Diskriminazzjoni

L-Unjoni topponi d-diskriminazzjoni f’ħafna forom u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha rwol kruċjali fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni f’sitwazzjonijiet reali. Permezz tas-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat id-drittijiet tal-impjegati, filwaqt li żgurat li dawn ir-regoli kontra d-diskriminazzjoni, li jindirizzaw id-diskriminazzjoni abbażi ta’ fatturi bħar-reliġjon, l-etniċità u d-diżabbiltà, jiġu applikati b’mod uniformi u korrett madwar l-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet ukoll ċarezza legali dwar kwistjonijiet relatati ma’ aspetti oħra ta’ ħajjitna fejn tista’ sseħħ diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru jew l-etniċità.

Introduzzjoni

Id-dritt tal-Unjoni jipprovdi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali fil-qasam tal-impjiegi. Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-etniċità, jew id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru testendi wkoll għall-aċċess għall-prodotti u għas-servizzi u għas-sigurtà soċjali. Matul dawn l-aħħar deċennji, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tapplika dawn ir-regoli għal varjetà kbira ta’ sitwazzjonijiet u kellha rwol essenzjali fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu:

  • Persuna li timpjega tista’ tirrikjedi li jkollok reliġjon partikolari għal impjieg?
  • Persuna li timpjega tista’ tipprojbixxi l-ilbies ta’ simboli reliġjużi, bħal veli Iżlamiċi, fuq il-post tax-xogħol?
  • Kif għandha tiġi ddefinita “diżabbiltà”?
  • Il-persuna li timpjega u l-kumpaniji jistgħu japplikaw politiki li jiddiskriminaw indirettament jew direttament abbażi tal-etniċità skont id-dritt tal-Unjoni?
  • Il-ġeneru jista’ jintuża bħala fattur fl-iffissar tal-primjums ta’ assigurazzjoni?

Diskriminazzjoni reliġjuża

Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħti deċiżjoni dwar każijiet ta’ diskriminazzjoni reliġjuża fuq il-post tax-xogħol. Hija qatgħet każijiet dwar jekk il-persuna li timpjega tistax teżiġi li impjegat isegwi ċerta reliġjon u jekk il-persuna li timpjega tistax tipprojbixxi simboli reliġjużi viżibbli fuq il-post tax-xogħol.

Rekwiżiti reliġjużi għal impjieg

Fl‑2016, qorti Ġermaniża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk knisja setgħetx teżiġi affiljazzjoni reliġjuża speċifika għal impjieg. V. Egenberger, li ma kienet membru ta’ ebda reliġjon, kienet applikat għal pożizzjoni fil-Knisja Protestanta. Madankollu, hija ma ġietx mistiedna għal intervista minħabba li l-offerta ta’ impjieg kienet teħtieġ li l-kandidati jappartjenu lill-knisja Protestanta jew lill-knisja Kristjana relatata fil-Ġermanja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan it-tip ta’ rekwiżit ma kienx awtomatikament illegali, iżda kellu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali. Dan għandu jkun meħtieġ u ġġustifikat b’mod oġġettiv fuq il-bażi tal-etika tal-knisja u n-natura u ċ-ċirkustanzi tal-impjieg. Huwa għandu josserva wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità (C‑414/16 Egenberger).

JQ, tabib anzjan fi sptar Kattoliku, tkeċċa wara li reġa’ żżewweġ wara li kien iddivorzja. L-isptar argumenta li dan jikser id-dmir tiegħu ta’ lealtà skont il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, peress li amministraturi Kattoliċi kellhom jiddefendu l-fehma tal-Knisja li ż-żwieġ huwa “sagru u inseparabbli”. Wara domanda magħmula minn qorti Ġermaniża fl‑2017, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din tista’ tkun diskriminazzjoni reliġjuża. Ir-rekwiżit li tabib anzjan isegwi r-regoli Kattoliċi fil-qasam taż-żwieġ ma jidhirx li huwa rekwiżit ta’ impjieg ġenwin jew leġittimu li jista’ jiġi ġġustifikat. Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni reliġjuża hija prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li l-persuni jistgħu jinvokaw fil-kawżi dwar id-dritt tal-Unjoni (C‑68/17 IR vs JQ).

Simboli reliġjużi viżibbli fuq il-post tax-xogħol

Fl‑2015, żewġ kawżi waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’perijodu ta’ żmien qasir bejniethom, u kienu jirrigwardaw il-projbizzjoni tal-veli Iżlamiċi fuq il-post tax-xogħol.

