Trade marks u disinni tal-Unjoni Ewropea

Il-proprjetà intellettwali għandha rwol importanti fil-ħajja ekonomika tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ trade marks u disinni. It-trade marks jippermettu lill-kumpanniji jipproteġu t-trade marks tagħhom filwaqt li jgħinu lill-konsumaturi jidentifikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz. Sa min-nofs is-snin 90, huwa possibbli li t-trade marks jiġu rreġistrati u protetti fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, mhux kollox jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni, peress li dan jista’ jkun f’kunflitt mad-drittijiet ta’ persuni oħra.

Bl-istess mod, il-protezzjoni tista’ tingħata wkoll lil disinni li jkunu ġodda u li jkollhom karattru individwali.

Fit-tilwim dwar dak li jista’ jiġi protett, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tinterpreta u tapplika d-dritt tat-trade marks u tad-disinni tal-Unjoni.

Introduzzjoni

It-trade marks tal-Unjoni huma validi fit-territorju kollu tal-Unjoni. Persuni jistgħu japplikaw għar-reġistrazzjoni tat-trade marks tagħhom għal prodotti u għal servizzi speċifiċi mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-EUIPO. Sussegwentement, l-EUIPO jagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk trade mark tkunx tista’ tiġi rreġistrata. L-EUIPO għandu proċedura ta’ appell interna tiegħu stess b’Bord tal-Appell li jeżamina l-kontestazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet inizjali. Il-Qorti Ġenerali tisma’ rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

It-trade marks jippermettu lill-konsumaturi jidentifikaw faċilment l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz. Il-preżenza ta’ logo, simbolu jew isem magħruf fuq prodott jindikalek li jkun ġej minn kumpannija partikolari. Għal dan l-għan, it-trade marks għandhom ikunu distintivi. Dan ifisser li għandhom ikunu jistgħu jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi ta’ kumpannija waħda minn dawk ta’ kumpannija oħra. Dawn ma jistgħux ikunu wisq ġeneriċi jew sempliċement jiddeskrivu l-prodott jew is-servizz u ma għandu jkun hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks. Ħafna mill-kawżi tat-trade marks li tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali jikkonċernaw dawn il-kwistjonijiet.

Lanqas ma huwa permess li jiġu rreġistrati trade marks tal-Unjoni b’mod spekulattiv. Ir-reġistrazzjoni għandha ssir bi skop tajjeb u t-trade mark għandha tintuża b’mod ġenwin. Jekk trade mark tibqa’ ma tintużax, hija ma tistax tiġi invokata sabiex tipprekludi lil xi ħadd ieħor milli jirreġistra trade mark simili. Dawn il-kwistjonijiet tqajmu wkoll regolarment quddiem il-Qorti Ġenerali.

It-trade marks lanqas ma jistgħu jiġu rreġistrati jekk imorru kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità.

Kultant huwa possibbli wkoll li jiġu rreġistrati trade marks għall-forma ta’ prodott jew għal ħoss.

Bl-istess mod id-disinni wkoll jistgħu jiġu protetti permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Dawn il-kwistjonijiet kienu wkoll is-suġġett ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

Nuqqas ta’ karattru distintiv intrinsiku

Kultant is-sinjali li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal trade mark ma jkollhomx karattru distintiv intrinsiku. Dan jista’ jkun il-każ jekk tkun magħmula minn forom ġeometriċi sempliċi, jew jekk tkun ġenerika ħafna.

Pereżempju, fl‑2024, il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-EUIPO li Chiquita Brands ma setgħetx tirreġistra sempliċi forma ovali blu u safra bħala trade mark tal-Unjoni għal frott frisk.

Chiquita TM application

Is-sinjal, essenzjalment l-isfond tal-logo ta’ Chiquita mingħajr ebda test, tqies li huwa figura ġeometrika sempliċi mingħajr karattru distintiv (T‑426/23 Chiquita Brands).

Sinjali deskrittivi

Fl‑2017, kumpannija farmaċewtika Ġermaniża, Stada Arzneimittel, applikat għar-reġistrazzjoni ta’ “ViruProtect” bħala trade mark tal-Unjoni għal prodotti farmaċewtiċi u prodotti mediċinali. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-EUIPO li l-pubbliku rilevanti, li jfisser il-persuni l-iktar probabbli li jiltaqgħu ma’ trade mark u l-prodotti li hija tirrappreżenta, jinterpreta t-trade mark bħala li tfisser “protezzjoni kontra virus”. Dan jagħmel it-trade mark wisq deskrittiva tal-prodotti li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’tali mod li ma setgħetx tiġi rreġistrata (T‑487/18 Viruprotect).

Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li l-ismijiet ta’ żewġ prinċipati kienu purament deskrittivi tal-oriġini jew tad-destinazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi. Fid-deċiżjonijiet tal‑2015 u tal‑2022, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “MONACO” u trade mark figurattiva magħmula mill-kelma “Andorra” kienu purament deskrittivi. Għaldaqstant dawn ma setgħux jiġu rreġistrati bħala trade marks tal-Unjoni (T‑197/13 MEM u T‑806/19 Govern d’Andorra).

Probabbiltà ta’ konfużjoni

Fl‑2011, il-plejer Arġentin tal-futbol Lionel Messi applika għar-reġistrazzjoni ta’ “MESSI” bħala trade mark tal-Unjoni għal prodotti marbuta mal-isport. L-EUIPO ċaħad it-talba billi sostna li t-trade mark setgħet tiġi konfuża mat-trade mark eżistenti, “MASSI”, irreġistrata għal prodotti simili. Madankollu, fl‑2018, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni billi ddeċidiet li Messi kien wisq magħruf sabiex tkun tista’ sseħħ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan fl-appell. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li r-reputazzjoni tar-rikorrent hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-perċezzjoni tal-pubbliku u l-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark oħra. F’dan il-każ, ir-reputazzjoni ta’ Messi bħala plejer tal-futbol irrikonoxxut internazzjonalment ġiet ipperċepita bħala fatt magħruf. Konsegwentement, huwa seta’ jirreġistra ismu bħala trade mark tal-Unjoni (T‑554/14 MESSIC‑474/18 P Messi Cuccittini).

Fl‑2012, il-Qorti Ġenerali qablet mal-EUIPO li “VIAGUARA” ma setgħetx tiġi rreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni għal xarbiet. Dan huwa dovut għat-trade mark eżistenti VIAGRA. Filwaqt li rrikonoxxiet li x-xarbiet u l-mediċini huma prodotti differenti, il-Qorti Ġenerali qieset li VIAGUARA setgħet tieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade mark VIAGRA. Konsumatur jista’ jitwassal sabiex jemmen li x-xarbiet ikollhom kwalitajiet simili għal dawk tal-prodott mediċinali (b’mod partikolari żieda fil-libido) (T‑332/10 Viaguara).

Użu ġenwin u skop tajjeb

Trade mark tal-Unjoni għandha “tintuża b’mod ġenwin”. Dan ifisser li għandha tintuża b’mod attiv fil-kummerċ u mhux biss tiġi rreġistrata sabiex tipprevjeni lil oħrajn milli jużawha.

Il-katina tal-ikel ta’ malajr Irlandiża Supermac u l-katina tal-ikel ta’ malajr Amerikana McDonald’s kienu involuti f’tilwima dwar it-trade mark tal-Unjoni “Big Mac”, irreġistrata għal McDonald’s sa mill‑1996. Fl‑2017, Supermac talbet ir-revoka ta’ din it-trade mark għal ċerti prodotti. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li McDonald’s ma kinitx għamlet użu “ġenwin” tat-trade mark “Big Mac” għal prodotti tat-tjur, bħal-sandwiches tat-tiġieġ, b’mod kontinwu għal perijodu ta’ ħames snin. Konsegwentement, McDonald’s tilfet it-trade mark tal-Unjoni għal dawn il-prodotti (T‑58/23 BIG MAC).

Trade mark tal-Unjoni għandha wkoll tiġi rreġistrata bi skop tajjeb, jiġifieri b’intenzjonijiet onesti u ġusti. Fl-2013, it-trade mark “NEYMAR” ġiet irreġistrata b’suċċess mal-EUIPO. Madankollu, ir-rikorrent, C. Moreira, ma kellu ebda rabta mal-futboler Brażiljan magħruf, Neymar da Silva Santos Júnior. Sussegwentement, fuq talba ta’ Neymar, l-EUIPO ddikjara l-invalidità tat-trade mark. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat din id-deċiżjoni, u kkonkludiet li C. Moreira kien aġixxa bi skop ħażin meta applika għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. L-argumenti ta’ C. Moreira, li huwa ma kienx jaf bir-reputazzjoni ta’ Neymar fil-mument tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u li l-għażla tiegħu tal-isem “NEYMAR” kienet “sempliċi koinċidenza”, ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali bħala mhux plawżibbli (T‑795/17 NEYMAR).

Ordni pubbliku u moralità

Fl‑2019, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-EUIPO kien korrett meta ċaħad applikazzjoni għal trade mark li tinkludi l-kliem “Cannabis Store Amsterdam” fuq sfond li jirrappreżenta weraq tal-marijuana. Is-sinjal ġibed b’mod ċar l-attenzjoni tal-klijenti tal-kannabis, droga illegali f’ħafna pajjiżi tal-Unjoni. Dan kien biżżejjed sabiex it-trade mark tiġi miċħuda bħala li tmur kontra l-ordni pubbliku (T‑683/18 Sante Conte).

