Politika dwar il-Multilingwiżmu
Il-multilingwiżmu huwa valur fundamentali tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Aċċess għall-ġustizzja jinkludi l-possibbiltà li tressaq kawża quddiem qorti b’lingwa li tifhem. Dan ifisser ukoll li għandek tkun tista’ taqra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’lingwa li tifhem.
Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja impenjat ruħha li tosserva l‑24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni.
Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea tinsab fil-qalba tal-ħajja ta’ kuljum ta’ madwar 450 miljun ċittadin Ewropew. Sabiex tikkomunika maċ-ċittadini kollha tagħha u, b’mod partikolari, sabiex tiżgura ugwaljanza fit-trattament, trasparenza u aċċessibbiltà għad-deċiżjonijiet, l-Unjoni Ewropea għandha titkellem il-lingwa tagħhom.
Il-multilingwiżmu huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni. Dan jirrifletti l-valur tad-“diversità kulturali u lingwistika”, li hija protetta fit-Trattati tal-Unjoni (TUE u TFUE) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Huwa jissimbolizza l-għan tal-Unjoni li tkun “magħquda fid-diversità”.
L-Unjoni tippromwovi l-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet kollha tagħha. Il-membri kollha tal-persunal tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jitkellmu b’diversi lingwi tal-Unjoni. L-avvenimenti pubbliċi, bħas-sessjonijiet parlamentari jew is-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja, isiru f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni bl-interpretazzjoni tagħhom tiġi żgurata f’ħafna lingwi oħra. Il-leġiżlazzjoni tiġi ppubblikata bil-lingwi uffiċjali kollha. Kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jkollu aċċess għall-informazzjoni, li jikkuntattja lill-istituzzjonijiet u li jirċievi tweġiba bil-lingwa tiegħu stess, inkluż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Multilingwiżmu fil-Qorti tal-Ġustizzja
L-Unjoni bħalissa għandha 24 lingwa uffiċjali: il-Bulgaru, l-Ispanjol, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, l-Estonjan, il-Grieg, l-Ingliż, il-Franċiż, l-Irlandiż, il-Kroat, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, l-Ungeriż, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, il-Finlandiż u l-Isvediż.
Il-Qorti tal-Ġustizzja taħdem fl‑24 lingwa. Dan ma jsir fl-ebda qorti oħra fid-dinja. Dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun f’pożizzjoni li tittratta total ta’ 552 kombinazzjoni lingwistika possibbli, peress li d-dokumenti f’kull lingwa jistgħu jiġu tradotti fit‑23 l-oħra.
Il-politika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-multilingwiżmu tiżgura li l-persuni kkonċernati f’kawża jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-Qorti tal-Ġustizzja fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Hija tippermetti wkoll lil kulħadd jaqra u jifhem is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-multilingwiżmu jagħmel parti mid-DNA tal-Qorti tal-Ġustizzja; huwa jagħmel parti integrali minn dak li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja u mill-mod kif taħdem.
Għal iktar informazzjoni dwar l-aspett multilingwi tal-ħidma tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk jogħġbok żur is-sit internet tagħna ddedikat għall-multilingwiżmu.
Il-Proċedura fil-Qrati
Il-politika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-multilingwiżmu tiġi applikata b’modi differenti f’kull stadju ta’ kawża.
Dan jinsab fir-Regoli tal-Proċedura.
“Lingwa tal-kawża”
Il-kawżi jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi kwalunkwe waħda mill‑24 lingwa uffiċjali.
Il-lingwa tal-kawża tiġi ddeterminata hekk kif il-kawża tasal fil-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tar-Regoli tal-Proċedura.
Din hija ġeneralment il-lingwa użata mir-rikorrent li jkun ressaq il-kawża, jew il-lingwa użata mill-qorti nazzjonali li titlob kjarifiki dwar ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
Għaliex il-lingwa tal-kawża hija importanti? Il-partijiet għandhom jippreżentaw l-argumenti tagħhom, kemm bil-miktub kif ukoll orali, fil-lingwa tal-kawża, u dak kollu li jkun f’lingwa oħra għandu jiġi tradott. Id-dipartiment għat-traduzzjoni ġuridika tal-Qorti tal-Ġustizzja jittraduċi dan bil-Franċiż, il-lingwa użata mill-Imħallfin fid-deliberazzjonijiet tagħhom.
Seduti
Is-seduti jinżammu wkoll fil-lingwa tal-kawża.
L-avukati li jargumentaw favur il-partijiet għandhom jużaw din il-lingwa. Jekk Stat Membru jippreżenta osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentanti tagħhom jużaw il-lingwa tal-pajjiż.
L-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali jistgħu jistaqsu mistoqsijiet bi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni.
