Ugwaljanza tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol

Id-dritt tal-Unjoni jeżiġi trattament ugwali bejn irġiel u nisa fuq il-post tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea applikat dawn ir-regoli għall-kawżi mressqa quddiemha għal iktar minn 50 sena. Dawn il-kawżi indirizzaw kwistjonijiet kruċjali, b’mod partikolari l-ugwaljanza tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol, ugwaljanza fir-remunerazzjoni u fil-benefiċċji, u t-tkeċċija ta’ impjegati minħabba tqala. Permezz ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja fformat il-mod li bih il-liġijiet tal-Unjoni jiġu interpretati u applikati sabiex persuni jiġu protetti mid-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru. 

Introduzzjoni

L-ugwaljanza tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol hija prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. F’diversi okkażjonijiet, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja saħħew dan il-prinċipju ġenerali, filwaqt li żguraw li l-irġiel u n-nisa jiġu ttrattati b’mod ġust fil-ħajja professjonali tagħhom. Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu:

  • Kif jista’ jiġi interpretat u applikat il-prinċipju tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fuq il-post tax-xogħol?
  • Id-diskriminazzjoni pożittiva hija awtorizzata?
  • X’jiġri jekk ir-regoli jidhru newtrali għall-ġeneru iżda fil-fatt ikollhom impatt ikbar fuq ġeneru minn ieħor?
  • L-istess regoli japplikaw għal benefiċċji bħal pensjonijiet jew leave parentali?
  • X’inhuma d-drittijiet ta’ impjegati tqal skont id-dritt tal-Unjoni?
  • Kif jiġi applikat il-prinċipju tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-kuntest tal-impjieg fl-armata?

Ugwaljanza tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol: prinċipji ġenerali

Il-kawża Defrenne kienet l-ewwel kawża ewlenija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru. Fl‑1975 qorti Belġjana li kienet qed tisma’ kawża li fiha ħostess tal-ajru, G. Defrenne, kienet fittxet lill-kumpannija tal-ajru Belġjana SABENA. Hija lmentat li kienet ġiet imġiegħla tirtira fl-età ta’ 40 sena, filwaqt li l-membri tal-ekwipaġġ irġiel kienu awtorizzati jaħdmu għal żmien itwal. Barra minn hekk, għal diversi snin, hija bbenefikat minn remunerazzjoni inferjuri għal dik tal-kollegi rġiel tagħha li kienu jagħmlu l-istess xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni għal irġiel u nisa għandu “effett dirett”. Dan ifisser li jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali f’kawżi bejn persuni u dawk il-persuni li jimpjegawhom. G. Defrenne setgħet tinvoka d-dritt tal-Unjoni fil-kawża tagħha kontra l-kumpannija tal-ajru li timpjegaha sabiex titlob ugwaljanza fir-remunerazzjoni għall-xogħol ugwali (43/75 Defrenne).

Fl‑2019, qorti tar-Renju Unit staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar każ li kien jikkonċerna impjegati tas-supermarket Brittaniku Tesco, li kienu sostnew li huma ma kinux ibbenefikaw minn ugwaljanza fir-remunerazzjoni għal xogħol tal-istess valur. It-talba tressqet minn impjegati li kienu jaħdmu fil-ħwienet tas-supermarket u li kienu tħallsu inqas mill-ħaddiema irġiel li kienu essenzjalment jaħdmu fl-imħażen tal-kumpannija. Peress li x-xogħol ma kienx identiku, qamet il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni għal xogħol tal-istess valur kellux ukoll effett dirett u setax jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali. Tesco sostniet li dan ma kienx il-każ u li l-impjegati ma setgħux jużaw dan il-prinċipju quddiem il-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx mal-argument ta’ Tesco, u ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni dwar ugwaljanza fir-remunerazzjoni mhux biss japplika f’każijiet ta’ “xogħol ugwali”, iżda wkoll ta’ “xogħol tal-istess valur” (C‑624/19 Tesco Stores).

Diskriminazzjoni pożittiva

Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija wkoll dwar jekk diskriminazzjoni pożittiva hijiex awtorizzata. H. Marschall, għalliem, applika għal promozzjoni iżda ġie informat li kandidata mara kienet ser tingħata prijorità. Din id-dispożizzjoni kienet ibbażata fuq regola li tat prijorità lin-nisa għall-promozzjonijiet meta l-kandidati kollha jkollhom l-istess kwalifiki, b’mod partikolari fis-setturi tas-servizz pubbliku b’inqas nisa f’pożizzjonijiet ta’ paga għolja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li dan it-tip ta’ diskriminazzjoni pożittiva, bl-għan li jiġu miġġielda l-inugwaljanzi fuq il-post tax-xogħol, huwa awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni sakemm ma jkunx awtomatiku. Kandidati rġiel ma jistgħux jiġu esklużi mill-bidu nett u kull kandidat għandu jiġi evalwat oġġettivament (C‑409/95 Marschall).