L-ewwel kawża tressqet minn qorti Belġjana li kienet qed tisma’ kawża mressqa minn S. Achbita, li kienet tkeċċiet mix-xogħol tagħha mal-kumpannija tas-sigurtà G4S għaliex hija kienet tinsisti li tilbes velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol. Oriġinarjament, G4S kellha regola mhux miktuba li tipprojbixxi simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol. Fl‑2006, wara li S. Achbita weriet l-intenzjoni tagħha li tilbes velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol, G4S ifformalizzat din ir-regola u espliċitament ipprojbixxiet lill-ħaddiema milli jilbsu dawn it-tipi ta’ simboli viżibbli fuq il-post tax-xogħol.

It-tieni kawża tressqet minn qorti Franċiża li kienet qed tisma’ rikors ippreżentat minn A. Bougnaoui, li kienet tkeċċiet mill-pożizzjoni tagħha ta’ inġinier ta’ proġetti ma’ Micropole. Hija libset velu Iżlamiku matul il-perijodu ta’ prova tagħha u kompliet tagħmel dan wara li ġiet impjegata. Madankollu, wara li klijenta lmentat dwar il-velu tagħha, Micropole talbitha tneħħih minħabba l-politika ta’ newtralità tagħha. Meta A. Bougnaoui rrifjutat li tneħħih, hija tkeċċiet.

F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-kumpanniji jistgħu jipprojbixxu lill-ħaddiema milli jilbsu simboli politiċi, filosofiċi jew reliġjużi viżibbli. Din it-tip ta’ projbizzjoni ġenerali ma tammontax għal diskriminazzjoni diretta. Madankollu, din tista’ twassal għal diskriminazzjoni indiretta jekk tqiegħed lil persuni ta’ reliġjon partikolari fi żvantaġġ. Din id-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi ġġustifikata jekk il-persuna li timpjega żżomm politika stretta ta’ newtralità fir-relazzjonijiet mal-klijenti u jekk tapplika l-projbizzjoni biss għall-impjegati li jkunu f’kuntatt viżiv mal-klijenti u li jkollha l-intenzjoni li toffri lil dawn l-impjegati pożizzjonijiet oħra mingħajr kuntatt mal-klijenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fl-assenza ta’ politika stretta ta’ newtralità min-naħa tal-persuna li timpjega, il-preferenzi tal-klijenti biss ma jistgħux jiġġustifikaw tali projbizzjoni (C‑157/15 G4S Secure Solutions u C‑188/15 Bougnaoui).

Fl‑2020, qorti Belġjana talbet kjarifika mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar kawża li fiha mara Musulmana ġiet irrifjutata perijodu ta’ prova mal-kumpannija ta’ akkomodazzjoni soċjali SCRL minħabba li kellha l-intenzjoni li tilbes velu fuq il-post tax-xogħol. SCRL applikat politika stretta ta’ newtralità, li tipprojbixxi kwalunkwe kopertura tar-ras, inklużi beritti, kpiepel u veli. Bħal fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li projbizzjoni ġenerali ta’ simboli reliġjużi, filosofiċi jew spiritwali viżibbli ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta sakemm din tapplika bl-istess mod għall-impjegati kollha. Madankollu, din tista’ twassal għal diskriminazzjoni indiretta jekk taffettwa lil ċerti gruppi b’mod sproporzjonat. Dan ikun jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk il-persuna li timpjega tkun tista’ turi ħtieġa reali għal tali politika. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-sempliċi ħtieġa li tinżamm in-newtralità ma kinitx biżżejjed (C‑344/20 SCRL).

Fl‑2022, qorti Belġjana staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk uffiċċju tal-gvern setax jimplimenta politika ta’ “newtralità stretta” mingħajr ma tkun diskriminatorja. Dan seħħ wara li impjegat muniċipali ġie pprojbit milli jilbes velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol. Ftit wara, il-muniċipalità aġġornat ir-regoli tagħha, u pprojbit lill-persunal kollu, inklużi dawk li jinteraġixxu mal-pubbliku, milli jilbsu simboli reliġjużi jew ideoloġiċi viżibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li tali regola tista’ tkun iġġustifikata jekk tkun intiża li tippreżerva ambjent amministrattiv kompletament newtrali. Madankollu, din tkun ġusta biss jekk tiġi applikata b’mod ugwali għall-ħaddiema kollha u jekk tibqa’ limitata daqs kemm ikun neċessarju (C‑148/22 Commune d’Ans).

