżervazzjoni” fuq sit internet ta’ riżervazzjoni ta’ lukandi. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, qabel ma konsumatur jagħmel ordni online, il-kummerċjant għandu jinformah bi kwalunkwe obbligu ta’ ħlas. Għalkemm ma huwiex obbligat juża dawn il-kliem eżatti, il-buttuna sabiex tgħaddi l-ordni għandha jkollha indikazzjoni ċara li l-konsumatur ser ikun obbligat iħallas meta jagħfas fuqha (C‑249/21 Fuhrmann‑2).
Konklużjoni
Dawn is-sentenzi juru kollettivament l-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreżerva d-drittijiet tal-konsumaturi, kemm fis-swieq tradizzjonali kif ukoll fid-dinja tal-kummerċ elettroniku li qed jevolvi malajr. Mill-ittikkettjar tal-prodotti għall-klawżoli kuntrattwali inġusti sad-dritt ta’ rtirar u r-regolamentazzjoni tal-buttuni li tagħfas sabiex tgħaddi ordni online, il-Qorti tal-Ġustizzja adattat is-sentenzi tagħha kostantement sabiex tiżgura li l-protezzjoni tal-konsumaturi tibqa’ b’saħħitha u rilevanti.