Diskriminazzjoni indiretta

Fl‑1986, qorti Ġermaniża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar każ li kien jikkonċerna lil K. Weber, li kienet ħadmet part-time fid-department store Ġermaniż Bilka-Kaufhaus għal 15‑il sena. Hija ġiet miċħuda l-ħlas ta’ pensjoni minħabba li l-kuntratt tagħha kien jobbligaha li tkun ħadmet hemmhekk għal 15‑il sena full-time. K. Weber sostniet li, peress li iktar nisa kienu jaħdmu part-time, ir-regola kienet diskriminatorja u ta’ żvantaġġ għan-nisa. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kwalunkwe regola li teskludi ħaddiema part-time minn skemi ta’ pensjoni tista’ twassal għal diskriminazzjoni indiretta jekk tolqot numru ħafna ogħla ta’ nisa milli rġiel. Tali regola tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi (170/84 Bilka).

Fl‑2016, qorti Griega staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar rekwiżit ta’ tul minimu għal dħul fil-kulleġġ tal-pulizija. M. E. Kalliri ma ġietx awtorizzata tipparteċipa f’kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġ tal-pulizija Griega, peress li kienet inqas minn 1.70 metri twila. M. E. Kalliri sostniet li din ir-regola kienet tiddiskrimina lin-nisa. Il-Qorti tal-Ġustizzja qablet abbażi tal-fatt li r-regola dehret li kienet ta’ detriment għal numru ħafna ogħla ta’ nisa milli rġiel. Rekwiżit ta’ tul minimu jista’ jiġi ġġustifikat jekk ikun xieraq sabiex jintlaħaq għan leġittimu. Madankollu, f’dan il-każ, ma kienx jidher li rekwiżit ta’ tul minimu kien neċessarju: il-kapaċità fiżika meħtieġa għax-xogħol tal-pulizija ma kinitx marbuta ma’ ċertu tul minimu u l-kompiti tal-pulizija setgħu jiġu evalwati b’mod iktar ġust permezz ta’ metodi inqas dannużi għan-nisa (C‑409/16 Kalliri).

Benefiċċji

Fl‑2014, qorti Griega staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk imħallef Grieg, K. Maïstrellis, setax jiġi rrifjutat leave parentali mħallas minħabba li martu ma kinitx taħdem dak iż-żmien. Fil-Greċja, l-uffiċjali pubbliċi nisa bit-tfal kienu dejjem intitolati għal leave parentali mħallas. Madankollu, l-uffiċjali pubbliċi rġiel setgħu jibbenefikaw minnu biss jekk omm il-wild tagħhom kienet taħdem. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li liġi nazzjonali ma tistax iċċaħħad lill-uffiċjali pubbliċi rġiel mid-dritt għal leave parentali mħallas ibbażat fuq l-istatus professjonali tal-mara tagħhom. Din kienet diskriminazzjoni diretta bbażata fuq il-ġeneru. Barra minn hekk, din kienet issaħħaħ ir-rwoli tradizzjonali tal-ġeneru, li jżommu lin-nisa fir-rwol ta’ indokratur ewlieni u l-irġiel f’rwol sussidjarju fir-rigward tal-eżerċizzju tad-doveri tagħhom bħala ġenituri (C‑222/14 Maïstrellis).

Erba’ snin wara, qorti Spanjola talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar it-trattament preferenzjali mogħti lin-nisa b’żewġt itfal jew iktar. Dawn in-nisa kienu jibbenefikaw minn suppliment għall-pensjoni intiż li jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni demografika tan-nisa għas-sigurtà soċjali. Missier ta’ żewġt ulied talab is-suppliment, iżda t-talba ġiet irrifjutata. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li din ir-regola kienet direttament diskriminatorja u li kienet tikser il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li s-sempliċi kontribuzzjoni demografika tan-nisa għas-sigurtà soċjali ma kinitx biżżejjed sabiex tiġġustifika inugwaljanza fit-trattament (C‑450/18 WA vs INSS).

Impjegati tqal

Fl‑1988, il-Qorti tal-Ġustizzja sarulha domandi minn żewġ qrati nazzjonali, qorti Olandiża u qorti Daniża, dwar ir-rifjut ta’ reklutaġġ u t-tkeċċija ta’ nisa tqal.

