Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja
Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jiżgura amministrazzjoni effiċjenti u effikaċi tal-ġustizzja. Huwa jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri ġudizzjarji, miż-żamma tal-atti proċedurali sal-amministrazzjoni tal-proċessi. Huwa għandu rwol essenzjali fl-organizzazzjoni tas-seduti, fl-aġġornament tad-databases proċedurali u fil-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet f’kawża.
X’inhu r-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja u x’inhuma l-kompiti tiegħu?
Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu 3 kompiti prinċipali:
- Komunikazzjoni mal-partijiet u mar-rappreżentanti tagħhom kif ukoll mal-Imħallfin u mal-Avukati Ġenerali fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
- L-iżgurar ta’ tmexxija bla xkiel tal-proċeduri u ż-żamma tal-proċessi aġġornati
- Provvista ta’ assistenza legali u teknika attiva lill-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u lill-membri tal-persunal tagħhom
Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu rwol ċentrali fl-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fl-amministrazzjoni tajba tal-kawżi. Huwa jservi bħala punt ta’ kuntatt bejn ir-rappreżentanti tal-partijiet, il-membri tal-ġudikatura nazzjonali, id-dipartimenti amministrattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Uffiċċji tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari l-Uffiċċju tal-President. Matul il-proċedura ġudizzjarja, ir-Reġistru jipprovdi wkoll sostenn attiv lill-Membri u lit-timijiet tagħhom.
Ir-Reġistru għandu jżomm ir-reġistru uffiċjali tal-atti proċedurali u jamministra l-kawżi fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jittratta l-preżentata, it-trażmissjoni u ż-żamma tad-dokumenti skont l-Istatut u r-Regoli tal-Proċedura, filwaqt li jżomm il-korrispondenza mal-partijiet u mat-terzi kkonċernati mill-kawżi pendenti. Ir-Reġistru jieħu ħsieb il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ materjal ieħor, filwaqt li jiżgura li l-kawżi kollha jiddaħħlu fl-arkivji korrettament.
B’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċji tal-Membri u ma’ dipartimenti amministrattivi oħra, ir-Reġistru jorganizza s-seduti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Rappreżentant tar-Reġistru jkun preżenti f’kull seduta sabiex jittratta kull kwistjoni proċedurali u jabbozza l-minuti. Dawn ikunu preżenti wkoll fl-għoti tal-konklużjonijiet u tas-sentenzi. Ir-Reġistru jittratta wkoll it-talbiet għal traduzzjoni tal-atti proċedurali fil-lingwa tad-deliberazzjonijiet u fil-lingwa tal-kawża, u jagħmel in-notifiki kollha neċessarji matul il-proċedura kollha.
Ir-Reġistratur huwa fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għax-xogħol tar-Reġistru. Madankollu, fid-dawl tal-portata tal-funzjonijiet tar-Reġistratur bħala Segretarju Ġenerali tal-Istituzzjoni, it-tmexxija ta’ kuljum tar-Reġistru tiġi ddelegata lill-Assistent Reġistratur, li huwa sostnut minn żewġ kapijiet ta’ diviżjoni. Flimkien, huma jmexxu madwar 50 membru tal-persunal. Taqsimiet differenti, li jieħdu ħsiebhom amministratur lingwistiku, jieħdu ħsieb il-proċessi f’kull waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Tim dedikat jieħu ħsieb is-sistemi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, l-arkivji u l-istatistika.
Fost ir-responsabbiltajiet tekniċi tiegħu, ir-Reġistru
- jżomm is-sistema ta’ ħażna elettronika tal-atti proċedurali
- jamministra u jaġġorna d-databases proċedurali
- jieħu ħsieb l-applikazzjoni e‑Curia, li tippermetti l-iskambju elettroniku ta’ atti proċedurali bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet b’sigurtà
- jipproduċi l-istatistika ġudizzjarja
Ir-Reġistru jipprovdi sostenn lill-Kumitat dwar l-Istatut u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jikkontribwixxi għall-abbozzar u għall-aġġornament tat-testi proċedurali, kif ukoll għall-koordinazzjoni tat-traduzzjoni u tal-pubblikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, uffiċjali mir-Reġistru jipparteċipaw wkoll fid-diskussjonijiet mal-grupp ta’ ħidma “Qorti tal-Ġustizzja” tal-Kunsill u, fejn xieraq, fil-laqgħat tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari meta jeżaminaw proposti għal emendi tal-Istatut.
Kuntatt mar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fil-kuntest ta’ kawżi pendenti, ir-Reġistru jista’ jiġi kkuntattjat permezz tal-possibbiltajiet imsemmija fil-paġna Preżentata ta’ dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
It-talbiet dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest ta’ kawżi magħluqa jistgħu jiġu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-posta jew bil-posta elettronika:
Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja
Rue du Fort Niedergrünewald
L-2925 Luxembourg
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar jekk il-kawża tiegħek tkunx tista’ tinstema’ mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara Nista’ nressaq il-kawża tiegħi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Għal kwalunkwe mistoqsija oħra, jekk jogħġbok uża l-formola ta’ kuntatt tagħna sabiex tikkuntattja lill-Qorti tal-Ġustizzja.