Dan huwa possibbli bis-saħħa tal-interpretazzjoni f’ħin reali, imsejħa “interpretazzjoni simultanja”, ipprovduta mill-interpreti tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-interpretazzjoni waqt is-seduti ssegwi sistema lingwistika mfassla apposta, deċiża każ b’każ skont diversi kriterji, prinċipalment skont min ikun preżenti fl-awla.
Madankollu, din għandha dejjem tiġi pprovduta bil-Franċiż, bil-lingwa tal-kawża u bil-lingwi ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni li jipparteċipa fis-seduta.
“Lingwa tad-deliberazzjonijiet”
Il-“lingwa tal-kawża” tvarja minn kawża għal oħra. Madankollu, ma huwiex realistiku li tiġi imposta l-lingwa tal-kawża bħala lingwa tad-deliberazzjonijiet. It-Trattat jirrikjedi li d-deliberazzjonijiet jinżammu sigrieti. Dan ifisser li l-interpreti ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fihom. B’Imħallfin mill-Unjoni kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ lingwa waħda għad-deliberazzjonijiet. Għal raġunijiet storiċi, din il-lingwa hija ġeneralment il-Franċiż.
Konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali
L-Avukati Ġenerali jistgħu jużaw kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni meta jagħtu l-konklużjonijiet tagħhom. Il-konklużjonijiet jiġu tradotti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
Sentenzi
Is-sentenzi jiġu, bħala prinċipju, redatti bil-Franċiż. Dawn imbagħad jiġu tradotti fil-lingwa tal-kawża. Din il-verżjoni tkun il-verżjoni “awtentika” tas-sentenza. Din hija l-verżjoni li tingħata prijorità fil-każ ta’ diverġenzi bejn verżjonijiet lingwistiċi jew ambigwitajiet oħra fit-test.
Is-sentenzi kollha jkunu disponibbli fil-jum li fiha tingħata s-sentenza, fil-lingwa tal-kawża. Il-parti l-kbira jkunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Għal iktar informazzjoni dwar dan, ara Liema kawżi jiġu ppubblikati bil-lingwi kollha?
Politika dwar il-komunikazzjoni
L-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja favur il-multilingwiżmu jgħaddi wkoll mill-politika ta’ komunikazzjoni tagħha.
Il-paġni prinċipali kollha ta’ dan is-sit huma disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
Ir-Rapport Annwali tagħna jkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
L-Istqarrijiet għall-Istampa tagħna jkunu disponibbli b’diversi lingwi, skont numru ta’ fatturi, fosthom l-interess fil-kawża, il-pajjiż ta’ oriġini tal-kawża u dawk li jkunu ser jiġu affettwati mis-sentenza.
Il-paġna tagħna dwar il-politika tal-lingwa tas-sit tipprovdi iktar informazzjoni.
Aċċess għal dokumenti u talbiet għal informazzjoni
Kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jistaqsi mistoqsijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni u li jirċievi tweġiba b’dik il-lingwa.
It-talbiet għall-aċċess għal dokumenti jistgħu jsiru bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni.
Il-formola ta’ kuntatt tagħna hija disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Kwalunkwe messaġġ mibgħut bl-użu ta’ din il-formola jirċievi tweġiba bl-istess lingwa tal-Unjoni bħal dik użata fil-messaġġ.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu
Id-dipartimenti għat-traduzzjoni ġuridika u għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja huma amministrati mid-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu. Minħabba l-importanza tal-multilingwiżmu, dawn il-membri tal-persunal jirrappreżentaw iktar minn terz tal-impjegati kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Dawn huma ċerti rwoli ewlenin fi ħdan dan id-dipartiment.
- Il-ġuristi lingwisti huma esperti fit-traduzzjoni ta’ dokumenti legali. Kif jindika t-titolu tal-pożizzjoni tagħhom, huma għandhom għarfien espert doppju. Huma għandhom kwalifiki legali u għandhom ukoll għarfien eċċellenti ta’ mill-inqas tliet lingwi tal-Unjoni, ħafna drabi ħafna iktar. Huma jiżguraw ukoll li l-kunċetti legali tal-Unjoni u l-kunċetti legali nazzjonali jinxterdu b’mod korrett f’lingwi differenti.
- L-interpreti jaħdmu bi tlieta sa sitt lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Dawn huma interpreti tal-konferenzi kkwalifikati li jipprovdu interpretazzjoni f’ħin reali waqt is-seduti.
- Il-qarrejja tal-provi huma edituri lingwistiċi li jeżaminaw il-kwalità lingwistika tad-dokumenti legali tradotti minn ġuristi lingwisti, inklużi l-konklużjonijiet u s-sentenzi. Huma jiżguraw li l-lingwa użata fid-dokumenti tradotti tkun korretta u konsistenti.
Għal iktar informazzjoni dwar il-ħidma ta’ dan id-dipartiment, ara l-paġna tagħna dwar id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu.