Fl-ewwel kawża, E. J. P. Dekker ma ġietx irreklutata f’impjieg f’ċentru ta’ taħriġ wara li żvelat li hija kienet tliet xhur tqila, minkejja li kienet informata li hija kienet il-kandidata l-iktar adatta sabiex tokkupa din il-pożizzjoni. Il-persuna li timpjega spjegat li huma ma setgħux jimpjegaw lil E. J. P. Dekker għaliex l-assigurazzjoni taċ-ċentru ta’ taħriġ ma kinitx tkopri l-benefiċċji tagħha ta’ kuljum matul il-leave tal-maternità tagħha (C‑177/88 Dekker).

Fit-tieni kawża, B. V. Hertz tkeċċiet mix-xogħol part-time tagħha ma’ Aldi wara li ħadet leave tal-mard minħabba kumplikazzjonijiet ikkawżati mit-tqala tagħha. Aldi informat lil B. V. Hertz li hija kienet ser ittemm il-kuntratt tagħha, peress li kienet “prattika normali” li jitkeċċew ħaddiema li spiss ikunu assenti minħabba mard (C‑179/88 Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund).

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-azzjonijiet taż-żewġ persuni li jimpjegaw kienu diskriminatorji, peress li r-rifjut ta’ reklutaġġ jew it-tkeċċija ta’ mara minħabba tqala kienet tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa.

F’sentenzi sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat il-ġurisprudenza tagħha dwar it-tkeċċija ta’ impjegati minħabba tqala.

  • Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ impjegata tqila tapplika kemm għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Hija ddeċidiet li n-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat jista’ jkun diskriminatorju jekk ikun motivat mill-fatt li l-impjegata kienet tqila (C‑438/99 Jiménez Melgar u C‑109/00, Tele Danmark A/S).
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li t-tkeċċija ta’ impjegata matul it-tqala tagħha minħabba assenzi dovuti għal marda marbuta mat-tqala kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru (C‑394/96 Brown).
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tkeċċija ta’ impjegata minħabba t-tqala tagħha jew it-twelid ta’ wild tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, anki jekk l-impjegata tkun ġiet informata b’dan biss wara r-ritorn tagħha mil-leave tal-maternità (C‑460/06 Paquay).
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiema tqila għandha jkollha terminu raġonevoli sabiex tikkontesta t-tkeċċija tagħha. Terminu qasir, bħal ġimagħtejn, ma huwiex biżżejjed sabiex hija tkun tista’ titlob parir legali u tikkontesta t-tkeċċija (C‑284/23 Haus Jacobus).

Fl‑2008, qorti Ġermaniża talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar każ li jikkonċerna lil S. Mayr, servjenta li tkeċċiet mill-pożizzjoni tagħha meta kienet tinsab fi stadju avvanzat tat-trattament tal-IVF. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nisa suġġetti għat-trattament tal-IVF huma protetti mid-dritt tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, peress li dawn it-tipi ta’ proċeduri mediċi jikkonċernaw biss lin-nisa (C‑506/06 Mayr).

Xogħol fl-armata

Fl‑1997, qorti tar-Renju Unit ressqet kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru fl-aċċess għall-impjieg fl-armata. A. M. Sirdar, kok fl-Armata Brittanika u fl-Artillerija Rjali, ġiet irrifjutata t-trasferiment lejn il-Morini Rjali minħabba li f’dak iż-żmien nisa ma kinux ammessi. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt tal-Unjoni jawtorizza aċċess għal ċerti unitajiet, bħall-battaljuni tal-ewwel linja, jiġi rriżervat għall-irġiel minħabba kundizzjonijiet speċifiċi ta’ stazzjonament. Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu ddefiniti b’mod strett. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-organizzazzjoni ġenerali u amministrattiva tal-forzi armati għandhom josservaw il-prinċipju tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa (C‑273/97 Sirdar).

Sena wara, qorti Ġermaniża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk in-nisa jistgħux jiġu esklużi minn pożizzjonijiet fl-armata li jinvolvu l-użu ta’ armi tan-nar. T. Kreil ġiet miċħuda mid-dipartiment ta’ manutenzjoni elettronika tal-armi tal-Armata Federali Ġermaniża, peress li l-liġi tillimita n-nisa għal rwoli volontarji fid-dipartiment mediku u dak tal-mużika fl-armata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-esklużjoni awtomatika tan-nisa minn pożizzjonijiet fl-armata li jinvolvu l-użu ta’ armi tikser id-dritt tal-Unjoni. Tali esklużjonijiet, li jolqtu kważi l-impjiegi militari kollha tal-Armata Federali Ġermaniża, ma setgħux jiġu ġġustifikati min-natura speċifika tal-funzjonijiet jew tal-attivitajiet (C‑285/98 Kreil).

Konklużjoni

Dawn is-sentenzi jenfasizzaw b’mod kollettiv l-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipproteġi l-ugwaljanza tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol, kif meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li, fil-kawżi kollha mressqa quddiemha, jiġu żarmati l-prattiki diskriminatorji u li l-ugwaljanza fit-trattament tiġi osservata bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.