Diskriminazzjoni etnika

Tressqu wkoll diversi kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jinvolvu diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-oriġini etnika.

Fl‑2007, qorti Belġjana talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifika dwar rikors ippreżentat kontra kumpannija tal-installazzjoni ta’ bibien ta’ garaxx, Feryn. Id-direttur ta’ Feryn kien iddikjara pubblikament li l-kumpannija ma kinitx ser timpjega “immigranti” għaliex il-klijenti ma xtaqux iħalluhom jidħlu f’darhom. Iċ-Ċentru Belġjan għall-Ugwaljanza tal-Opportunitajiet u għall-Ġlieda Kontra r-Razziżmu fetaħ kawża kontra Feryn, li fiha argumenta li din kellha politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dikjarazzjoni pubblika ta’ rifjut ta’ reklutaġġ ta’ persuni abbażi tal-oriġini etnika tagħhom kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, anki jekk l-ebda persuna ma lmentat direttament jew ma ppreżentat ruħha bħala vittma (C‑54/07 Feryn).

Tressqet kawża oħra li allegat diskriminazzjoni etnika fil-Bulgarija kontra l-kumpannija tal-elettriku CHEZ RB. Il-kumpannija normalment kienet tinstalla arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ 1.7 metri. Madankollu, f’distrett b’diversi residenti Roma, huma kienu installaw l-arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ 6 sa 7 metri. CHEZ RB indikat li l-għan kien li jiġi evitat tbagħbis frekwenti u konnessjonijiet illegali li kienu qed iseħħu fid-distrett Roma. A. Nikolova, proprjetarja ta’ ħanut f’din iż-żona, sostniet li din il-politika kienet diskriminatorja fir-rigward tar-residenti Roma u li kienet taffettwaha wkoll negattivament minkejja li ma kinitx hija stess ta’ oriġini Roma. Il-qorti Bulgara talbet kjarifika mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li politika bħal din tista’ tkun diskriminatorja. Hija kienet offensiva u stigmatizzanti u tagħmilha iktar diffiċli għar-residenti sabiex jikkontrollaw il-konsum tal-elettriku tagħhom. Din dehret ukoll eċċessiva meta mqabbla mal-għan li jiġi żgurat in-network tal-elettriku u li tiġi evitata l-frodi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipproteġi mhux biss lill-persuni ta’ ċertu grupp etniku, iżda wkoll lil persuni oħra kkonċernati minn politiki diskriminatorji (C‑83/14 CHEZ RB).

Diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà

Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat ukoll kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, filwaqt li ċċarat x’jikkostitwixxi diżabbiltà u l-protezzjoni mogħtija lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni li jieħdu ħsiebhom.

Fl‑2006, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet l-ewwel definizzjoni ta’ “diżabbiltà” fid-dritt tal-Unjoni, b’risposta għal domanda magħmula minn qorti Spanjola. Chacón Navas, impjegata mal-kumpannija ta’ ristorazzjoni Eurest, twaqqfet milli taħdem fix-xahar ta’ Ottubru 2003 minħabba marda li żammitha milli taħdem għal żmien qasir. Fix-xahar ta’ Mejju 2004 Eurest keċċietha. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-dritt tal-Unjoni jiddefinixxi d-diżabbiltà bħala limitazzjoni fit-tul ikkawżata minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi li jxekklu l-kapaċità ta’ persuna li tipparteċipa fix-xogħol. Hija ddeċidiet li t-tkeċċijiet bbażati fuq id-diżabbiltà għandhom ikunu bbażati fuq jekk il-persuna tkunx kompetenti, kapaċi u disponibbli sabiex twettaq kompiti professjonali essenzjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li marda waħedha ma hijiex diżabbiltà (C‑13/05 Chacón Navas).

Wara din is-sentenza, fl‑2009, l-Unjoni rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà. B’riżultat ta’ dan, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fit-trattament issa trid tiġi interpretata f’konformità mal-Konvenzjoni.