Fl‑2024, il-Qorti Ġenerali qablet mal-EUIPO li “Pablo Escobar” ma setgħetx tiġi rreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-EUIPO ġustament iffoka fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku Spanjol, fid-dawl tar-rabtiet bejn Spanja u l-Kolombja. Fil-fehma tagħha, Spanjoli raġonevoli, b’sensittività u b’tolleranza ta’ livell medju, jassoċjaw l-isem mat-traffikar tad-droga, man-narkoterroriżmu u ma’ reati. Dan kien minkejja l-fatt li P. Escobar qatt ma kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali (T‑255/23 Pablo Escobar).

Forom u ħsejjes

It-trade marks tal-Unjoni ma għandhomx ikunu limitati għal kliem, sinjali jew logos. Il-forom u l-ħsejjes jistgħu jiġu protetti wkoll.

Fl‑1999, l-EUIPO ta lil Rubik’s Brand trade mark tridimensjonali tal-Unjoni għall-forma ta’ kubu ta’ Rubik. Seba’ snin wara, manifattur Ġermaniż tal-ġugarelli talab l-annullament ta’ din it-trade mark, billi sostna li din kienet tipproteġi soluzzjoni teknika (il-mekkaniżmu ta’ rotazzjoni tal-kubu) li minflok kellha tkun koperta minn privattiva. Wara deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-EUIPO annulla r-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni fl‑2017. Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata minn Rubik’s Brand, iżda l-Qorti Ġenerali kkonfermatha billi ddeċidiet li d-dritt tat-trade marks tal-Unjoni jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ forom essenzjali sabiex jinkiseb riżultat tekniku. Fil-każ tal-kubu ta’ Rubik, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-forma globali u l-linji suwed tal-kubu kienu essenzjali għall-funzjonament tiegħu (T‑601/17 Rubik’s Brand).

Fl‑2018, Ardagh Metal Beverage Holdings talbet lill-EUIPO r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ ħoss bħala trade mark tal-Unjoni għal diversi xarbiet u kontenituri għax-xorb tal-metall. Il-ħoss kien jikkonsisti fil-ftuħ ta’ landa tax-xorb segwita minn tfexfix. L-EUIPO ċaħad din it-talba billi sostna li t-trade mark ta’ ħoss ma kinitx distintiva. Fl-ewwel deċiżjoni tagħha dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ ħoss ippreżentata f’format awdjo, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li t-trade mark ta’ ħoss ma tistax tiġi rreġistrata. Hija indikat li l-ħoss kien iktar funzjonali jew tekniku, peress li kien jixbah biss ħsejjes tipiċi marbuta ma’ xarbiet. Għaldaqstant, hija ma setgħetx tiġi identifikata bħala trade mark speċifika (T‑668/19 Ardagh Metal Beverage Holdings).

Disinni

Id-disinni jistgħu jiġu protetti wkoll bħala forma speċifika ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali. Bħat-trade mark tal-Unjoni, dawn jiġu wkoll amministrati mill-EUIPO.

Id-disinn ta’ briksa ta’ Lego ilu protett fl-Unjoni sa mill‑2010. Wara kontestazzjoni min-naħa ta’ kumpannija Ġermaniża, Delta Sport Handelskontor, l-EUIPO kkonferma fl‑2022 li l-ġugarell fil-forma ta’ briksa kien għadu protett taħt eċċezzjoni speċjali fid-dritt tal-Unjoni għas-sistemi modulari, jiġifieri sensiela ta’ partijiet li huma artikolati b’modi differenti sabiex joħolqu diversi affarijiet. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat din id-deċiżjoni. Hija rrikonoxxiet li Delta Sport Handelskontor ma setgħetx tipprova li d-disinn tal-briksa ta’ Lego ma kienx ġdid jew suffiċjentement uniku sabiex ikun jista’ jibbenefika minn din l-eċċezzjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li disinn jista’ jkun invalidu biss jekk il-karatteristiċi kollha tiegħu jitilfu l-protezzjoni, filwaqt li l-argumenti ta’ Delta Sport Handelskontor kienu jkopru karatteristika waħda biss (T‑537/22 Lego).

Konklużjoni

Flimkien, dawn is-sentenzi juru r-rwol ewlieni tal-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tad-dritt tat-trade marks u tad-disinni tal-Unjoni, billi jistabbilixxu preċedenti importanti li jibbilanċjaw il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-promozzjoni ta’ kompetizzjoni b’saħħitha kemm fl-interess tal-konsumaturi kif ukoll f’dak tan-negozji.