Sentejn wara, qorti Daniża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar liġi Daniża li kienet tawtorizza li l-ħaddiema jitkeċċew f’terminu iqsar ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg jekk ikunu assenti għal 120 jum minħabba mard. Sindakat Daniż ikkontesta din il-liġi billi sostna li din kienet taffettwa b’mod sproporzjonat lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkollhom mard ikkawżat mid-diżabbiltà tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “diżabbiltà” tinkludi l-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn kull marda kkonstatata medikament, kemm jekk tista’ titfieq jew le, jekk tikkawża limitazzjonijiet fiżiċi, mentali jew psikiċi fit-tul li jżommu lil persuna milli tipparteċipa b’mod sħiħ fix-xogħol. Fir-rigward tat-terminu iqsar ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, għalkemm il-liġi kienet tapplika għal kull ħaddiem assenti għal 120 jum minħabba mard, il-ħaddiema b’diżabbiltà kienu iktar probabbli li jkollhom assenzi fit-tul. Dan seta’ jwassal għal diskriminazzjoni indiretta, sakemm il-liġi ma jkollhiex għan leġittimu u tkun proporzjonata (C‑335/11 u C‑337/11 Ring u Skoube Werge).

Fl‑2013, qorti Daniża staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità jew jekk l-obeżità tistax titqies li hija diżabbiltà. K. Kaltoft kien ħadem bħala assistent responsabbli għat-tfal għal ħmistax‑il sena sakemm tkeċċa f’Novembru 2010. Meqjus bħala obeż, is-sindakat tal-ħaddiema sostna li t-tkeċċija tiegħu kienet dovuta għal diskriminazzjoni illegali bbażata fuq l-obeżità. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix regola ġenerali kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-obeżità. Madankollu, hija qieset li l-obeżità tista’ titqies li hija diżabbiltà jekk tikkawża mobbiltà mnaqqsa, problemi mediċi li jipprevjenu x-xogħol jew inkonvenjenzi sinjifikattivi matul ix-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ma tiddependix mill-oriġini tad-diżabbiltà, peress li dan imur kontra l-għanijiet tagħha (C‑354/13 FOA (Kaltoft)).

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li d-dritt tal-Unjoni jipproteġi lill-impjegati li jkunu vittmi ta’ diskriminazzjoni minħabba li jieħdu ħsieb wild b’diżabbiltà. S. Coleman, segretarja legali, sostniet li hija kienet ġiet ittrattata b’mod inġust fuq il-post tax-xogħol u kienet vittma ta’ sensja impliċita għaliex hija kienet effettivament tieħu ħsieb il-wild tagħha b’diżabbiltà. Hija ħabtet wiċċha ma’ kummenti insolenti, ġiet miċħuda ħinijiet tax-xogħol flessibbli u ma tħallietx terġa’ lura għax-xogħol preċedenti tagħha wara l-leave tal-maternità tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-liġijiet dwar id-diskriminazzjoni ma jipproteġux biss lill-persuni b’diżabbiltà iżda jkopru wkoll l-impjegati li jkollhom jieħdu ħsieb il-wild b’diżabbiltà tagħhom (C‑303/06 Coleman).

Diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fil-poloz tal-assigurazzjoni

Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja spiss indirizzat id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fuq il-post tax-xogħol, is-sentenzi tagħha kellhom ukoll implikazzjonijiet usa’.

Pereżempju, skont id-dritt tal-Unjoni, il-ġeneru jista’ jintuża għall-kalkolu tal-primjums ta’ assigurazzjoni biss jekk l-Istati Membri jiżguraw li d-data użata tkun affidabbli, aġġornata regolarment u disponibbli għall-pubbliku. Assoċjazzjoni Belġjana tal-konsumaturi u żewġ persuni kkontestaw din l-eċċezzjoni quddiem qorti Belġjana, li ressqet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu tal-ġeneru tad-detentur tal-polza bħala “fattur ta’ riskju” fil-kuntratti tal-assigurazzjoni kien diskriminatorju u kien jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa. Hija ddikjarat l-eżenzjoni invalida mill‑21 ta’ Diċembru 2012, billi eżiġiet li l-primjums u l-benefiċċji kollha ta’ assigurazzjoni fl-Unjoni kollha jiġu kkalkolati mingħajr distinzjoni skont il-ġeneru minn din id-data il-quddiem (C‑236/09 Test-Achats).

Konklużjoni

Permezz tas-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li d-dritt tal-Unjoni li jipprevjeni d-diskriminazzjoni jiġi applikat u interpretat bl-istess mod madwar l-Unjoni. Dan jipproteġi mhux biss lill-persuni minn trattament inġust, iżda jrawwem suq tax-xogħol tal-Unjoni iktar inklużiv u koerenti, fejn id-diversità tiġi rrispettata u protetta mil-liġi.

Ara wkoll